Skip to content

Sigurtà u affordabbiltà tal-ikel

L-invażjoni mhux ġustifikata tal-Ukrajna mir-Russja aggravat il-kriżi globali tal-ikel. Il-pajjiżi tal-UE jikkoordinaw azzjonijiet biex jiżguraw is-sigurtà globali tal-ikel u jipprovdu għajnuna lill-ifqar nies tad-dinja.

X'qed tagħmel l-UE biex tindirizza l-kriżi tal-ikel?

L-UE u l-istati membri tagħha huma magħqudin kontra l-aggressjoni militari tar-Russja fl-Ukrajna u huma impenjati bis-sħiħ biex jindirizzaw il-kriżi globali tal-ikel.

Korsiji ta' solidarjetà u l-ftehim tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-ċereali

Prijorità ewlenija għall-pajjiżi tal-UE fl-indirizzar taż-żieda fl-insigurtà tal-ikel hija li l-Ukrajna tiġi megħjuna tesporta l-produzzjoni agroalimentari tagħha, li ġiet kompromessa b'mod sever mill-invażjoni Russa.

L-Ukrajna hija produttur u esportatur ewlieni ta' ikel ewlieni, bħall-qamħ u l-qamħirrum. Madwar 90% tal-esportazzjoni tal-qamħ tagħha marru lejn l-Afrika u l-Asja bejn l-2016 u l-2021, u appoġġaw s-sigurtà tal-ikel f'xi wħud mill-aktar reġjuni żvantaġġati tad-dinja.

Bl-imblokk mir-Russja tal-portijiet tal-Ukrajna mill-bidu tal-gwerra, madwar 20 miljun tunnellata ta' ċereali twaqqfu f'silos tal-ħżin fix-xtut tal-Baħar l-Iswed.

F'Mejju 2022, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pjan ta' azzjoni biex tistabbilixxi korsiji ta' solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna. L-għan kien li jiġu żviluppati rotot alternattivi fuq l-art biex jgħinu lill-Ukrajna tesporta l-prodotti agrikoli tagħha, billi:

  • jingħataw vetturi ferrovjarji tal-merkanzija, bastimenti u trakkijiet
  • tintuża b'mod aktar effettiv il-kapaċità eżistenti tan-networks tat-trasport u tat-terminals tat-trażbord
  • jiġu simplifikati u jitħaffu l-operazzjonijiet doganali u spezzjonijiet oħra
  • tkun tista' tinħażen il-merkanzija fit-territorju tal-UE

Mill-bidu tal-operazzjonijiet f'Mejju 2022, aktar minn 48 miljun tunnellata ta' prodotti agrikoli, fosthom iċ-ċereali u żrieragħ żejtnin ġew esportati permezz tal-korsiji ta' solidarjetà.

F'Lulju 2022, ir-Russja aċċettat li twaqqaf l-imblokk tal-portijiet tal-Baħar l-Iswed tal-Ukrajna wara ftehim mal-Ukrajna nnegozjat min-Nazzjonijiet Uniti u t-Turkija. Imbagħad inħolqot l-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali biex tiffaċilita l-esportazzjoni taċ-ċereali u ta' oġġetti oħra tal-ikel mill-Ukrajna permezz tar-rotot tal-baħar.

Minn Lulju 2023, kważi 33 miljun tunnellata ta' prodotti agrikoli ntbagħtu mill-Ukrajna bis-saħħa tal-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali. 65% tal-qamħ ittrasportat permezz tal-inizjattiva laħaq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inkluż permezz tal-operazzjonijiet umanitarji tal-Programm Dinji tal-Ikel tan-Nazzjonijiet Uniti (WFP). L-Ukrajna kienet l-akbar fornitur tal-qamħ tad-WFP fl-2022, u pprovdiet aktar minn nofs l-akkwist globali tal-ħbub taċ-ċereali tad-WFP.

L-infografika tippreżenta data u ċifri dwar l-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali u r-rilevanza tagħha għas-sigurtà dinjija tal-ikel.
Spjegazzjoni tal-esportazzjoni taċ-ċereali Ukreni (Infografika)

Spjegazzjoni tal-esportazzjoni taċ-ċereali Ukreni (Infografika)

Qabel il-gwerra, 90% taċ-ċereali mill-Ukrajna kienu jiġu esportat mill-Baħar l-Iswed. Minn wara l-invażjoni Russa, nofs iċ-ċereali biss jiġu ttrasportati bil-baħar, b'55% jiġu esportati minn korsiji ta' solidarjetà.

Verżjoni testwali

Grafika li turi li 55% tal-ikel tal-Ukrajna ġie esportat mill-korsiji ta' solidarjetà u 45% bl-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali.

Fl-aħħar ta' Novembru 2022, l-Ukrajna nediet l-inizjattiva "Grain from Ukraine" li tikkontribwixxi wkoll għas-sigurtà tal-ikel globali. L-inizjattiva tippermetti lill-entitajiet li jipparteċipaw fil-proġett jixtru prodotti agrikoli mingħand il-produtturi Ukreni u jittrasferuhom lejn pajjiżi fejn il-popolazzjonijiet kważi qed imutu bil-ġuħ.

F'Lulju 2023, ir-Russja ddeċidiet li ttemm l-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali. L-UE kkundannat b'mod inekwivoku d-deċiżjoni tar-Russja.

Ir-Russja qed tkompli tuża l-ikel bħala arma. Bit-terminazzjoni tal-ftehimiet, ir-Russja hija unikament responsabbli għat-tfixkil tal-konsenji taċ-ċereali madwar id-dinja u għaż-żieda fl-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-ikel madwar id-dinja. Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Ikel għad-dinja

It-traġedja li qed tiżvolġi fl-Ukrajna qed ikollha impatt madwar id-dinja kollha hekk kif l-invażjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja qed tintensifika kriżi globali tal-ikel.

Il-pajjiżi tal-UE qed jaġixxu flimkien biex jgħinu lin-nies jiffaċċaw prezzijiet li qed jogħlew ħafna u jipprovdu għajnuna lill-ifqar nies tad-dinja.

Illustrazzjoni li turi ċereali jiġu ttrasportati lejn pajjiżi madwar id-dinja.

Rispons koordinat għall-kriżi tal-ikel

Il-ħidma koordinata tal-pajjiżi tal-UE biex jindirizzaw il-kriżi globali tal-ikel hija ffukata fuq erba' linji ta' azzjoni, wara l-konklużjonijiet tal-Kunsill maqbula f'Ġunju 2022:

  • solidarjetà
  • produzzjoni sostenibbli
  • kummerċ
  • multilateraliżmu
Ir-rispons tal-UE għall-kriżi globali tal-ikel. L-infografika tispjega l-prijoritajiet ewlenin tal-pajjiżi tal-UE fl-indirizzar tal-kriżi tal-ikel.
Kif il-pajjiżi tal-UE qed jindirizzaw il-kriżi globali tal-ikel (Infografika)

Kif il-pajjiżi tal-UE qed jindirizzaw il-kriżi globali tal-ikel (Infografika)

Solidarjetà

Il-pajjiżi tal-UE jipprovdu għajnuna ta' emerġenza lil dawk l-aktar fil-bżonn madwar id-dinja.

Globalment, l-UE u l-istati membri tagħha huma l-akbar donaturi tal-għajnuna għall-iżvilupp. L-UE qed tagħmel sforzi sinifikanti biex tlaħħaq l-appoġġ tagħha mal-ħtiġijiet dejjem jiżdiedu u urġenti. F'Ġunju 2022, il-pajjiżi tal-UE appoġġaw impenn ta' €8 biljun għall-perjodu 2020-2024 għas-sigurtà tal-ikel.

Fl-2022, il-finanzjament umanitarju tal-UE żdied bi 32% meta mqabbel mal-2021, u laħaq is-€770 miljun. Dawn il-fondi ntużaw biex jiġi żgurat l-aċċess għall-ikel għal dawk l-aktar vulnerabbli u tiġi appoġġata l-produzzjoni lokali tal-ikel permezz ta' assistenza fi flus kontanti u mezzi oħra. L-UE u l-istati membri tagħha huma wkoll donaturi ewlenin għall-Programm Dinji tal-Ikel (WFP).

Barra minn hekk, €225 miljun ġew ipprovduti mill-faċilità tal-ikel u r-reżiljenza lis-sħab tal-viċinat tan-Nofsinhar fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq.

Il-pajjiżi tal-UE jagħtu wkoll kontribut sinifikanti għas-sigurtà globali tal-ikel billi jesportaw parti kbira mill-produzzjoni agrikola tagħhom lejn in-nazzjonijiet li qed jiżviluppaw. Aktar minn nofs l-esportazzjoni tal-qamħ tal-UE jmur lejn l-Afrika (l-Alġerija, il-Marokk, l-Eġittu, in-Niġerja) u l-Asja (il-Pakistan).

Prodotti sostenibbli

L-issodisfar tal-ħtiġijiet globali tal-ikel ma għandux isir għad-detriment tal-ambjent u għandu jsegwi mudell ta' sistema tal-ikel sostenibbli.

F'Ġunju 2022, il-mexxejja tal-UE qablu li:

  • jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jorjentaw mill-ġdid il-ktajjen tal-provvista tagħhom, fejn meħtieġ
  • iħaffu l-ħidma fuq l-inizjattivi tal-UE li għandhom l-għan li jappoġġaw il-kapaċitajiet sostenibbli tal-produzzjoni agroalimentari tal-Afrika
  • jappoġġaw l-iżvilupp tal-kapaċità tal-manifattura tal-mezzi ta' produzzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari fertilizzanti sostenibbli

Il-ħidma lejn sistemi tal-ikel sostenibbli globalment ser ikollha impatt pożittiv fuq ir-reżiljenza tal-pajjiżi fil-konfront ta' kriżijiet bħal dik attwali.

Kummerċ

Il-pajjiżi tal-UE qed jaħdmu mas-sħab internazzjonali tagħhom biex jippromwovu ambjent kummerċjali miftuħ u prevedibbli għall-prodotti agrikoli.

Matul il-Laqgħa Straordinarja tal-Kunsill Ewropew f'Mejju 2022, il-mexxejja tal-UE tennew l-impenn tagħhom li jżommu l-kummerċ globali fil-prodotti bażiċi tal-ikel ħieles minn ostakli kummerċjali mhux ġustifikati.

Is-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja ma jaffettwawx is-setturi tal-agrikoltura u tal-ikel. Huma ma jipprojbux l-importazzjoni u t-trasport ta' prodotti agrikoli Russi.

Multilateraliżmu

Koordinazzjoni internazzjonali effettiva hija kruċjali biex jiġi żgurat rispons globali komprensiv għall-kriżi globali.

Il-pajjiżi tal-UE qed jikkooperaw mas-sħab internazzjonali tagħhom biex jipprovdu rispons globali għall-kriżi tal-ikel, inkluż permezz ta' inizjattivi bħall-alleanza globali tal-G7 għas-sigurtà tal-ikel (GAFS) u l-Missjoni ta' Reżiljenza Alimentari u Agrikola (FARM).

Dawn l-inizjattivi huma komplementari u jiffukaw fuq tliet oqsma ta' azzjoni:

  • azzjoni ta' solidarjetà fuq perjodu qasir biex tingħata spinta lill-provvisti globali tal-ikel u jiġi żgurat l-aċċess għall-pajjiżi vulnerabbli
  • azzjoni relatata mal-kummerċ biex jiġi żgurat il-funzjonament effiċjenti tas-swieq globali
  • azzjoni biex jissaħħu l-investimenti responsabbli fit-tul biex tinħoloq produzzjoni tal-ikel sostenibbli u reżiljenti f'pajjiżi vulnerabbli

L-UE qed tikkoordina wkoll ir-rispons tagħha mill-qrib mal-Unjoni Afrikana biex tiżgura li l-azzjonijiet u l-inizjattivi jiġu integrati b'mod effettiv fis-sħubija strateġika usa' bejn l-UE u l-Unjoni Afrikana.

F'Settembru 2022, il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel ikkopresieda summit dwar is-sigurtà globali tal-ikel, fil-marġini tal-ġimgħa tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Hu u l-mexxejja l-oħra ħarġu dikjarazzjoni qasira fejn impenjaw ruħhom li jsaħħu l-kooperazzjoni internazzjonali u l-inizjattivi ta' sħubija.

Appoġġ għall-produzzjoni agroalimentari tal-UE

Il-politika agrikola komuni (PAK) tal-UE żgurat biżżejjed ikel għall-Ewropej tul il-ġenerazzjonijiet u matul diversi kriżijiet matul dawn l-aħħar 60 sena.

Bis-saħħa ta' din il-politika komuni, illum iċ-ċittadini tal-UE mhuma f'ebda riskju ta' nuqqas ta' ikel. Il-PAK jappoġġa lill-bdiewa biex jiżguraw il-kontinwità tal-produzzjoni.

F'Marzu 2022, l-UE pprovdiet appoġġ b'valur ta' €500 miljun lill-bdiewa l-aktar milquta minn kostijiet ogħla tal-input ikkawżati mill-kriżi tal-enerġija. Barra minn hekk, il-bdiewa jistgħu jibbenefikaw minn:

  • pagamenti bil-quddiem biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-flussi tal-flus
  • derogi temporanji minn xi rekwiżiti tal-PAK, bħall-art imwarrba
  • qafas ta' kriżi biex jirċievu aktar appoġġ

Biex jindirizzaw prezzijiet ogħla tal-ikel, l-istati membri tal-UE ħadu wkoll miżuri nazzjonali, inkluż:

  • tnaqqis tar-rati tal-VAT
  • il-bejjiegħa ġew imħeġġa jżommu l-prezzijiet baxxi
  • l-użu ta' fondi tal-UE ddedikati biex jgħinu lil dawk l-aktar fil-bżonn

Fir-rebbiegħa tal-2023, biex tindirizza problemi lokali fis-suq marbuta mal-importazzjoni ta' prodotti agrikoli mill-Ukrajna, il-Kummissjoni Ewropea pprovdiet appoġġ finanzjarju lill-istati membri milquta. L-appoġġ ġie bi tweġiba għal talba minn xi pajjiżi u ttieħed mir-riżerva għall-kriżijiet tal-PAK.

Bidwi b'landa kbira ta' ħalib f'idu ħdejn persuna oħra li qed iġġorr ċestun mimli ħaxix frisk. Fl-isfond, hemm baqar jirgħu qrib razzett, li jissimbolizzaw l-attivitajiet agrikoli u tal-biedja.
Spjegazzjoni tal-politika agrikola komuni

Spjegazzjoni tal-politika agrikola komuni

Nitimgħu lill-Ewropa: 60 sena ta' politika agrikola komuni

Sitt deċennji wara t-tnedija tagħha fl-1962, il-politika agrikola komuni tal-UE tappoġġa suq uniku miftuħ għall-prodotti agrikoli tal-ikel tal-UE. Isma' aktar dwar il-PAK mill-bdiewa u l-benefiċjarji Ewropej.

Illustrazzjoni li turi lin-nies jinteraġixxu ma' ambjent agrikolu

X'qed jikkawża l-kriżi tal-ikel?

L-insigurtà tal-ikel kibret globalment mill-2016. Fil-kuntest taż-żieda fil-prezzijiet globali tal-prodotti bażiċi, il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-użu tagħha tal-ikel bħala arma tal-gwerra kellhom impatt qawwi fuq is-swieq tal-ikel.

Ir-Russja, billi tuża l-ikel bħala arma fil-gwerra tagħha kontra l-Ukrajna, hija unikament responsabbli għall-kriżi dinjija tas-sigurtà tal-ikel li pprovokat. Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 23 ta' Ġunju 2022
L-infografika tippreżenta fatti u ċifri dwar ir-rwol tar-Russja fl-aggravar tal-kriżi dinjija tal-ikel.
Kif l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja kompliet taggrava l-kriżi dinjija tal-ikel (Infografika)

Kif l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja kompliet taggrava l-kriżi dinjija tal-ikel (Infografika)

L-aggressjoni militari tar-Russja kkawżat kemm:

  • l-iskarsezza tal-ikel
  • l-għola żidiet li qatt kien hemm fil-prezzijiet tal-ikel u tal-fertilizzanti

Il-prezzijiet globali tal-prodotti agrikoli bażiċi ilhom jiżdiedu b'mod kostanti minn nofs l-2020 fl-isfond tal-impatt ta' tfixkil mill-pandemija tal-COVID-19, iż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-fertilizzanti u tal-enerġija u deterjorament globali tal-kondizzjonijiet makroekonomiċi.

L-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna aggravat is-sitwazzjoni tas-suq, u għolliet il-prezzijiet tal-prodotti bażiċi saħansitra aktar u tnaqqas id-disponibbiltà tal-ikel madwar id-dinja.

L-azzjonijiet mir-Russja li kkawżaw tnaqqis f'daqqa fl-esportazzjonijiet u l-produzzjoni tal-ikel tal-Ukrajna u li kellhom effett ta' tfixkil fuq is-swieq jinkludu:

  • imblokk tal-portijiet tal-Ukrajna fil-Baħar l-Iswed
  • attakki fuq l-infrastruttura tal-ipproċessar u l-esportazzjoni tal-ikel tal-Ukrajna
  • ibbumbardjar u okkupazzjoni tal-art li tinħadem tal-Ukrajna
  • tnaqqis intenzjonat fl-esportazzjonijiet tal-ikel u tal-fertilizzanti proprji

F'Marzu 2022, ir-Russja ħabbret projbizzjoni temporanja fuq l-esportazzjonijiet ta' ċereali u fertilizzanti, li wasslet għad-destabbilizzazzjoni tas-suq. Ir-Russja hija produttur u esportatur ewlieni tal-fertilizzanti, bħall-fertilizzanti tan-nitroġenu – li huma kruċjali biex tiġi żgurata l-produzzjoni agroalimentari.

L-UE qatt ma waqqfet l-esportazzjonijiet mir-Russja ta' provvisti tal-ikel, fertilizzanti u prodotti agrikoli oħra. Prodotti bħal dawn mhumiex soġġetti għal sanzjonijiet tal-UE.

Skont l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti, il-prezzijiet tal-ikel laħqu l-ogħla livell tagħhom f'Marzu 2022 – b'żieda ta' aktar minn 60% meta mqabbla mal-istess xahar fl-2020. Il-prezzijiet għadhom volatili.

Għaliex l-għelejjel tal-Ukrajna huma kruċjali għas-sigurtà tal-ikel globali?

L-Ukrajna, meqjusa bħala sors ewlieni ta' prodotti agroalimentari tal-Ewropa, hija produttur u esportatur globali ewlieni ta' prodotti agroalimentari. Hija l-ħames l-akbar esportatur tal-qamħ madwar id-dinja, u r-raba' wieħed għall-qamħirrum.

Flimkien mar-Russja, esportatur ewlieni ieħor, l-Ukrajna tkopri madwar 30% tal-provvista dinjija tal-qamħirrum u l-qamħ u aktar minn nofs il-provvista dinjija taż-żejt taż-żerriegħa tal-ġirasol.

L-Afrika u l-Asja huma l-benefiċjarji ewlenin tal-produzzjoni agrikola tal-Ukrajna. Bejn l-2016 u l-2021, aktar minn nofs (58%) l-esportazzjonijiet kollha tal-qamħ marru lejn l-Asja, u 34% lejn l-Afrika. L-Ukrajna taqdi rwol ewlieni fl-iżgurar tas-sigurtà tal-ikel f'xi wħud mill-ifqar pajjiżi fid-dinja.

L-attakki tar-Russja fuq l-infrastruttura tat-trasport tal-Ukrajna u l-imblokk de facto tal-portijiet tagħha fil-Baħar l-Iswed, li minnhom 90% tal-prodotti agrikoli tal-Ukrajna kienu normalment jiġu esportati, irriżultaw fi tnaqqis drastiku fl-esportazzjoni.

Il-ħsara kkawżata mill-forzi Russi lill-għelejjel, l-imħażen tal-ikel u l-makkinarju agrikolu tal-Ukrajna affettwat b'mod qawwi l-produzzjoni u l-kapaċità tal-esportazzjoni tal-Ukrajna.

Min huwa l-aktar affettwat min-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel u l-prezzijiet ogħla?

L-iskarsezza tal-ikel hija element ta' tħassib dejjem akbar għal miljuni ta' nies, b'mod partikolari fl-Afrika u l-Asja u speċjalment f'dawk il-pajjiżi li diġà huma milquta mill-ġuħ bħas-Somalja, il-Jemen u l-Afganistan.

Prezzijiet tal-ikel għoljin jaffettwaw il-kapaċità tan-nies li jixtru l-ikel u jżidu aktar pressjoni fuq il-familji b'introjtu baxx, inkluż fl-UE.

L-impatt tal-kriżi x'aktarx li jkompli fit-tul, speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Skont id-WFP, fl-2022 il-ħtiġijiet laħqu livelli mingħajr preċedent. Numru rekord ta' 349 miljun persuna fid-dinja ġarrbu ġuħ akut (Rieżami annwali 2022 tad-WFP).

It-tfal f'pajjiżi li qed jiżviluppaw huma partikolarment f'riskju għoli minħabba żieda fil-livelli ta' malnutrizzjoni akuta li jirriżultaw minn skarsezza tal-ikel u prezzijiet ogħla.

Ebda nuqqas ta' ikel fl-UE

Il-pajjiżi tal-UE mhumiex f'riskju ta' nuqqas ta' ikel.

L-UE hija produttur ewlieni ta' prodotti agroalimentari – kienet il-kummerċjant ewlieni fid-dinja kollha fl-2022 – u, għalkemm il-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna u t-tibdil fil-klima qed ikollhom impatt fuq il-produzzjoni, is-sistema tal-ikel tal-UE għadha solida u affidabbli.

Madankollu, l-inflazzjoni u prezzijiet ogħla tal-ikel qed jolqtu liċ-ċittadini fil-pajjiżi tal-UE. L-affordabbiltà hija ta' tħassib ewlieni għall-mexxejja tal-UE, partikolarment fir-rigward ta' gruppi b'introjtu baxx u vulnerabbli, li huma l-aktar affettwati.

Skont l-għodda ta' monitoraġġ tal-prezzijiet tal-ikel tal-Eurostat, il-prezzijiet tal-ikel fl-UE kienu kważi 19% ogħla f'Marzu 2023 milli fl-istess xahar fl-2022.