"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Spjegazzjoni tal-politika agrikola komuni

Il-politika agrikola komuni (PAK) tal-UE tiżgura s-sigurtà tal-ikel, tħeġġeġ il-biedja sostenibbli u tappoġġa ż-żoni rurali.

Appoġġ għall-bdiewa u ż-żoni rurali

Diversi liġijiet fl-Unjoni Ewropea jiffurmaw politika unifikata dwar l-agrikoltura – il-politika agrikola komuni. Maħluqa fl-1962, hija l-politika tal-UE li ilha l-aktar stabbilita, u tammonta għal €386.6 biljun mill-baġit tal-UE għall-2021-2027 jew madwar €0.34 kuljum għal kull ċittadin tal-UE.

Il-politika agrikola komuni tgħin biex:

  • tipprovdi ikel affordabbli, sikur u ta' kwalità għolja għal 447 miljun ċittadin tal-UE
  • tiżgura standard tal-għajxien ġust għall-bdiewa u b'hekk tappoġġa lil 7 miljun benefiċjarju
  • tippreserva r-riżorsi naturali u tikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika b'40% tal-baġit tagħha

Il-politika hija magħmula minn tliet partijiet:

  • pagamenti diretti għall-bdiewa
  • miżuri ta' stabbilizzazzjoni tas-suq
  • appoġġ għaż-żoni rurali

Pagamenti diretti għall-bdiewa

L-UE tappoġġa lill-bdiewa b'pagamenti diretti biex:

  • tipprovdilhom introjtu stabbli u tissalvagwardahom kontra prezzijiet li jvarjaw u snin ħżiena tal-għelejjel
  • tipprovdilhom beni pubbliċi li normalment ma jitħallsux mis-swieq, bħal li jieħdu ħsieb l-art agrikola tagħhom u jiggarantixxu l-istandards fir-rigward tas-sikurezza tal-ikel, l-ambjent u l-benessri tal-annimali
  • tagħmel il-biedja profittabbli

Dan l-appoġġ jiżgura li jkun hemm provvista ta' ikel affidabbli u abbundanti bi prezzijiet affordabbli, u li l-bdiewa jissodisfaw l-istandards kollha tas-sikurezza, ambjentali, u tas-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, li huma fost l-ogħla standards fid-dinja. Il-bdiewa li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti jirċievu inqas appoġġ jew l-ebda appoġġ ("kundizzjonalità msaħħa").

Miżuri ta' stabbilizzazzjoni tas-suq

Il-PAK tinkludi diversi miżuri tas-suq biex jiġu stabbilizzati s-swieq agrikoli, jiġu evitati l-kriżijiet tas-suq u tiġi kontrobilanċjata l-volatilità għolja tal-prezzijiet, pereżempju minħabba provvista żejda fuq terminu qasir. Dawn il-miżuri huma:

  • finanzjament tal-UE lill-istati membri biex jiġu indirizzati problemi f'setturi partikolari
  • regoli speċifiċi għall-kummerċ internazzjonali tal-prodotti agrikoli
  • intervent ad hoc fi żminijiet ta' kriżi, jew minn gvernijiet li jistgħu jixtru u jaħżnu prodotti, bħall-qamħ, ir-ross jew it-trab tal-ħalib, jew bħala appoġġ għall-operaturi privati biex jaħżnu prodotti, bħaz-zokkor jew iż-żejt taż-żebbuġa

Dawn il-miżuri tas-suq huma parti mir-regolament dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq (OKS).

L-UE aġġornat dawn ir-regoli fl-2026 biex issaħħaħ is-setgħa ta' negozjar tal-bdiewa u tiżgura li jiksbu prezz ġust għall-ikel li jipproduċu. Dawn il-bidliet jagħmluha aktar faċli għall-bdiewa biex:

  • jibbenefikaw minn kuntratti ċari u bil-miktub, u termini ġusti
  • jirċievu inċentivi biex jissieħbu ma' organizzazzjonijiet tal-produtturi bħal kooperattivi u assoċjazzjonijiet
  • jinnegozjaw il-kuntratti b'mod kollettiv
  • jibbenefikaw minn regoli ċari dwar l-użu tat-terminu "laħam" u ismijiet relatati mal-laħam

Fid-19 ta' Ottubru 2026, il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni parzjali tiegħu fin-negozjati dwar aġġornament ulterjuri tar-regoli tal-OKS, filwaqt li kwistjonijiet finanzjarji u orizzontali qed jiġu nnegozjati separatament taħt il-baġit fit-tul tal-UE għall-2028-2034.

Appoġġ għaż-żoni rurali

Sa mill-bidu tas-snin 2000, il-politika agrikola komuni kienet qed tgħin liż-żoni rurali jiżviluppaw, jiffjorixxu u jibqgħu popolati.

Kważi nofs l-Ewropa tikkonsisti fil-biċċa l-kbira f'żoni rurali, li fihom jgħixu 25% tal-447 miljun persuna tal-UE. Dawn ir-reġjuni rurali huma wkoll fost ir-reġjuni l-anqas favoriti fl-UE, bi PDG per capita li huwa sew taħt il-medja tal-UE.

Il-miżuri tal-iżvilupp rurali tal-UE fil-PAK jgħinu:

  • jiġu modernizzati l-azjendi agrikoli
  • jiżdied l-investiment fl-infrastruttura inkluż il-konnettività u s-servizzi bażiċi
  • tingħata spinta lill-kompetittività tas-settur agrikolu
  • jiġi żgurat it-tiġdid ġenerazzjonali fil-biedja

Barra minn hekk, il-politika ta' koeżjoni tal-UE tikkomplementa l-politika ta' iżvilupp rurali, b'mod partikolari billi tappoġġa żvilupp ibbilanċjat f'reġjuni differenti.

Simplifikazzjoni tal-PAK

Fit-18 ta' Diċembru 2025, il-Kunsill adotta miżuri ġodda biex tiġi ssimplifikata l-PAK. L-għan huwa li tingħata spinta lill-kompetittività tal-agrikoltura Ewropea billi tinqata' l-burokrazija, jiġu appoġġati l-bdiewa, inkluż bdiewa żgħar u intrapriżi start-up, titħeġġeġ l-innovazzjoni u tingħata spinta lill-produttività. Il-miżuri l-ġodda għandhom:

  • inaqqsu l-piż amministrattiv u l-kontrolli għall-bdiewa u l-amministrazzjonijiet nazzjonali
  • iżidu l-pagamenti lill-bdiewa żgħar u jissimplifikaw ir-regoli dwar il-kundizzjonalità
  • inaqqsu l-verifiki fuq il-post u jneħħu l-approvazzjoni annwali tal-prestazzjoni
  • itejbu l-finanzjament għall-bdiewa fi żminijiet ta' kriżi

Il-miżuri proposti jistgħu jwasslu għal iffrankar annwali ta' sa €1.6 biljun għall-bdiewa u aktar minn €200 miljun għall-amministrazzjonijiet nazzjonali.

Perjodu ta' finanzjament 2023-2027

Il-finanzjament għall-politika agrikola komuni jiġi rieżaminat regolarment biex jiġi adattat għall-isfidi l-ġodda li qed jiffaċċa s-settur tal-biedja tal-UE.

Il-perjodu l-ġdid ta' finanzjament beda fl-2023 u ser iwassal sal-2027. Il-fokus prinċipali ta' dan iċ-ċiklu huwa li:

  • jitqassmu l-fondi b'mod aktar ġust biex jiġu appoġġati aħjar l-azjendi agrikoli iżgħar u l-bdiewa żgħażagħ
  • jikkontribwixxi għall-għanijiet ambjentali u klimatiċi tal-UE
  • jipprovdi flessibbiltà akbar fl-ippjanar għall-istati membri

Regoli ta' finanzjament tal-PAK għall-2023-2027

Il-politika agrikola komuni ta' wara l-2027

Waqt il-Kunsill Agrikoltura u Sajd tat-22 ta' Settembru 2025, il-ministri għall-agrikoltura ddiskutew il-qafas propost tal-Kummissjoni għall-PAK futura.

Il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar kif l-istruttura l-ġdida ta' finanzjament, inkluż €293.7 biljun għall-introjtu u l-appoġġ għall-kriżijiet, ser tallinja ruħha mal-pjanijiet ta' sħubija nazzjonali u reġjonali biex jiġu żgurati tkabbir u reżiljenza agrikoli sostenibbli madwar l-UE.

Fid-19 ta' Ottubru 2026, il-Kunsill approva l-pożizzjoni parzjali tiegħu fin-negozjati dwar regoli aġġornati għall-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli (OKS) bħala parti min-negozjati dwar il-baġit fit-tul tal-UE għal wara l-2027.

Ir-regoli riveduti jaġġornaw il-qafas tal-UE għas-swieq agrikoli, inkluż appoġġ settorjali, l-iskema għall-iskejjel tal-UE, l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni u l-preparatezza għall-kriżijiet.

Fis-26 ta’ Ottubru 2026, il-Kunsill approva l-pożizzjoni parzjali tiegħu fin-negozjati dwar il-qafas għall-politika agrikola komuni ta’ wara l-2027.

Il-pożizzjoni tal-Kunsill għandha l-għan li tagħmel l-appoġġ aktar sempliċi, immirat aħjar u aktar reattiv għall-ħtiġijiet tal-bdiewa. Din tinkludi appoġġ aktar b'saħħtu għall-bdiewa attivi, żgħażagħ u żgħar, għodod aħjar għall-ġestjoni tar-riskji u l-kriżijiet, aktar flessibbiltà għall-istati membri, u t-tkomplija tal-appoġġ għall-objettivi ambjentali u ż-żoni rurali.

Il-pożizzjonijiet huma "parzjali" minħabba li l-kwistjonijiet finanzjarji u orizzontali qed jiġu nnegozjati separatament bħala parti mill-qafas finanzjarju pluriennali 2028-2034.

Il-ħtieġa ta' finanzjament agrikolu

Is-settur agroalimentari huwa wieħed mill-akbar setturi ekonomiċi fl-UE. Dan jipprovdi 40 miljun impjieg u madwar 10 miljun bidwi jaħdmu biex jipprovdu ikel ta' kwalità għolja u affordabbli filwaqt li jippruvaw jippreservaw ir-riżorsi naturali.

Madankollu, is-settur tal-biedja qed jiffaċċa sfidi uniċi meta mqabbel ma' setturi oħra:

  • huwa dipendenti ħafna fuq it-tempu l-klima, u huwa milqut minn eventi ta' temp estrem bħal nixfiet jew għargħar, li jwasslu għal fluttwazzjoni fil-produzzjoni
  • il-produzzjoni teħtieġ żmien u ppjanar, li jfisser li hemm dewmien fl-adattament tal-provvista

Dan jista' jikkawża instabbiltà fis-suq u jwassal għal prezzijiet volatili.

Barra minn hekk, is-settur agroalimentari jiffaċċa sfidi bħall-kompetizzjoni dinjija, il-kriżijiet ekonomiċi u finanzjarji, it-tibdil fil-klima u l-kostijiet volatili ta' fatturi tal-produzzjoni bħall-fjuwil u l-fertilizzanti.

L-introjtu tal-bdiewa għadu kważi 40% inqas mill-introjtu mhux agrikolu minkejja l-importanza tal-produzzjoni tal-ikel u żieda fl-introjtu medju matul l-aħħar 20 snin.

Is-sehem mill-introjtu medju tal-UE li jaqilgħu l-bdiewa

Verżjoni testwali

fl-2005 - 31%

fl-2010 - 37%

fl-2015 - 41%

fl-2022 - 64%



Finanzjament tal-PAK

Il-politika agrikola komuni hija ffinanzjata permezz ta' żewġ fondi (imsejħa wkoll pilastri) bħala parti mill-baġit tal-UE:

  • il-fond agrikolu Ewropew ta' garanzija (FAEG) jipprovdi appoġġ dirett u jiffinanzja miżuri tas-suq
  • il-fond agrikolu Ewropew għall-iżvilupp rurali (FAEŻR) jiffinanzja l-iżvilupp rurali.

Il-pagamenti huma ġestiti fil-livell nazzjonali minn kull stat membru tal-UE. L-iżvilupp rurali huwa kofinanzjat mill-istati membri.

Ir-rwol tal-Kunsill fil-PAK

Il-Kunsill tal-UE huwa responsabbli għall-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni, ġeneralment b'mod konġunt mal-Parlament Ewropew, abbażi ta' proposti mill-Kummissjoni Ewropea permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Fi tmiem l-2021, il-Kunsill u l-Parlament approvaw regoli ġodda tal-PAK għall-2023-2027, u fir-rebbiegħa tal-2024, huma għamlu xi bidliet biex jagħmluhom aktar flessibbli u jnaqqsu l-burokrazija għall-bdiewa.

L-istati membri tal-UE, b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, jimmaniġġjaw it-tmexxija ta' kuljum tal-PAK. Il-Kunsill jiżgura li l-istati membri jkunu involuti f'kull aspett tal-politika, b'mod partikolari fir-rigward ta' atti delegati, li l-Kummissjoni tista' tadotta, pereżempju biex taġġorna d-dettalji tekniċi fil-leġiżlazzjoni.

Il-ħidma tal-Kunsill fuq il-kwistjonijiet kollha relatati mal-PAK titħejja mill-Kumitat Speċjali dwar l-Agrikoltura (KSA), li jikkonsisti minn rappreżentanti mill-gvernijiet tal-istati membri. Il-kumitat ilu stabbilit mill-1960.

Nitimgħu lill-Ewropa: 60 sena ta' politika agrikola komuni

Sitt deċennji wara t-tnedija tagħha fl-1962, il-politika agrikola komuni tal-UE tappoġġa suq uniku miftuħ għall-prodotti agrikoli tal-ikel tal-UE. Isma' aktar dwar il-PAK mill-bdiewa u l-benefiċjarji Ewropej.

Illustrazzjoni tal-agrikoltura tal-UE

Ara wkoll

Mill-għalqa sal-platt

Sigurtà u affordabbiltà tal-ikel

Indikazzjonijiet ġeografiċi għall-ikel u x-xorb

L-aħħar reviżjoni: 27 ta' Ottubru 2026