Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, 14-17/11/2014, 14-17 ta' Novembru 2014

Id-diskussjonijiet dwar il-baġit tal-UE ser jerġgħu jibdew bil-proposta l-ġdida mill-Kummissjoni

Fil-laqgħa tas-17 ta' Novembru l-Kunsill u l-Parlament Ewropew qablu li kienu meħtieġa aktar diskussjonijiet biex iż-żewġ istituzzjonijiet jilħqu qbil dwar il-baġit tal-UE għall-2015 u dwar modi li bihom jiġu indirizzati l-pagamenti pendenti fil-baġit 2014. 

"Id-diskussjonijiet ta' konċiljazzjoni ppermettewlna nnaqqsu d-differenza fil-pożizzjonijiet tagħna u dan għandu jippermettilna nkomplu bid-diskussjonijiet abbażi ta' proposta ġdida mill-Kummissjoni", qal Enrico Zanetti, is-Segretarju tal-Istat tal-Italja għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Finanzi. 

Il-perijodu ta' konċiljazzjoni ta' 21 jum li matulhom il-Kunsill u l-Parlament Ewropew kienu laħqu qbil dwar il-baġit tas-sena d-dieħla skada fis-17 ta' Novembru, u l-Kummissjoni Ewropea ser ikollha tippreżenta proposta ġdida għall-baġit 2015. 

Jekk il-Kunsill u l-Parlament Ewropew ma jilħqux qbil sal-bidu tal-2015, ser tapplika s-sistema ta' 'parti minn kull tnax proviżorja': kull xahar, għal kull kapitolu tal-baġit, tista' tintefaq somma ta' mhux aktar minn parti minn kull tnax mill-approprjazzjonijiet tal-baġit għall-2014, jew mill-abbozz ta' baġit propost mill-Kummissjoni, skont liema jkun l-aktar baxx. 

Il-baġit tal-UE għall-2014, kif adottat, fih €135.50 biljun ta' approprjazzjonijiet ta' pagament u €142.64 biljun ta' approprjazzjonijiet ta' impenn.

Iż-żewġ istituzzjonijiet kellhom pożizzjonijiet differenti dwar diversi kwistjonijiet ewlenin, inkluża l-kwistjoni dwar kif għandhom jiġu ttrattati l-kontijiet mhux imħallsa għall-2014. Matul id-diskussjonijiet il-Kunsill qabel li l-marġini ta' kontinġenza jista' jintuża għall-finanzjament tal-pagamenti pendenti mill-2014.

Il-marġini ta' kontinġenza huwa mekkaniżmu ġdid previst fir-regolament dwar il-qafas finanzjarju pluriennali għall-2014-2020, u għandu jintuża bħala strument tal-aħħar għażla. Dan iżid il-limitu ta' pagament tal-QFP għas-sena attwali, u wara jpatti għal din iż-żieda permezz ta' tnaqqis korrispondenti fil-limiti ta' pagamenti tal-QFP għas-snin ta' wara. 

Għall-baġit tal-UE għall-2015 il-Kunsill ippropona li jiġi definit il-livell ta' approprjazzjonijiet sabiex jiġu kkunsidrati l-limiti baġitarji li qed jiffaċċjaw l-Istati Membri, b'attenzjoni għall-miżuri li jippromwovu t-tkabbir u l-impjiegi. 

Il-Kunsill ippropona li t-total tal-livell ta' pagamenti jammonta għal €140.77 biljun, żieda ta' 3.9% meta mqabbel mal-baġit għall-2014. Żieda proposta fil-pagamenti għal attivitajiet bħal riċerka, innovazzjoni u edukazzjoni ammontat għal 26.6% jew €3.0 biljun. Il-Parlament ippropona żieda fil-pagamenti ta' 8.1% (li jagħti total ta' €146.42 biljun). It-total tal-livell propost ta' approprjazzjonijiet ta' impenn kien ta' €144.63 biljun, 1.4% ogħla mill-2014.

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025