- Kunsill Ewropew
- Stqarrija għall-istampa
- 8 ta' Novembru 2024 15:20
Dikjarazzjoni ta' Budapest dwar il-Patt Ġdid dwar il-Kompetittività Ewropea
Wara l-eventi ta' temp estrem devastanti fi Spanja, aħna nesprimu l-kondoljanzi profondi tagħna u ninsabu f'solidarjetà mal-poplu ta' Spanja, b'mod partikolari mal-familji u l-ħbieb tal-vittmi.
*
* *
Quddiem realtajiet ġeopolitiċi ġodda u l-isfidi ekonomiċi u demografiċi, aħna, il-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea, ninsabu determinati li niżguraw il-prosperità ekonomika komuni tagħna, li nagħtu spinta lill-kompetittività tagħna, li nagħmlu lill-UE l-ewwel kontinent b'impatt newtrali fuq il-klima fid-dinja u li niżguraw is-sovranità, is-sigurtà, ir-reżiljenza u l-influwenza globali tal-UE. Abbażi tal-ħidma li nbdiet f'Versailles u li tkompliet fi Granada, fi Brussell u fl-Aġenda Strateġika, ser nagħmlu lill-Unjoni aktar kompetittiva, produttiva, innovattiva u sostenibbli, filwaqt li nibnu fuq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u niżguraw konverġenza u kundizzjonijiet ekwi kemm fl-Unjoni kif ukoll fil-livell dinji.
Nilqgħu r-rapporti “Much more than a market” minn Nilqgħu r-rapporti "Much more than a market" minn Enrico Letta u "The future of European competitiveness" minn Mario Draghi, li jidentifikaw l-isfidi kritiċi u jagħmlu rakkomandazzjonijiet orjentati lejn il-ġejjieni. Dawn jipprovdu pedament sod li fuqu ser navvanzaw il-ħidma tagħna b'mod ambizzjuż. Ser nagħtu widen għat-twissija tagħhom. Huwa imperattiv li neliminaw b'urġenza d-distakk fl-innovazzjoni u l-produttività, kemm mal-kompetituri globali tagħna kif ukoll fl-UE. Ser naħdmu f'unità u b'solidarjetà għall-benefiċċju taċ-ċittadini, in-negozji u l-Istati Membri kollha tal-UE.
Biex nagħtu spinta lill-kompetittività tagħna, l-istrumenti u l-politiki kollha jridu jiġu sfruttati b'mod komprensiv u koerenti kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak tal-Istati Membri. M'għadx għandna l-għażla li nibqgħu mexjin kif nimxu ssoltu. Illum qed nenfasizzaw il-ħtieġa urġenti ta' azzjoni deċiżiva biex nindirizzaw dawn l-isfidi u qed nappellaw għal sforzi kollettivi u determinati fir-rigward tal-muturi tal-kompetittività ta' hawn taħt, li jibnu fuq il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' April 2024:
1. Nintensifikaw l-isforzi tagħna biex niżguraw Suq Uniku li jiffunzjona bis-sħiħ u nisfruttaw il-potenzjal sħiħ tiegħu bħala mutur ewlieni għall-innovazzjoni, l-investiment, il-konverġenza, it-tkabbir, il-konnettività u r-reżiljenza ekonomika. Għal dan l-għan, nistiednu lill-Kummissjoni tippreżenta, sa Ġunju 2025, strateġija orizzontali komprensiva u ġdida dwar l-approfondiment tas-Suq Uniku, inkluż pjan direzzjonali bi skadenzi u stadji importanti ċari.
2. Nieħdu passi deċiżivi lejn Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti sal-2026, u nagħmlu progress urġenti fir-rigward tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Dan ser joħloq swieq kapitali Ewropej verament integrati li jkunu aċċessibbli għaċ-ċittadini u n-negozji kollha, b’mod partikolari għall-SMEs u n-negozji ġodda. Dan għandu jippermetti lill-kumpaniji innovattivi tagħna jespandu. Barra minn hekk, investiment akbar fl-ekwità jikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-kompetittività tal-UE f'teknoloġiji kritiċi. Huwa meħtieġ ukoll aktar progress biex titlesta l-Unjoni Bankarja.
3. Niżguraw it-tiġdid industrijali tagħna u d-dekarbonizzazzjoni, u nagħmluha possibbli li l-UE tibqa' potenza industrijali u teknoloġika. Għal dan l-għan, ser niżviluppaw politika industrijali Ewropea biex niżguraw it-tkabbir tat-teknoloġiji ewlenin tal-futur, filwaqt li nagħtu attenzjoni partikolari lill-industriji tradizzjonali fi tranżizzjoni. Nistiednu lill-Kummissjoni tippreżenta, bħala prijorità, strateġija industrijali komprensiva għal industriji kompetittivi u impjiegi ta' kwalità.
4. Inniedu rivoluzzjoni ta’ simplifikazzjoni, niżguraw qafas regolatorju ċar, sempliċi u intelliġenti għan-negozji u nnaqqsu b'mod drastiku l-piżijiet amministrattivi, regolatorji u ta' rapportar, b’mod partikolari għall-SMEs. Jeħtieġ li nadottaw mentalità abilitanti li tkun ibbażata fuq il-fiduċja, li tippermetti lin-negozji jiffjorixxu mingħajr regolamentazzjoni eċċessiva. L-objettivi ewlenin li għandhom jiġu implimentati mill-Kummissjoni mingħajr dewmien jinkludu t-tressiq ta' proposti konkreti biex ir-rekwiżiti tar-rapportar jitnaqqsu b'mill-inqas 25 % fl-ewwel nofs tal-2025, u l-inklużjoni ta' valutazzjonijiet tal-impatt tal-burokrazija żejda u tal-kompetittività fil-proposti tagħha.
5. Intejbu l-istat ta' tħejjija fir-rigward tad-difiża u nżidu l-kapaċitajiet ta' difiża tagħna, b'mod partikolari billi nsaħħu l-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża tagħna skont kif ikun meħtieġ[1]. F'dan ir-rigward, ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni ser jippreżentaw, mingħajr dewmien, għażliet żviluppati għall-finanzjament pubbliku u privat. Ser nisfruttaw ukoll il-potenzjal tal-industrija spazjali.
6. qiegħdu lill-Ewropa fuq quddiem nett tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-livell dinji, speċjalment fit-teknoloġiji fixkiela, u nilħqu l-mira tan-nefqa ta' 3 % tal-PDG fuq ir-R&Ż sal-2030. Ninsabu lesti li naħdmu fuq il-proposta ta’ Enrico Letta tal-"ħames libertà" biex jissaħħu r-riċerka, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni fis-Suq Uniku.
7. Infittxu li niksbu l-objettiv doppju tas-sovranità strateġika tal-enerġija u n-newtralità klimatika sal-2050. Għal dan l-għan, ser nibnu Unjoni tal-Enerġija ġenwina kkaratterizzata minn suq tal-enerġija integrat bis-sħiħ u interkonness bħala kwistjoni ta' prijorità, permezz tad-dekarbonizzazzjoni tat-taħlita tal-enerġija tagħna u l-forniment ta' enerġija affordabbli u nadifa għaċ-ċittadini u n-negozji kollha tagħna. Ser jittieħdu miżuri urġenti biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni li tirriżulta minn prezzijiet tal-elettriku għoljin u volatili fl-Ewropa u l-kawżi tagħhom.
8. Nibnu ekonomija aktar ċirkolari u effiċjenti fir-riżorsi u niżviluppaw suq integrat għall-materjali sekondarji, speċjalment għall-materja prima kritika. Għal dan l-għan, nistiednu lill-Kummissjoni tippreżenta l-Att tagħha dwar l-Ekonomija Ċirkolari.
9. Insaħħu l-kapaċitajiet teknoloġiċi tal-UE, naċċelleraw it-trasformazzjoni diġitali fl-industriji kollha, naħtfu l-opportunitajiet tal-ekonomija tad-data filwaqt li niżguraw il-privatezza u s-sigurtà, kif ukoll inrawmu l-iżvilupp ta’ teknoloġiji innovattivi. Nistiednu lill-Kummissjoni tressaq proposti f'dan ir-rigward sa Ġunju 2025.
10. Nisfruttaw it-talent fl-Ewropa u ninvestu fil-ħiliet biex jitrawmu impjiegi ta' kwalità għolja fl-Unjoni kollha. Ser nippruvaw insaħħu d-djalogu soċjali, inħarsu l-opportunitajiet indaqs u nnaqqsu l-inugwaljanzi, f'konformità mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
11. Inkomplu b'politika kummerċjali ambizzjuża, robusta, miftuħa u sostenibbli bid-WTO fil-qalba tagħha, li tiddefendi u tippromwovi l-interessi, id-diversifikazzjoni ekonomika u r-reżiljenza tal-UE. Ser insaħħu s-sigurtà ekonomika tagħna filwaqt li nħarsu ekonomija miftuħa u nibnu sħubijiet internazzjonali.
12. Niżviluppaw settur agrikolu kompetittiv, sostenibbli u reżiljenti, infasslu qafas stabbli u prevedibbli għall-bdiewa, insaħħu l-pożizzjoni tagħhom fil-katina tal-provvista tal-ikel u niżguraw kompetizzjoni ġusta fil-livell dinji u fis-suq intern.
Finanzjament adatt għall-futur
L-isfidi tal-kompetittività li qed niffaċċaw ser jeħtieġu investiment sinifikanti, b'mobilizzazzjoni kemm ta' finanzjament pubbliku kif ukoll dak privat. Qed nikkommettu ruħna li nesploraw u nużaw l-istrumenti u l-għodod kollha biex nilħqu l-għanijiet tagħna: il-Qafas Finanzjarju Pluriennali bħala mezz essenzjali biex inwettqu l-prijoritajiet strateġiċi tagħna; l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, biex jiġi mmobilizzat il-finanzjament privat; u l-involviment akbar tal-Bank Ewropew tal-Investiment. Ser nesploraw l-iżvilupp ta' strumenti ġodda. Ser inkomplu naħdmu biex nintroduċu riżorsi proprji ġodda.
Qatt ma kien hemm żmien li jitlob rispons unifikat aktar mill-preżent. Nappellaw lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE, lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati biex jimplimentaw u jwettqu b'urġenza dan il-Patt Ġdid dwar il-Kompetittività Ewropea. Matul is-sena li ġejja, ser inkomplu nipprovdu aktar gwida strateġika u nirrieżaminaw il-progress regolarment.
[1] Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-karattru speċifiku tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża ta' ċerti Stati Membri.
Kuntatti għall-istampa
-
Ecaterina Casinge Spokesperson for the European Council President
- +32 488 58 59 08
- +32 2 281 5150
- @ecasinge
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 22 ta' Jannar 2025