Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, 20 ta' Ġunju 2014

Il-Kunsill ineħħi lakuna ta' nontassazzjoni doppja

Fil-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji fl-20 ta' Ġunju l-ministri qablu dwar emenda għar-regoli tal-UE dwar it-taxxa li ser tagħlaq lakuna li kienet tippermetti lil korporazzjonijiet transkonfinali jieħdu vantaġġ min-nontassazzjoni doppja.

L-emenda maqbula għad-direttiva dwar il-kumpanniji prinċipali u s-sussidjarji (2011/96/UE) ser ittemm is-sitwazzjoni li permezz tagħha l-gruppi korporattivi transkonfinali setgħu jisfruttaw id-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali dwar it-taxxa u jieħdu vantaġġ min-nontassazzjoni doppja permezz ta' arranġamenti ta' self ibridu.

Skont it-test maqbul, l-istat membru tal-kumpannija prinċipali jibqa' lura milli jintaxxa profitti mis-sussidjarja sal-punt biss li dawn il-profitti ma jkunux jistgħu jitnaqqsu minn din tal-aħħar.

L-emenda tagħmel parti mill-isforz usa' u l-impenn internazzjonali tal-UE biex jiġu miġġielda l-evażjoni tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa.

Il-passi li jmiss

L-istati membri jkollhom jittrasponu d-dispożizzjoni emendatorja fil-liġi nazzjonali sal-31 ta' Diċembru 2015.

Id-direttiva dwar il-kumpanniji prinċipali u sussidjarji - għalfejn kienet meħtieġa l-emenda?

B'mod partikolari, l-emenda tittratta arranġamenti ta' self ibridu użati minn gruppi korporattivi transkonfinali.

Arranġamenti ta' self ibridu huma strumenti finanzjarji li għandhom karatteristiċi kemm ta’ dejn kif ukoll ta' ekwità.

Għal din ir-raġuni, f'xi stati membri dawn jitqiesu bħala self sempliċi, filwaqt li f'oħrajn huma klassifikati bħala ekwità, u għaldaqstant jiġu ttrattati bħala li jistgħu jitnaqqsu mit-taxxa jew li huma eżenti mit-taxxa skont il-liġi tat-taxxa tal-pajjiż.

Dan kien jippermetti li kumpanniji transkonfinali jqassmu l-profitti tagħhom skont dan u b'hekk jevitaw it-tassazzjoni fuq profitti riċevuti minn arranġamenti ta' self ibridu fi kwalunkwe wieħed mill-istati membri.

Dan l-ippjanar tat-taxxa ma kienx eliminat qabel, peress li d-dispożizzjonijiet tad-direttiva oriġinali dwar il-kumpanniji prinċipali u sussidjarji kienu jirrikjedu li l-istati membri jeżentaw mit-tassazzjoni l-profitti li kumpanniji prinċipali kienu jirċievu mis-sussidjarji tagħhom li joperaw fi stati membri oħrajn.

Punti ewlenin oħrajn fuq l-aġenda

Tkabbir taż-żona tal-euro - Litwanja

Il-pajjiżi taż-żona tal-euro (imlaqqgħin fil-Kunsill) adottaw rakkomandazzjoni lill-Kunsill tal-UE favur id-deċiżjoni li tippermetti li l-Litwanja tingħaqad maż-żona tal-euro, wara r-rapporti dwar il-konverġenza maħruġin mill-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew.

Il-proposta ser tiġi riferuta lill-Kunsill Ewropew għad-diskussjoni u lill-Parlament Ewropew għall-opinjoni tiegħu qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali. Jekk ikun hemm qbil, il-Litwanja tadotta l-euro bħala l-munita tagħha fl-1 ta' Jannar 2015.

Abbozz ta' baġit tal-UE għall-2015

Il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar il-preżentazzjoni mill-Kummissjoni tal-abbozz tagħha tal-baġit ġenerali tal-UE għall-2015. L-abbozz tal-Kummissjoni jipprevedi ħlasijiet li jammontaw għal €142.1 biljun (+4.9% meta mqabbel mal-2014) u impenji li jammontaw għal €145.6 biljun (+2.1%).

Il-Kunsill hu mistenni jilħaq qbil dwar il-pożizzjoni tiegħu dwar l-abbozz tal-baġit sal-aħħar ta' Lulju.

Semestru Ewropew: rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi dwar il-politiki ekonomiċi u fiskali

Il-Kunsill approva abbozz ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi lill-istati membri dwar il-politiki ekonomiċi u fiskali tagħhom stipulati fil-programmi nazzjonali. Inħarġet rakkomandazzjoni speċifika għaż-żona tal-euro kollha kemm hi.

Il-Kunsill Ewropew huwa mistenni jikkonferma dawn ir-rakkomandazzjonijiet fis-27 ta' Ġunju. Il-verżjoni finali tat-testi ser tiġi adottata mill-Kunsill tal-UE f'Lulju.

Għeluq tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv

Il-Kunsill adotta deċiżjonijiet li jagħlqu l-proċedura ta' defiċit eċċessiv għall-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija u s-Slovakkja. Id-deċiżjonijiet jikkonfermaw li dawn il-pajjiżi naqqsu d-defiċit tagħhom għal taħt it-3% tal-PDG, il-valur ta' referenza tal-UE għad-defiċit ta' gvern.

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025