Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Barranin

Kunsill Affarijiet Barranin, 22 ta' Jannar 2024

Riżultati prinċipali

Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna

Il-Kunsill Affarijiet Barranin iddiskuta l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, wara intervent b'vidjokonferenza mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna Dmytro Kuleba, li informa lill-kontropartijiet tiegħu tal-UE dwar l-aħħar żviluppi fuq il-post.

Minkejja attakki kontinwi mir-Russja, l-Ukrajna qed tikseb suċċessi militari importanti, b'mod partikolari fil-Baħar l-Iswed. Madankollu, ir-Russja eskalat l-attakki bil-missili u bid-droni fuq miri ċivili fl-Ukrajna u għadha ta' theddida għall-Ewropa.

Id-diskussjoni tal-Kunsill għalhekk iffukat fuq il-ħtieġa li tkompli tingħata assistenza lill-Ukrajna, inkluż appoġġ militari.

Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Il-ministri qablu li dan mhuwiex il-mument li ndgħajfu l-appoġġ tagħna għall-Ukrajna. Bil-kontra: huwa l-mument li nagħmlu aktar u aktar malajr. Permezz ta' riżorsi finanzjarji, tagħmir militari, taħriġ għas-suldati u [l-forniment ta'] dak kollu li l-Ukrajna teħtieġ biex tiddefendi lilha nnifisha.
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Il-ministri ddiskutew modi biex jgħinu lill-Ukrajna bil-forniment ta' aktar assistenza u assistenza prevedibbli, qabel il-laqgħa speċjali tal-Kunsill Ewropew skedata għall-1 ta' Frar. Ir-Rappreżentant Għoli esprima t-tama tiegħu li l-UE tkun tista' tilħaq ftehim dwar żieda ta' ħames biljun euro mill-Faċilità Ewropea għall-Paċi, u l-istabbiliment ta' "Fond ta' Assistenza għall-Ukrajna" biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet l-aktar urġenti tal-Ukrajna.

Dwar l-assi Russi immobilizzati, naħseb li nista' ngħid li għandna qbil politiku biex niffinalizzaw il-ħidma abbażi tal-proposta li ressaqna f'Diċembru, li tiffoka fuq id-dħul, jew profitti mhux mistennija. Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani

Il-Kunsill Affarijiet Barranin kellu diskussjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani u kellu skambji separati dwar dan is-suġġett ma': il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' Iżrael Katz, il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Arabja Sawdija - Faisal bin Farhan Al Saud, tal-Ġordan - Ayman Safadi, u tal-Eġittu - Sameh Shoukry, u s-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab Ahmed Aboul Gheit, kif ukoll il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Awtorità Palestinjana Riyad al-Maliki.

Matul l-ewwel diskussjoni mal-ministru Katz, il-ministri tal-UE qablu li s-sitwazzjoni katastrofika f'Gaża - l-għadd dejjem jikber ta' mwiet fost iċ-ċivili, il-ġuħ mifrux, in-nuqqas serju ta' konsenji umanitarji u ta' aċċess umanitarju, u l-ostaġġi Iżraeljani li ilhom miżmuma għal aktar minn 100 jum – hija l-prijorità assoluta u l-aktar imminenti.

Aktar mewt, qerda u tbatija għall-poplu Palestinjan mhux ser jgħinu biex jingħeleb il-Ħamas u l-ideoloġija tiegħu. Għall-kuntrarju, dan mhux ser iġib aktar sigurtà lil Iżrael. Huwa għalhekk li jeħtieġ li nirduppjaw l-isforzi tagħna mas-sħab internazzjonali biex nimxu minn konfrontazzjoni fatali għal soluzzjoni. Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Wara dan, il-ministri tal-UE kellhom diskussjoni waqt l-ikla ta' nofsinhar mas-sħab reġjonali fl-Isforz ta' Jum il-Paċi – l-Arabja Sawdija, il-Ġordan, l-Eġittu u l-Lega tal-Istati Għarab.

Huma qablu dwar il-ħtieġa li jingħata appoġġ lill-UNRWA (l-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib), u tkellmu dwar Gaża ta' wara l-gwerra, dwar sforzi konġunti biex terġa' tingħata l-ħajja lill-proċess politiku lejn soluzzjoni ta' żewġ stati u dwar ħidma lejn Konferenza Preparatorja dwar il-Paċi u pjan ta' paċi reġjonali komprensiv.

It-tielet, il-ministri tal-UE kellhom ukoll diskussjoni mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Palestina al-Maliki, li miegħu tennew l-appoġġ qawwi tal-UE għall-poplu Palestinjan u għall-Awtorità Palestinjana.

Fl-aħħar, ir-Rappreżentant Għoli qasam ideat mal-istati membri tal-UE għal diskussjoni interna tal-UE dwar approċċ komprensiv biex jerġa' jinbeda l-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani, li jibni fuq il-ħidma li saret fil-kuntest tal-"Isforz ta' Jum il-Paċi". Ir-Rappreżentant Għoli ppropona b'mod partikolari li ssir ħidma biex fil-futur issir Konferenza Preparatorja dwar il-Paċi biex jiġi indirizzat il-konflitt bejn Iżrael u l-Palestina b'mod komprensiv.

Aspetti oħra li ddiskutew il-ministri kienu: ħidma li għaddejja dwar sanzjonijiet kontra insedjamenti estremisti u vjolenti fix-Xatt tal-Punent, tensjonijiet kontinwi fil-fruntiera bejn Iżrael u l-Libanu u fil-Baħar l-Aħmar u l-mewġa dejjem tikber ta' vjolenza reċenti li kkawża għadd kbir ta' vittmi ċivili fir-reġjun usa' u fin-Nofsinhar tal-Asja.

L-Ażerbajġan u l-Armenja

Taħt ġrajjiet kurrenti, il-Kunsill Affarijiet Barranin semma l-Ażerbajġan/l-Armenja. Il-Kunsill esprima solidarjetà ma' Franza dwar it-tkeċċija tad-diplomatiċi tagħha u l-attakki reċenti fil-media. Il-ministri qablu li l-Ażerbajġan jeħtieġ li jerġa' lura għal taħditiet sostantivi dwar il-paċi u n-normalizzazzjoni mal-Armenja.

Kwalunkwe ksur tal-integrità territorjali tal-Armenja huwa inaċċettabbli u ser ikollu konsegwenzi gravi fuq ir-relazzjonijiet mal-UE.

Konklużjonijiet tal-Kunsill

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar il-prijoritajiet tal-UE fil-Fora tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-2024.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 5 ta' Frar 2025