Skip to content

Ekonomija ċirkolari

Tgħallem dwar il-pjan tal-UE li timxi lejn mudell ekonomiku ċirkolari biex l-Ewropa ssir aktar nadifa u aktar kompetittiva. 

Ir-riżorsi tad-Dinja huma limitati. Jekk nibqgħu nipproduċu u nikkunsmaw kif nagħmlu llum, ser ikollna bżonn tliet pjaneti sal-2050.

Il-pajjiżi tal-UE qed jaħdmu biex jittrasformaw l-ekonomija tal-UE f'sistema ċirkolari fejn il-prodotti huma aktar sostenibbli u l-materjali jiġu rkuprati biex jiġi evitat l-iskart.

Tliet pjaneti f'ringiela: l-ewwel waħda blu, it-tnejn l-oħra bit-tikek.

X'inhi ekonomija ċirkolari?

Mudell ekonomiku ċirkolari huwa bbażat fuq il-kondiviżjoni, it-tiswija, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta' prodotti u materjali għall-itwal żmien possibbli. Billi testendi ċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti, l-ekonomija ċirkolari tikkontribwixxi biex l-iskart jitnaqqas kemm jista' jkun.

Ekonomija ċirkolari tfisser l-użu ta' inqas riżorsi naturali u t-tnaqqis tad-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-materja prima. Dan ifisser li nipproduċu inqas u b'hekk nirrilaxxaw inqas emissjonijiet ta' gassijiet serra, u b'hekk innaqqsu l-impatt tagħna fuq l-ambjent u n-natura. Mudell ċirkolari huwa wkoll opportunità biex tiżdied il-kompetittività u jinħolqu impjiegi u opportunitajiet ta' negozju ġodda.

Illustrazzjoni ta' mudell ekonomiku ċirkolari b'erba' stadji (ir-riżorsi, il-produzzjoni, il-konsum, u l-irkupru u l-iskart) li jaħdmu b'mod ċirkolari.

Riżorsi

Il-materja prima hija essenzjali għall-ekonomija u d-domanda tagħha mistennija li tiżdied b'mod esponenzjali fis-snin li ġejjin. Madankollu, l-estrazzjoni u l-ipproċessar tar-riżorsi għandhom impatt qawwi fuq l-ambjent.

F'ekonomija ċirkolari, id-domanda għall-materja prima titnaqqas, u l-materjali jiġu riċiklati u jerġgħu jiddaħħlu fiċ-ċiklu tal-produzzjoni.

Produzzjoni

T-shirt abjad li 10% minnu huwa kkulurit bl-aħdar; simbolu ta' riċiklaġġ.

F'mudell ċirkolari, il-prodotti huma magħmula biex idumu u huma aktar riċiklabbli, effiċjenti fl-użu tal-enerġija u jistgħu jissewwew.

Ir-regoli tal-UE jistabbilixxu rekwiżiti ta' sostenibbiltà għall-prodotti kollha li jkopru ċ-ċiklu tal-ħajja kollu tagħhom u joħolqu inċentivi kemm għall-produtturi kif ukoll għall-konsumaturi biex isewwu l-oġġetti minflok ma jarmuhom immedjatament wara l-użu.

Konsum

Minbarra l-miżuri li jtawlu l-ħajja tal-prodotti, ir-regoli tal-UE għandhom l-għan li jsaħħu l-pożizzjoni tal-konsumaturi biex jagħmlu għażliet aktar infurmati u sostenibbli meta jixtru prodott jew servizz.

Skont dawn ir-regoli, meta l-kumpaniji jiddikjaraw li l-prodotti tagħhom huma ekoloġiċi, jeħtieġ li jagħtu prova ta' dan, inkluż billi jipparteċipaw fi skemi ta' ċertifikazzjoni bħall-Ekotikketta tal-UE.

Il-logo tal-Ekotikketta tal-UE.

L-irkupru u l-iskart

L-iskart huwa riżorsa fl-ekonomija ċirkolari. Il-leġiżlazzjoni tal-UE tistabbilixxi regoli dwar l-irkupru u l-użu mill-ġdid tal-materjali biex jiġu ttrasformati fi prodotti u riżorsi ġodda.

Il-pajjiżi tal-UE adottaw miżuri biex jipprevjenu u jnaqqsu l-iskart, pereżempju billi jirrestrinġu l-oġġetti tal-plastik u ċerti tipi ta' imballaġġ.

80% tal-iskart li jinsab fl-oċean huwa plastik. Sa mill-2021, l-UE pprojbiet mis-suq l-10 oġġetti l-aktar komuni tal-plastik li jintużaw darba biss.

Cotton buds, pożati u imballaġġ li jintużaw darba biss.

L-ekonomija ċirkolari fil-ħajja ta' kuljum

Ċarġer komuni wieħed biex jintuża għall-mowbajls u l-laptops kollha.

Il-batteriji huma magħmula biex idumu aktar u l-komponenti tagħhom jiġu riċiklati.

Il-marki tal-moda u l-ħwienet ma għadhomx jitħallew jeqirdu t-tessuti mhux mibjugħa.

L-imballaġġ għandu jiġi minimizzat biex jiġu evitati l-użu u l-ħela bla bżonn tar-riżorsi.

Il-ħela tal-ikel għandha titnaqqas bi 30% fir-ristoranti, il-bejgħ bl-imnut u l-unitajiet domestiċi.

Il-komponenti tal-vetturi għandhom jerġgħu jintużaw jew tal-anqas jiġu riċiklati.

L-aħħar spjegazzjonijiet

Grafika li turi binjiet stilizzati, turbina eolika, bozza tiddi u vleġġa li tipponta 'l fuq, u fl-isfond grilja forma ta' globu.
X'qed tagħmel l-UE biex tagħti spinta lill-kompetittività tagħha

X'qed tagħmel l-UE biex tagħti spinta lill-kompetittività tagħha

Illustrazzjoni li turi turbina eolika, dar bil-pannelli solari u ajruplan, kull wieħed ittikkettat b'elementi kimiċi bħall-boron, il-gallju, il-manjeżju u l-iskandju.
Att dwar il-materja prima kritika

Att dwar il-materja prima kritika

Ilma

Ilma

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' April 2026