- Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji
Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, 8 ta' Lulju 2014
L-Ecofin jiddiskuti l-programm ta' ħidma tiegħu għat-tieni nofs tal-2014
Fil-laqgħa tat-8 ta' Lulju, il-ministri ddiskutew il-programm ta' ħidma tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji u l-prijoritajiet għat-tieni semestru tal-2014, ippreżentati mill-presidenza Taljana.
Ir-riformi strutturali u l-investiment fit-tkabbir u l-impjiegi huma l-prijoritajiet ewlenin taħt il-presidenza Taljana tal-Kunsill tal-UE, li bdiet mill-1 ta' Lulju sal-aħħar ta' Diċembru 2014.
Pier Carlo Padoan, il-Ministru Taljan tal-Ekonomija u l-Finanzi u l-President tal-Ecofin, ippreżenta l-proposta tal-presidenza biex tingħata spinta lit-tkabbir fl-UE, li jserraħ fuq 3 pilastri ewlenin: aktar integrazzjoni tas-suq uniku, spinta lir-riformi strutturali u promozzjoni tal-investiment.
"Jeħtieġ inkomplu bil-konsolidazzjoni fiskali, jeħtieġ li nrawmu t-tkabbir – dawn huma ż-żewġ naħat tal-istess munita", qal il-Ministru Padoan.
Wara d-diskussjoni, il-Kunsill ħareġ dikjarazzjoni, li tikkonferma l-appoġġ tiegħu għall-objettivi biex tingħata spinta lit-tkabbir u l-impjiegi. Skont id-dikjarazzjoni, ir-riformi strutturali "għandhom jingħataw attenzjoni partikolari, inkluż permezz ta' valutazzjoni adatta ta' miżuri fiskali u riformi strutturali, filwaqt li jsir l-aħjar użu tal-flessibbiltà integrata fir-regoli eżistenti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir".
Il-prijoritajiet ewlenin l-oħra tal-programm ta' ħidma tal-Ecofin jinkludu t-tlestija tal-unjoni bankarja, it-tisħiħ tar-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji u l-avvanz tal-ħidma leġislattiva fil-qasam tat-tassazzjoni.
Il-ministri ser ikomplu jiddiskutu l-opportunitajiet ta' investiment u riformi strutturali fil-laqgħa informali tal-Ecofin f'Settembru.
Punti ewlenin oħrajn fuq l-aġenda
Reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-istrateġija Ewropa 2020
Fil-kuntest tar-reviżjoni li jmiss tal-istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir u l-impjiegi, il-Kunsill iddiskuta modi kif titjieb l-effettività ta' miżuri ta' politika u kif l-implimentazzjoni tal-istrateġija tista' titjieb permezz tas-Semestru Ewropew.
Il-Kunsill ser jiddiskuti aktar ir-reviżjoni tal-istrateġija f'diversi konfigurazzjonijiet tal-Kunsill fit-tieni nofs tal-2014. Imbagħad huwa ser jipprovdi gwida għall-proposti tal-Kummissjoni li għandhom l-għan li jtejbu l-implimentazzjoni tal-istrateġija.
Semestru Ewropew 2014 konkluż
Il-Kunsill adotta formalment ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi għall-istati membri u għaż-żona tal-euro kollha dwar politiki ekonomiċi u fiskali, wara li ġew approvati mill-Kunsill Ewropew aktar kmieni f'Ġunju.
Emenda għad-direttiva dwar il-kumpanniji prinċipali u sussidjarji: adozzjoni
Il-Kunsill adotta formalment emenda għar-regoli tal-UE dwar it-taxxa li ser jimpedixxu n-nontassazzjoni doppja ta' dividendi mqassma fost gruppi korporattivi li tirriżulta minn arranġamenti ta' self ibridu.
Regoli dwar ir-riżoluzzjoni bankarja
Il-ministri ddiskutew it-tħejjija ta’ leġislazzjoni ta’ implimentazzjoni (żewġ atti legali) dwar il-kontribuzzjonijiet li għandhom jitħallsu mill-banek għall-fondi ta' riżoluzzjoni stabbiliti skont ir-regoli miftiehma reċentement dwar ir-riżoluzzjoni bankarja.
Il-Kummissjoni mistennija tlesti t-tħejjija taż-żewġ atti legali f'Settembru tal-2014.
Tagħrif għall-istampa
Kuntatti għall-istampa
-
Patrick McCullough Press officer
- +32 471 33 38 46
- +32 2 281 91 19
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.
Kompli segwina
- Irreġistra għall-allerti bl-email tagħna biex tirċievi aġġornamenti dwar din il-laqgħa u laqgħat simili.
- Segwi @EUCouncilPressgħall-aħħar aġġornamenti għall-istampa.
- Hashtag fuq X: #ECOFIN
Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji
Laqgħat li seħħew
L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025