- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 12 ta' Novembru 2025 10:55
Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli f'isem l-Unjoni Ewropea dwar l-allinjament ta' ċerti pajjiżi rigward il-miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna
Fit-23 ta' Ottubru 2025, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/20321.
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/2032 imponiet aktar restrizzjonijiet fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, fost l-oħrajn, miżuri li jirrestrinġu d-dħul tar-Russja mill-enerġija permezz ta' projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet tal-gass naturali likwifikat (LNG) Russu, projbizzjoni sħiħa fuq it-tranżazzjonijiet ta' Rosneft u Gazprom Neft rigward l-importazzjonijiet taż-żejt u tal-gass fl-UE, u permezz tal-estensjoni tal-projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta' varjant tal-gass likwifikat miż-żejt (LPG). Id-Deċiżjoni imponiet ukoll miżuri restrittivi fuq bastimenti tal-flotta mistura kif ukoll projbizzjoni fuq it-tranżazzjonijiet kontra operaturi li jippermettu l-flussi ta' dħul mill-enerġija tar-Russja. Id-Deċiżjoni espandiet ukoll il-projbizzjoni fuq it-tranżazzjonijiet għal banek addizzjonali fir-Russja kif ukoll għal banek ta' pajjiżi terzi fl-Asja Ċentrali, u imponiet restrizzjonijiet ġodda fuq il-kard ta' pagament u s-sistema ta' pagament rapidu (Mir u SBP) tar-Russja. Id-Deċiżjoni pprojbixxiet ukoll l-użu tal-kriptovaluta A5A7 u introduċiet projbizzjonijiet fuq il-forniment ta' servizzi tal-kriptoassi u ċerti servizzi tat-teknoloġija finanzjarja. Id-Deċiżjoni espandiet ir-restrizzjonijiet u l-projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni biex tkompli tfixkel u ddgħajjef il-kumpless militari-industrijali tar-Russja. Id-Deċiżjoni inkludiet ukoll miżuri mmirati lejn iż-Żoni Ekonomiċi Speċjali (SEZs) tar-Russja, introduċiet projbizzjonijiet fuq is-servizzi li jimblukkaw l-aċċess tar-Russja għal kapaċitajiet diġitali avvanzati u projbizzjoni fuq is-servizzi ta' riassigurazzjoni. Fl-aħħar nett, id-Deċiżjoni introduċiet obbligu għad-diplomatiċi Russi, li jivvjaġġaw fl-UE lil hinn mill-pajjiż ta' akkreditazzjoni tagħhom, biex jinfurmaw lill-istat membru rilevanti tal-UE minn qabel. L-istati membri tal-UE jistgħu jimponu rekwiżit ta' awtorizzazzjoni fuq diplomatiċi Russi għall-ivvjaġġar lejn it-territorji tagħhom, abbażi ta' viżi jew permessi ta' residenza maħruġa minn stat ieħor.
L-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, il-Maċedonja ta' Fuq, il-Montenegro, in-Norveġja u l-Ukrajna jallinjaw ruħhom ma' din id-Deċiżjoni tal-Kunsill.
Huma ser jiżguraw li l-politiki nazzjonali tagħhom ikunu konformi ma' din id-Deċiżjoni tal-Kunsill.
L-Unjoni Ewropea tieħu nota ta' dan l-impenn u tilqgħu b'sodisfazzjon.
1 ĠU L, 2025/2032, 23.10.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2032/oj
Kuntatti għall-istampa
-
Anitta Hipper Lead Spokesperson
- +32 2 29 85691
- +32 460 76 14 21
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Novembru 2025