"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Politika agrikola aktar ġusta, aktar ekoloġika u bbażata aktar fuq ir-rendiment

Infografika dwar il-politika agrikola komuni l-ġdida

Infografika - Politika agrikola aktar ġusta, aktar ekoloġika u bbażata aktar fuq ir-rendiment

Il-politika agrikola komuni tal-UE tappoġġa lill-bdiewa u tagħmel żgur li jkun hemm ikel ta' kwalità għolja għaċ-ċittadini Ewropej. Biex twieġeb għall-ħtiġijiet u l-isfidi dejjem jinbidlu, l-UE qed taħdem għal politika agrikola ġdida.

Il-politika agrikola komuni tal-UE:

  • tappoġġa seba' miljun benefiċjarju madwar l-UE
  • tipprovdi ikel ta' kwalità għolja lil 447 miljun Ewropew
  • għandha baġit ta' €386.6 biljun, terz tal-baġit totali tal-UE
  • tikkontribwixxi għall-azzjoni għall-klima b'madwar 40% tal-baġit tagħha

X'hemm ġdid fil-politika?

Aktar flessibbiltà fl-ippjanar

Kull stat membru huwa mitlub ifassal pjan strateġiku, li l-għanijiet tiegħu għandhom ikunu konformi mal-objettivi ta' politika mifruxa mal-UE kollha. Il-pjanijiet jippermettu lill-pajjiżi jiddefinixxu aħjar kif jużaw il-fondi agrikoli skont il-kundizzjonijiet u l-ħtiġijiet lokali.

Il-pjanijiet jinkludu dawn l-aspetti tal-pajjiżi:

  • il-ħtiġijiet u l-għodod
  • l-azzjonijiet u l-miri
  • l-interventi speċifiċi disponibbli għall-bdiewa

Appoġġ finanzjarju maħsub aħjar

Appoġġ għad-dħul ser jitqassam b'mod aktar ġust. Il-ħlas għal kull bidwi jaf jitnaqqas u jiġi limitat bħala parti minn tqassim mill-ġdid aktar komprensiv tal-appoġġ minn irziezet akbar għal dawk iżgħar.

Il-fondi ser jingħataw prijorità għal:

  • irziezet żgħar
  • bdiewa żgħażagħ

Prattiki ta' biedja aktar ekoloġiċi

Permezz tal-ekoskemi, jiġi pprovdut ħlas speċifiku lil bdiewa li jadottaw prattiki li jqisu t-tibdil fil-klima u li jħarsu n-natura, li jistgħu jgħinu fl-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Eżempji ta' dawn l-azzjonijiet huma:

  • biedja organika
  • newba tal-għelejjel
  • preżervazzjoni ta' ħamrija b'livell għoli ta' karbonju

Aktar konċentrazzjoni fuq ir-rendiment

L-istati membri jippjanaw interventi bbażati fuq riżultati ċari, u jirrapportaw dwar ir-rendiment abbażi tal-objettivi tal-pjan strateġiku.

Il-bdiewa jirċievu appoġġ finanzjarju bil-kundizzjoni li jadottaw prattiki favur il-klima u l-ambjent.

Impenn lejn id-drittijiet soċjali u tax-xogħol

L-istati membri jimpenjaw ruħhom li jtejbu r-rispett tal-kundizzjonijiet soċjali u tax-xogħol għall-bdiewa.

Aġenziji tal-pagamenti agrikoli f'kull stat membru joħorġu multi lil min iħaddem meta jonqos milli jikkonforma ma' dawn ir-regoli.

Meta ser jidħlu fis-seħħ il-bidliet?

2021-2022: Perjodu tranżizzjonali b'estensjoni tal-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet u tħejjija għall-fażi l-ġdida

2023-2027: Implimentazzjoni tal-PAK riformata u r-regoli l-ġodda tagħha