- Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji
Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, 11 ta' Marzu 2014
Il-Kunsill jaġġorna l-pożizzjoni tiegħu rigward il-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni
Waqt il-Kunsill Ecofin tal-11 ta' Marzu, il-ministri tal-finanzi tal-UE aġġornaw il-mandat tal-Presidenza Griega biex tinnegozja mal-Parlament Ewropew dwar il-kwistjonijiet pendenti dwar il-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni.
Il-ministri kkonfermaw id-determinazzjoni tal-Kunsill li jikkonkludi n-negozjati qabel il-btajjel tal-elezzjoni tal-Parlament f'Mejju, jiġifieri matul dan il-mandat parlamentari.
Il-Kunsill aġġorna kif xieraq il-pożizzjoni ta' negozjar tiegħu - l-hekk imsejjaħ "approċċ ġenerali" maqbul f'Diċembru 2013 - dwar is-sitt punti li ġejjin:
- Proċedura ta' riżoluzzjoni: liema istituzzjoni ser tkun l-"awtorità ta' riżoluzzjoni finali"
- Liema istituzzjoni għandha tiddeċiedi jekk bank hux "qed ifalli jew aktarx ser ifalli"
- Ir-rwol tas-sessjoni plenarja u s-sessjoni eżekuttiva tal-bord uniku ta' riżoluzzjoni f'deċiżjoni ta' riżoluzzjoni individwali
- Arranġamenti dwar il-vot waqt is-sessjonijiet plenarji tal-bord uniku ta' riżoluzzjoni
- Il-possibbiltajiet tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni biex jagħti kuntratti ta' self għall-fond uniku ta' riżoluzzjoni (FUR)
- Kif jiġu determinati il-kontribuzzjonijiet lill-fond uniku ta' riżoluzzjoni.
"Id-diskussjonijiet tal-lum fil-Kunsill dwar dawn il-kwistjonijiet kollha kienu estensivi, diffiċli, iżda kostruttivi, u għandna mandat aġġornat ġdid […] li jagħtina l-flessibbiltà meħtieġa biex għada mmorru għat-trilogu mal-Parlament", qal il-Ministru tal-Finanzi Grieg Giannis Stournaras, li mexxa l-laqgħa, waqt il-konferenza stampa.
Abbażi tal-mandat aġġornat il-Presidenza ser tkompli n-negozjati fit-12 ta' Marzu fi "trilogu" - negozjati bejn il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea - li ser isir fi Strasburgu.
Is-Sur Stournaras u l-President tal-Grupp tal-euro Jeroen Dijsselbloem ser jieħdu sehem fit-trilogu ta' għada mal-grupp ta' negozjar tal-Presidenza. Il-President tal-Grupp tal-euro jippresjedi l-laqgħa speċjali tal-ministri li lilha kienet qed tirrapporta l-konferenza intergovernattiva dwar in-negozjati dwar il-ftehim intergovernattiv dwar il-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni (MUR).
Mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni: sfond
Il-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni, ladarba adottat, ser ikun element ewlieni tal-unjoni bankarja futura tal-Ewropa.
Skont l-abbozz ta' proposta, ser jikkonsisti fil-bord uniku ta' riżoluzzjoni (BUR) u l-fond uniku ta' riżoluzzjoni (FUR). L-għan tal-mekkaniżmu huwa li tiġi żgurata r-riżoluzzjoni ordnata ta' banek li jkunu qed ifallu filwaqt li jiġi minimizzat l-impatt fuq il-kontribwenti u l-ekonomija reali.
Fil-prinċipju, il-mekkaniżmu ta' riżoluzzjoni ser japplika għall-banek kollha fiż-żona tal-euro u f'dawk il-pajjiżi tal-UE li jagħżlu li jipparteċipaw.
Ftehim intergovernattiv dwar il-fond uniku ta' riżoluzzjoni
L-approċċ ġenerali tal-Kunsill maqbul f'Diċembru jinkludi wkoll impenn li jiġi nnegozjat ftehim intergovernattiv dwar il-funzjonament tal-fond uniku ta' riżoluzzjoni.
Il-ftehim beħsiebu jkopri arranġamenti għat-trasferiment tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali lill-FUR u dwar il-"mutwalizzazzjoni" progressiva tagħhom, jew il-fużjoni gradwali, f'fond uniku.
Id-dettalji tal-ftehim qed jiġu nnegozjati f'konferenza intergovernattiva bil-parteċipazzjoni tal-istati membri kollha tal-UE. Rappreżentanti mill-Parlament Ewropew jieħdu sehem bħala osservaturi.
Il-ftehim intergovernattiv ser jiġi ffinalizzat meta l-Kunsill jikkonkludi n-negozjati mal-Parlament Ewropew dwar il-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni.
Skont l-approċċ ġenerali tal-Kunsill, ir-regolament tal-MUR għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2015. Il-funzjonijiet tiegħu relatati mar-rikapitalizzazzjoni tal-azzjonisti u l-kredituri u dwar ir-riżoluzzjoni għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2016.
Punti ewlenin oħrajn fuq l-aġenda
Taxxa fuq id-dħul mit-tfaddil
Il-ministri ddiskutew id-direttiva emendata dwar it-taxxa fuq id-dħul mit-tfaddil. L-għan tad-direttiva huwa li jsaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa. Il-Kunsill ikkonferma l-appoġġ ġenerali tiegħu għar-regoli msaħħa. L-adozzjoni finali tat-test hija mistennija qabel l-aħħar ta' Marzu, wara l-approvazzjoni mill-Kunsill Ewropew.
Segwitu għal-laqgħa ministerjali tal-G20 f'Sydney
Il-Presidenza tal-Kunsill u l-Kummissjoni ppreżentaw l-eżitu tal-laqgħa tal-ministri tal-finanzi u l-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-G20 li saret f'Sydney fit-22 u t-23 ta' Frar.
Qafas tal-UE għall-enerġija u l-klima għall-2030
Il-ministri ddiskutew l-aspetti ekonomiċi tal-qafas tal-UE għall-enerġija u l-klima għall-2030 bi tħejjija għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li ser issir fl-20 u l-21 ta' Marzu. Il-Kunsill qies l-impatt tal-qafas propost dwar it-tkabbir u l-impjiegi, il-prezzijiet tal-enerġija, il-kompetittività industrijali u l-finanzi pubbliċi. Ir-rapport tal-presidenza dwar id-diskussjoni ser jagħti kontribut għall-laqgħa li jmiss tal-Kunsill Ewropew.
Dokumenti tal-laqgħat
Dokumenti ta' eżitu
Riżultati tal-votazzjonijiet tal-laqgħaTagħrif għall-istampa
Kuntatti għall-istampa
-
Patrick McCullough Press officer
- +32 471 33 38 46
- +32 2 281 91 19
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.
Kompli segwina
- Irreġistra għall-allerti bl-email tagħna biex tirċievi aġġornamenti dwar din il-laqgħa u laqgħat simili.
- Segwi @EUCouncilPressgħall-aħħar aġġornamenti għall-istampa.
- Hashtag fuq X: #ECOFIN
Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji
Ara laqgħat oħrajnL-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025