- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 16 ta' Diċembru 2024 13:30
Theddid ibridu Russu: l-UE taqbel dwar l-ewwel elenkar b'reazzjoni għall-attivitajiet destabbilizzanti kontra l-UE, l-istati membri u s-sħab tagħha
Għall-ewwel darba assoluta, illum il-Kunsill iddeċieda li jimponi miżuri restrittivi kontra 16-il individwu u tliet entitajiet responsabbli għal azzjonijiet destabbilizzanti tar-Russja barra mill-pajjiż. Dawn il-miżuri huma b'reazzjoni għall-azzjonijiet malizzjużi tar-Russja u n-nuqqas ta' rispett tagħha għal ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli u d-dritt internazzjonali.
Il-qafas rilevanti għal miżuri restrittivi ġie stabbilit fit-8 ta' Ottubru 2024 biex ipoġġi fil-mira lil dawk involuti f'azzjonijiet u politiki mill-gvern tal-Federazzjoni Russa, li jimminaw il-valuri fundamentali tal-UE u l-istati membri tagħha, is-sigurtà, l-istabbiltà, l-indipendenza u l-integrità tagħhom, kif ukoll dawk ta' organizzazzjonijiet internazzjonali u pajjiżi terzi permezz ta' attivitajiet ibridi ta' diversi tipi, inkluż l-użu ta' manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza kkoordinati. Fl-istess jum, l-UE ħarġet ukoll dikjarazzjoni li tikkundanna l-kampanja li qed tintensifika tar-Russja ta' attivitajiet ibridi.
Id-deżinjazzjonijiet tal-lum jinkludu l-GRU Unit 29155, unità sigrieta fi ħdan l-aġenzija tal-intelligence militari Russa (GRU), magħrufa għall-involviment tagħha fi qtil barra mill-pajjiż u attivitajiet ta' destabbilizzazzjoni bħal attakki bil-bombi u attakki ċibernetiċi fl-Ewropa, u li xi persunal militari tagħha huwa attiv fl-Ukrajna, fil-Punent tal-Ewropa u fl-Afrika.
Fir-rigward ta' din tal-aħħar, il-Kunsill iddeċieda li jelenka lill-Groupe Panafricain pour le Commerce et l'Investissement, network ta' diżinformazzjoni li jwettaq operazzjonijiet ta' influwenza pro-Russa bil-moħbi, b'mod partikolari fir-Repubblika Ċentru-Afrikana u fil-Burkina Faso, u l-fundatur tagħha, Harouna Douamba. Barra minn hekk, il-Kunsill elenka lill-African Initiative, aġenzija tal-aħbarijiet involuta fit-tixrid tal-propaganda u d-diżinformazzjoni Russa fil-kontinent Afrikan, il-kap editur tagħha u Uffiċjal tas-Servizz tas-Sigurtà Federali Russu (FSB) involut f'kampanji kkoordinati ta' diżinformazzjoni, kemm fl-Ewropa kif ukoll fl-Afrika, Artem Kureev, kif ukoll uffiċjal militari għoli tal-GRU, li ħa f'idejh l-operazzjonijiet tal-Grupp Wagner fl-Afrika, wara l-mewt ta' Yevgeny Prigozhin.
Barra minn hekk, il-Kunsill poġġa fil-mira lill-kampanja "Doppelganger", kampanja ta' diżinformazzjoni diġitali mmexxija mir-Russja li għandha l-għan tal-manipulazzjoni tal-informazzjoni u t-tixrid tad-diżinformazzjoni b'appoġġ għall-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u li fil-mira għandha lill-istati membri tal-UE, l-Istati Uniti u l-Ukrajna, billi ssanzjonat lil Sofia Zakharova, il-kap tad-dipartiment fl-Uffiċċju tal-President tal-Federazzjoni Russa għall-Iżvilupp tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni u l-Infrastruttura tal-Komunikazzjoni, u lil Nikolai Tupikin, kap u fundatur ta' GK Struktura.
Is-sanzjonijiet tal-lum għandhom ukoll fil-mira tagħhom lil Vladimir Sergiyenko, eks assistent parlamentari tal-Membru tal-Bundestag Ġermaniż, Eugen Schmidt, li kkollabora b'mod attiv mal-uffiċjali tal-intelligence Russi, u lill-imprenditur Russu, Visa Mizaev, u lis-sieħba kummerċjali u mara tiegħu, li kellhom rwol ewlieni f'operazzjoni tal-intelligence Russa kontra s-Servizz Federali tal-Intelligence Ġermaniż (BND) li fiha ġiet mgħoddija informazzjoni klassifikata ħafna lill-FSB.
Fl-aħħar nett, il-Kunsill poġġa fil-mira wkoll lill-kollaboraturi tal-Gvern tal-Federazzjoni Russa fi Franza: Alesya Miloradovich, impjegat tal-gvern Russu, u Anatolii Prizenko, negozjant Moldovan li kkoordina t-tluq ta' diversi ċittadini Moldovani lejn Franza f'Ottubru 2023.
Dawk iddiżenjati llum ser ikunu soġġetti għal iffriżar tal-assi u ċ-ċittadini u l-kumpaniji tal-UE ser ikunu pprojbiti milli jagħmlu fondi disponibbli għalihom. Barra minn hekk,il-persuni fiżiċi ser ikunu soġġetti wkoll għal projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar, li ser iżżommhom milli jidħlu fit-territorji tal-UE jew jgħaddu minnhom.
Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-27 ta' Ġunju 2024, il-Kunsill Ewropew ikkundanna bis-sħiħ it-tipi kollha ta' attivitajiet ibridi, li qed jiżdiedu u huma mmirati lejn l-UE, l-istati membri u s-sħab tagħha.
- Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/3188 tas-16 ta' Diċembru 2024 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2024/2642 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet destabbilizzanti tar-Russja
- Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/3174 tas-16 ta' Diċembru 2024 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2024/2643 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet destabbilizzanti tar-Russja (inkluż lista ta' individwi u entità sanzjonati)
- Russja: Qafas ġdid ta' sanzjonijiet kontra dawk responsabbli għal attivitajiet destabbilizzanti kontra l-UE u l-istati membri tagħha (8 ta' Ottubru 2024)
- Theddid ibridu/Russja: Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli f'isem l-UE dwar it-tkomplija tal-attività ibrida tar-Russja kontra l-UE u l-istati membri tagħha, 8 ta' Ottubru 2024
-
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin:
- Kronoloġija – Sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja (Informazzjoni ġenerali)
- Ir-rispons tal-UE għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna (Informazzjoni ġenerali)
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Daniela Lenzu Press officer
- +32 470 88 04 02
- +32 2 281 21 46
- @daniela_lenzu
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 7 ta' April 2025