Regoli ta' finanzjament tal-PAK għall-2023-2027
Il-politika agrikola komuni riformata għall-2023-2027 għandha l-għan li l-biedja fl-UE ssir aktar ġusta, aktar ekoloġika u mmexxija aktar mir-riżultati.
Adattament għal sfidi ġodda
B'mod ġenerali, il-politika agrikola komuni tal-UE għandha l-għan li:
- tipprovdi ikel affordabbli, sikur u ta' kwalità tajba
- tiżgura introjtu stabbli għall-bdiewa
- tistabbilizza s-swieq
- tappoġġa ż-żoni rurali
Il-politika ilha teżisti mis-snin sittin iżda tiġi rieżaminata regolarment u adattata għall-isfidi l-ġodda li jkollu quddiemu s-settur tal-biedja tal-UE.
Spjegazzjoni tal-politika agrikola komuni
Objettivi ewlenin tal-PAK għall-2023-2027
Permezz tal-aħħar riforma għall-2023-2027, l-UE għandha l-għan li:
• tipprovdi flessibbiltà akbar fl-ippjanar għall-istati membri
• tqassam il-fondi b'mod aktar ġust sabiex tappoġġa azjendi agrikoli iżgħar u bdiewa aktar żgħażagħ b'mod aktar effettiv
• tikkontribwixxi għall-għanijiet ambjentali u klimatiċi tal-UE
• iżżid il-kompetittività tas-settur u tħejji għall-kriżijiet
Ippjanar flessibbli għall-istati membri
Mod ġdid ta' ħidma jagħti lill-pajjiżi aktar flessibbiltà fl-allokazzjoni tal-fondi agrikoli fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet u l-ħtiġijiet lokali.
Minflok ma tirrikjedi miżuri speċifiċi, il-PAK riformata tagħti prijorità lill-objettivi. Dan jagħti lill-istati membri tal-UE l-flessibbiltà biex jivvalutaw il-ħtiġijiet uniċi tagħhom u jagħżlu minn firxa ta' strumenti biex jilħqu dawn l-objettivi.
Dawn l-istrumenti għandhom jiġu deskritti fil-pjanijiet strateġiċi nazzjonali. Kull pjan irid jiġi approvat mill-Kummissjoni Ewropea biex jiġi żgurat li ma joħloqx distorsjoni fis-suq intern jew iwassal għal piżijiet eċċessivi fuq l-azjendi agrikoli jew l-amministrazzjonijiet.
Kull sena, l-istati membri tal-UE jridu jippreżentaw rapporti biex isegwu l-progress tagħhom lejn il-kisba tal-objettivi għall-UE kollha. Ġabra komuni ta' indikaturi tar-riżultati maqbula fil-livell tal-UE tiżgura valutazzjoni konsistenti u ġusta tal-effettività tal-miżuri użati.
Tqassim aktar ġust tal-pagamenti
Il-pagamenti diretti għall-bdiewa jipprovdulhom introjtu stabbli u ħarsien minn bidliet fil-prezzijiet. Għall-perjodu 2023-2027 dawn il-pagamenti għandhom jitqassmu b'mod aktar ġust:
- 10% għandhom imorru għand azjendi agrikoli iżgħar u ta' daqs medju
- 3% għandhom imorru għand bdiewa iżgħar fl-età
- il-pagamenti huma marbuta mal-kundizzjonijiet soċjali u tax-xogħol
Minħabba din ir-ridistribuzzjoni, il-pagamenti għal benefiċjarji oħra jistgħu jitnaqqsu jew jiġu limitati.
Prattiki ta' biedja aktar ekoloġiċi
Ir-regoli l-ġodda jinċentivaw u jirrikjedu li l-bdiewa jadottaw prattiki sensittivi għall-klima u li ma jagħmlux ħsara lin-natura, pereżempju:
- l-azjendi agrikoli li jirċievu pagamenti diretti jridu jipproteġu l-artijiet mistagħdra u t-torbieri biex jippreservaw il-ħamrija b'livell għoli ta' karbonju
- il-bdiewa jistgħu jirċievu appoġġ addizzjonali mill-ekoskemi biex japplikaw prattiki li ma jagħmlux ħsara lin-natura u lill-klima lil hinn mir-rekwiżiti obbligatorji tagħhom. L-istati membri tal-UE jridu jonfqu 25% tal-pagamenti diretti għal dawk l-ekoskemi
Ekoloġizzazzjoni tal-agrikoltura
Żieda fil-kompetittività u tħejjija għall-kriżijiet
L-UE tixtieq ukoll issaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista u tagħti spinta lill-kompetittività fis-settur. Ir-regoli l-ġodda għall-2023-2027 jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni bejn il-produtturi u l-azjendi agrikoli sabiex il-provvista tiġi allinjata mad-domanda.
Barra minn hekk, riżerva ta' €450 miljun fis-sena ser tiżgura li l-UE tkun tista' tlaħħaq ma' kriżijiet futuri li jirriżultaw minn mard tal-annimali, disturbi fis-suq, avvenimenti estremi tat-temp, jew prezzijiet għoljin tal-enerġija jew tal-fatturi produttivi, pereżempju fil-kuntest tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja. Fl-2022 u l-2023, ġew mobilizzati €1 biljun biex jgħinu lill-bdiewa jifilħu għal sitwazzjonijiet ta' kriżi.
L-indirizzar tat-tħassib tal-bdiewa
Biex twieġeb għat-tħassib imqajjem mill-bdiewa, sena wara li bdiet il-politika l-ġdida tal-PAK, l-UE introduċiet miżuri biex tnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-bdiewa u toffri aktar flessibbiltà fl-issodisfar ta' xi rekwiżiti tal-PAK għall-2023-2027.
Ir-regoli emendati jippermettu derogi f'każijiet ta' kundizzjonijiet tat-temp mhux mistennija u għal rekwiżiti ambjentali, fosthom:
- prattiki ta' għata tal-ħamrija
- in-newba u d-diversifikazzjoni tal-għelejjel
- raba' mistrieħ u karatteristiċi tal-pajsaġġ
Azjendi agrikoli żgħar taħt 10 ettari, li jikkostitwixxu 65% tal-benefiċjarji tal-PAK iżda jkopru biss 10% tal-art, mhux ser jiġu vverifikati jew ippenalizzati jekk ma jikkonformawx mar-regoli ambjentali, u b'hekk jitnaqqas b'mod sinifikanti l-piż amministrattiv għal ħafna, filwaqt li jibqgħu jitħarsu l-impenji ambjentali.
Barra minn hekk, il-pajjiżi tal-UE issa jistgħu jemendaw il-pjanijiet strateġiċi tagħhom darbtejn fis-sena, u mhux darba biss.
Dawn il-bidliet jibbilanċjaw l-għanijiet ambjentali u klimatiċi mat-tħassib tal-bdiewa, meta jitqies l-impatt tal-iżviluppi ġeopolitiċi, bħall-konsegwenzi tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna, u ta' avvenimenti estremi tat-temp.
Kuntest legali
Il-PAK għall-2023-2027 hija koperta minn dawn ir-regolamenti:
Il-politika agrikola tal-UE għal wara l-2027
F'Diċembru 2024, il-Kunsill approva unanimament sett ta' konklużjonijiet dwar il-politika agrikola komuni futura. Skont il-konklużjonijiet, il-politika agrikola tal-futur għandha tkun:
- kompetittiva
- reżistenti għall-kriżijiet
- sostenibbli
- favur il-bdiewa
- ibbażata fuq l-għarfien
Il-konklużjonijiet jindikaw l-importanza tal-PAK biex jintlaħqu dawn l-objettivi, u jissottolinjaw l-għanijiet ewlenin li tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel, filwaqt li jiġi ggarantit standard ta' għajxien ġust għall-komunità agrikola, u prezzijiet raġonevoli għall-konsumaturi.
Fil-Kunsill Agrikoltura u Sajd ta' Mejju 2025, il-ministri kellhom dibattitu dwar il-komunikazzjoni dwar viżjoni għall-agrikoltura u l-ikel, ippubblikata mill-Kummissjoni Ewropea fi Frar 2025. Huma qablu li t-tisħiħ tal-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-agrikoltura u s-simplifikazzjoni tal-politiki agrikoli kienu għanijiet kruċjali.
Il-viżjoni tiffoka fuq erba' oqsma ta' prijorità:
- il-biedja ssir attraenti għall-ġenerazzjonijiet futuri
- is-settur agroalimentari kompetittiv u reżiljenti jiġi żgurat
- il-validità għall-futur tas-settur agroalimentari
- iż-żoni rurali jingħataw kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol ġusti
Is-simplifikazzjoni tar-regoli tal-UE, ir-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni huma fost l-ixprunaturi ewlenin identifikati biex jintlaħqu l-għanijiet f'dawn l-oqsma ta' prijorità.
Nitimgħu lill-Ewropa: 60 sena ta' politika agrikola komuni
Sitt deċennji wara t-tnedija tagħha fl-1962, il-politika agrikola komuni tal-UE tappoġġa suq uniku miftuħ għall-prodotti agrikoli tal-ikel tal-UE. Isma' aktar dwar il-PAK mill-bdiewa u l-benefiċjarji Ewropej.
L-aħħar reviżjoni: 26 ta' Mejju 2025