Skip to content

Strateġija tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi għal ambjent aktar sostenibbli u ħieles mis-sustanzi tossiċi

Infografika - strateġija tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi għal ambjent aktar sostenibbli u ħieles mis-sustanzi tossiċi

Infografika - strateġija tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi għal ambjent aktar sostenibbli u ħieles mis-sustanzi tossiċi

Is-sustanzi kimiċi huma essenzjali għall-istandards ta' għajxien moderni u għall-ekonomija. Madankollu, is-sustanzi kimiċi jistgħu jkunu ta' ħsara għan-nies u għall-ambjent.

L-UE u l-istati membri tagħha qed jaħdmu fuq strateġija ġdida dwar is-sustanzi kimiċi biex:

  • jipproteġu aħjar is-saħħa tal-bniedem
  • jappoġġaw ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi

Għaliex is-sustanzi kimiċi huma importanti u x'inhuma r-riskji?

Is-sustanzi kimiċi huma fundamentali għal ħafna attivitajiet ta' kuljum.

Huma jaqdu rwol vitali:

  • fil-provvista tal-ikel
  • fl-iżgurar tal-benesseri
  • fil-protezzjoni tas-saħħa

Dawn jinsabu:

  • fl-elettronika
  • fil-prodotti kożmetiċi
  • fl-għamara
  • fit-tessuti
  • fil-ġugarelli
  • u f'ħafna prodotti oħra ta' kuljum.

Madankollu, sustanzi kimiċi b'karatteristiċi perikolużi jista' jkollhom effetti detrimentali fuq is-saħħa tal-bniedem. Studji fl-UE jindikaw għadd dejjem jikber ta' sustanzi kimiċi perikolużi differenti li jinstabu fil-ġisem tal-bniedem. Dawn is-sustanzi kimiċi jistgħu jikkawżaw:

  • il-kanċer
  • tfixkil fis-sistemi tal-ġisem
  • reżiljenza mdgħajfa għat-tilqim
  • vulnerabbiltà akbar għall-mard

L-industrija Ewropea tas-sustanzi kimiċi

Is-sustanzi kimiċi għandhom rwol importanti għall-ekonomija u l-kompetittività tal-UE.

Il-manifattura tas-sustanzi kimiċi hija r-raba' l-akbar industrija fl-UE bi 30 000 kumpanija u timpjega direttament 1.2 miljun persuna. 95% tan-negozji huma SMEs.

Fl-2018, l-Ewropa kienet it-tieni l-akbar produttur ta' sustanzi kimiċi, li jammontaw għal 16.9% tal-bejgħ globali.

L-istrateġija l-ġdida tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi għas-sostenibbiltà

Bl-istrateġija l-ġdida tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi, l-UE u l-istati membri tagħha jixtiequ:

  • jappoġġaw l-innovazzjoni biex jitfasslu prodotti aktar sikuri
  • jipprojbixxu sustanzi kimiċi tossiċi sakemm dawn mhumiex essenzjali jew ma jeżistux alternattivi, filwaqt li jiżguraw il-protezzjoni għan-nies
  • jillimitaw l-esponiment għal sustanzi kimiċi li jagħmlu ħsara lis-sistemi ormonali u għall-effetti ta' taħlit tossiku ta' sustanzi kimiċi
  • itejbu l-liġijiet u jissimplifikaw il-proċeduri biex jiġu vvalutati r-riskji tas-sustanzi kimiċi
  • jagħtu eżempju għal pjaneta ħielsa mis-sustanzi tossiċi

Bl-istrateġija ġew introdotti żewġ prinċipji ġodda:

  • il-prevenzjoni ta' sustanzi kimiċi tossiċi milli jiġu inklużi fi prodotti fl-istadju tat-tfassil, minflok jiġu kkontrollati wara li jkunu fis-suq
  • li jiġi permess l-użu tas-sustanzi kimiċi l-aktar dannużi, biss jekk ikunu meħtieġa għas-saħħa, is-sikurezza jew jekk ikunu kritiċi għall-funzjonament tas-soċjetà

Għaliex huwa importanti dan?

L-UE u l-istati membri tagħha ser jimplimentaw l-istrateġija dwar is-sustanzi kimiċi fis-snin li ġejjin bl-għan li:

  • titrawwem is-sostenibbiltà fis-settur tas-sustanzi kimiċi għal Ewropa ħielsa mis-sustanzi tossiċi f'konformità mal-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku tal-UE
  • tingħata spinta lill-innovazzjoni u tiżdied il-kompetittività tal-industrija tas-sustanzi kimiċi

L-aħħar reviżjoni: 31 ta' Jannar 2025