Skip to content

Kif il-pajjiżi tal-UE qed jindirizzaw il-kriżi globali tal-ikel

L-operazzjonijiet militari, l-imblokk tal-portijiet fil-Baħar l-Iswed u u l-attakki tar-Russja fuq l-infrastruttura tat-trasport u l-għelejjel fl-Ukrajna xekklu l-esportazzjoni ta' prodotti agrikoli Ukreni u wasslu għal żieda rekord fil-prezzijiet tal-ikel, billi poġġew il-provvista tal-ikel għal miljuni ta' nies f'riskju kbir.

Ħafna pajjiżi, b'mod partikolari fl-Afrika u fil-Lvant Nofsani, jiddependu mill-esportazzjonijiet Ukreni – peress li l-Ukrajna hija l-ħames l-akbar esportatur tal-qamħ fid-dinja.

Il-pajjiżi tal-UE qed jikkoordinaw azzjonijiet biex jgħinu liċ-ċittadini Ewropej u madwar id-dinja, b'mod partikolari dawk l-aktar vulnerabbli, biex ikollhom biżżejjed ikel nutrittiv bi prezzijiet affordabbli.

Informazzjoni u illustrazzjonijiet dwar il-Korsiji ta' Solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna
Verżjoni testwali

Infografika - Ir-rispons tal-UE għall-kriżi globali tal-ikel

Fil-gwerra mhux ġustifikata tagħha kontra l-Ukrajna, ir-Russja qed tuża l-ikel bħala arma tal-gwerra.

Il-prezzijiet għoljin tal-ikel u l-iskarsezza tal-provvisti qed iqiegħdu lil miljuni ta' nies madwar id-dinja f'diffikultà kbira biex isibu l-ikel.

1. Appoġġ għall-esportazzjonijiet tal-Ukrajna

Wara imblokk tal-portijiet tal-Ukrajna tal-Baħar l-Iswed min-naħa tar-Russja li dam xhur sħaħ, il-pajjiżi tal-UE qed jgħinu lill-Ukrajna tesporta l-prodotti agrikoli tagħha.

Korsiji ta' solidarjetà

L-UE pprovdiet l-infrastruttura u l-mezzi biex l-ikel tal-Ukrajna jiġi ttrasportat l-aktar bl-art.

  • ġew ipprovduti ferroviji, bastimenti u trakkijiet
  • konnessjonijiet aħjar tat-trasport
  • operazzjonijiet doganali aktar rapidi
  • ħżin fit-territorju tal-UE

Minn Mejju 2022, aktar minn 48 miljun tunnellata ta' ċereali, żrieragħ żejtnin u prodotti oħra ġew esportati permezz tal-korsiji ta' solidarjetàbejn l-UE u l-Ukrajna.

L-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali, ikkoordinata min-Nazzjonijiet Uniti, ikkontribwiet ukoll biex l-ikel tal-Ukrajna jintbagħat lill-aktar pajjiżi vulnerabbli madwar id-dinja. Madankollu, f'Lulju 2023, ir-Russja ddeċidiet unilateralment li ttemm l-inizjattiva.

Minn Awwissu 2023, madwar 80 miljun tunnellata ta' prodotti agrikoli ntbagħtu mill-Ukrajna kemm permezz tal-korsiji ta' solidarjetà kif ukoll permezz tal-inizjattiva biex tittaffa l-kriżi globali tas-sigurtà tal-ikel.

Verżjoni testwali

Minn Marzu 2022 sa Ġunju 2023, il-qamħirrum kien il-prodott agrikolu ewlieni esportat mill-Ukrajna (32 miljun tunnellata); it-tieni wieħed kien il-qamħ (17-il miljun tunnellata) u mbagħad iż-żejt tal-ġirasol (6 miljun tunnellata). Id-data ġejja mill-Ministeru għall-Politika Agrarja u l-Ikel tal-Ukrajna.

Informazzjoni u illustrazzjonijiet dwar l-approċċ tal-UE lejn il-kriżi tal-ikel
Verżjoni testwali

2. Approċċ komuni għall-kriżi

Is-27 pajjiż tal-UE qablu dwar azzjonijiet koordinati biex jirrispondu għall-kriżi globali tal-ikel li tistabbilixxi erba' prijoritajiet:

Solidarjetà

- għajnuna ta' emerġenza u umanitarja lil dawk l-aktar fil-bżonn

impenn ta' €8 biljun għas-sigurtà tal-ikel għall-2021-2024

Produzzjoni sostenibbli

- għajnuna għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jagħmlu l-produzzjoni tal-ikel tagħhom aktar sostenibbli u reżiljenti għall-kriżijiet

Kummerċ miftuħ

- kollaborazzjoni mas-sħab globali għal kummerċ mingħajr ostakli tal-prodotti agroalimentari tal-Ukrajna

Kooperazzjoni globali

- koordinazzjoni tar-rispons billi jiġu appoġġati inizjattivi internazzjonali, bħall-Missjoni Internazzjonali ta' Reżiljenza Alimentari u Agrikola (FARM).

3. Fl-UE

Ma hemm l-ebda riskju ta' nuqqas ta' ikel fl-UE. Dan huwa grazzi għas-settur agrikolu stabbilit sew tal-UE li huwa appoġġat mill-politika agrikola komuni tal-UE.

Ir-rata ta' awtosuffiċjenza tal-UE-27 għal prodotti agrikoli magħżula fl-2022 hija ugwali għal:

  • żejt taż-żebbuġa: 142%
  • trab tal-ħalib xkumat: 216%
  • ċereali: 116%

Il-bdiewa tal-UE qed jirċievu appoġġ addizzjonali mill-UE biex jiżguraw il-kontinwità tal-produzzjoni agrikola u biex ilaħħqu ma' spejjeż ogħla:

  • €500 miljun għall-aktar bdiewa milquta
  • pagamenti antiċipati
  • possibbiltà li tintuża art imwarrba għall-biedja

Fil-livell nazzjonali, biex jgħinu liċ-ċittadini jlaħħqu mal-prezzijiet ogħla tal-ikel, il-pajjiżi tal-UE jistgħu:

  • inaqqsu r-rati tal-VAT
  • iħeġġu lill-bejjiegħa jżommu l-prezzijiet baxxi
  • jużaw fondi tal-UE ddedikati biex jgħinu lil dawk l-aktar fil-bżonn