Skip to content
  • Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport

Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport, 29 u 30 ta' Novembru 2021

Riżultati ewlenin

Edukazzjoni u Żgħażagħ, 29 ta' Novembru

Spazji ċiviċi għaż-żgħażagħ

L-ispazji ċiviċi għaż-żgħażagħ - ambjenti bħal ċentri taż-żgħażagħ, assoċjazzjonijiet u assemblej taż-żgħażagħ li jippermettu l-parteċipazzjoni sinifikanti taż-żgħażagħ fis-soċjetà - jinsabu taħt pressjoni. Dan huwa parzjalment kaġun tal-pandemija tal-COVID-19 li matulha l-ispazji ċiviċi online spiss baqgħu l-unika alternattiva vijabbli. L-ispazji ċiviċi huma kruċjali biex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jipparteċipaw fit-teħid tad-deċiżjonijiet u jfasslu politiki li jaffettwawhom. Għalhekk, il-ministri għaż-żgħażagħ iddiskutew miżuri biex jiddefendu u jappoġġaw spazji ċiviċi għaż-żgħażagħ. Il-ministri esprimew ukoll tħassib dwar ir-rwol tal-għodod u l-fora diġitali li - għalkemm jippermettu liż-żgħażagħ jimmobilizzaw, iqajmu kuxjenza u jikkondividu l-informazzjoni - jinvolvu wkoll riskji bħall-intimidazzjoni, iċ-ċensura online u s-sorveljanza diġitali.

Simona Kustec, Ministru Sloven għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Isport
Hija realtà kerha li l-ispazji ċiviċi għaż-żgħażagħ, ambjenti fejn jistgħu jinvolvu ruħhom mas-soċjetà, jinsabu taħt pressjoni. Jeħtieġ li nreġġgħu lura din it-tendenza minħabba li l-ispazji ċiviċi huma proprju fejn iż-żgħażagħ jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tal-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda. Huwa għalhekk li llum qbilna li nappoġġaw l-organizzazzjonijiet fil-qasam taż-żgħażagħ u nilħqu aktar liż-żgħażagħ meta nfasslu l-politiki.
Simona Kustec, Ministru Sloven għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Isport
Simona Kustec, Ministru Sloven għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Isport

Il-Kunsill għandu approva wkoll konklużjonijiet dwar is-salvagwardja u l-ħolqien ta' spazji ċiviċi għaż-żgħażagħ li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni sinifikattiva taż-żgħażagħ. Il-Kunsill qed jistieden l-istati membri biex jippreservaw u jespandu l-ispazji ċiviċi għaż-żgħażagħ u biex idaħħlu miżuri fis-seħħ biex jiżguraw li ż-żgħażagħ minn ambjenti żvantaġġati u b'inqas opportunitajiet, b'mod partikolari dawk minn żoni remoti u rurali u dawk b'diżabbiltà, ikunu jistgħu jaċċessaw u jipparteċipaw f'dawn l-ispazji. L-istati membri u l-Kummissjoni huma mistiedna wkoll jżommu l-finanzjament strutturali għall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ.

Tagħlim imħallat

Il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar approċċi ta' tagħlim imħallat biex jintlaħaq l-għan ta' edukazzjoni primarja u sekondarja ta' kwalità għolja u inklużiva. Matul il-pandemija, it-tagħlim mid-dar u t-tagħlim mill-bogħod saru realtà ġdida għal ħafna studenti, għalliema u ġenituri. Filwaqt li l-komunità tat-tagħlim uriet ħiliet innovattivi notevoli fl-adozzjoni ta' approċċi ġodda, għadd ta' sfidi, bħal konnettività insuffiċjenti u infrastruttura diġitali, saru evidenti wkoll. Abbażi tat-tagħlimiet mill-kriżi, ir-rakkomandazzjoni tressaq kemm miżuri fuq terminu qasir bħala rispons dirett għall-kriżi kif ukoll azzjonijiet fit-tul biex jiġu avvanzati approċċi ta' tagħlim imħallat.

Il-ministri approvaw ukoll riżoluzzjonijiet dwar aġenda Ewropea ġdida għat-tagħlim għall-adulti 2021-2030 u dwar l-istruttura ta' governanza tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-ministri għall-edukazzjoni kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar id-djalogu strutturat dwar l-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali (imniedi mill-Kummissjoni f'Ottubru 2021).

Fis-sessjoni taż-żgħażagħ tagħhom, il-ministri approvaw riżoluzzjoni biex jiżguraw li l-eżiti tat-tmien ċiklu tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ jiġu rikonoxxuti u segwiti mill-partijiet ikkonċernati rilevanti. Fir-rigward tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ (2019-2021) huma approvaw konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tagħha. B'ħarsa 'l quddiem huma approvaw riżoluzzjoni dwar il-Pjan ta' Ħidma tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2022-2024.

Affarijiet oħra

Il-presidenza rrapportat dwar l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ u dwar dikjarazzjoni konġunta mill-ministri għall-edukazzjoni dwar is-sitwazzjoni li tirrigwarda d-dritt tan-nisa għall-edukazzjoni fl-Afganistan. Il-Belġju u l-Litwanja, f'isem il-pajjiżi tal-Benelux u l-Istati Baltiċi, infurmaw lill-ministri rigward it-Trattat dwar ir-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta' kwalifiki ta' edukazzjoni ogħla.

Il-presidenza pprovdiet ukoll informazzjoni dwar l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq iż-żgħażagħ u infurmat lill-ministri dwar l-eżitu tad-diskussjoni fil-laqgħa tal-kolazzjon tal-Forum Informali taż-Żgħażagħ.

Id-delegazzjoni Franċiża rrapportat dwar il-programm ta' ħidma tal-presidenza li jmiss dwar l-edukazzjoni u ż-żgħażagħ.

Kultura, Settur Awdjoviżiv u Sport, 30 ta' Novembru 2021

Żieda fid-disponibbiltà u l-kompetittività ta' kontenut awdjoviżiv u tal-media Ewropew

Is-setturi awdjoviżivi u tal-media Ewropej sofrew ferm matul il-pandemija tal-COVID-19. Is-swali taċ-ċinema raw id-dħul tal-box office jonqos b'bejn 70% u 80% fl-2020. Fl-istess ħin, id-domanda għal abbonamenti online ta' servizzi ta' video-on-demand żdiedet sew.

Peress li d-disponibbiltà tal-kontenut awdjoviżiv u tal-media Ewropew hija fundamentali għas-saħħa tas-settur tal-media Ewropew, il-Kunsill approva konklużjonijiet biex jipprovdi linji gwida dwar kif jiġi ggarantit li l-kontenut Ewropew isir aktar disponibbli. L-azzjonijiet proposti jinkludu li tiġi mħeġġa disponibbiltà akbar ta' kontenut oriġinali f'verżjonijiet lingwistiċi differenti, il-promozzjoni ta' għodod ta' kummerċjalizzazzjoni u strateġiji ta' udjenza ċinematografika effiċjenti, it-titjib u l-iffaċilitar biex jinstab kontenut kreattiv online fil-lingwi kollha tal-UE u l-inkoraġġiment ta' żieda fil-volum ta' xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej fil-katalgi on-demand.

Vasko Simoniti, Ministru Sloven għall-Kultura
Kuljum, iċ-ċittadini tal-UE jgawdu minn sensiliet, films u programmi televiżivi eċċellenti Ewropej. Madankollu, il-pandemija u xejriet oħra huma ta' piż kbir fuq is-settur awdjoviżiv u tal-media Ewropew. Huwa għalhekk li qbilna dwar miżuri biex tingħata spinta lis-settur u biex il-kontenut Ewropew minn pajjiżi differenti u b'lingwi differenti jkun aktar disponibbli.
Vasko Simoniti, Ministru Sloven għall-Kultura
Vasko Simoniti, Ministru Sloven għall-Kultura

Arkitettura ta' kwalità għolja u l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida

Wara d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni mill-President Ursula von der Leyen f'Settembru, li fih sejħet l-inizjattiva Bauhaus Ewropea l-Ġdida (NEB) bħala "r-ruħ tal-Patt Ekoloġiku Ewropew", il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni dwar il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida. L-NEB tirrappreżenta l-ambizzjoni tal-UE li toħloq postijiet, prodotti u modi ta' għajxien sbieħ, sostenibbli u inklużivi. L-NEB tippromwovi stil ta' ħajja ġdid fejn is-sostenibbiltà taqbel mal-istil biex b'hekk titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika f'diversi setturi tal-ekonomija tagħna bħall-kostruzzjoni, l-għamara, il-moda u s-soċjetajiet tagħna kif ukoll f'oqsma oħra tal-ħajja tagħna ta' kuljum.

Fil-konklużjonijiet tiegħu adottati llum, il-Kunsill jappella lil diversi persuni li jfasslu l-politika – kemm fil-livell lokali kif ukoll f'dak tal-UE – biex jintegraw l-NEB u l-prinċipji u l-approċċi tal-ekonomija ċirkolari fl-istrateġiji nazzjonali ta' żvilupp soċjoekonomiku u territorjali u biex jiffaċilitaw is-sinerġiji bejn l-oqsma ta' politika rilevanti u proċessi oħra bħall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.

Mudell Ewropew tal-Isport

Il-Kunsill approva riżoluzzjoni dwar il-karatteristiċi ewlenin tal-Mudell Ewropew tal-Isport. Dawn il-karatteristiċi ewlenin jinkludu struttura piramidali, sport organizzat fi ħdan l-istrutturi nazzjonali u b'federazzjoni waħda għal kull sport, solidarjetà ma' livelli aktar baxxi tal-isport u l-promozzjoni ta' kompetizzjonijiet miftuħa. Il-Kunsill qed jistieden lill-istati membri biex jippromwovu l-valuri fl-isport u fl-organizzazzjonijiet tal-isport u qed jitlob lill-moviment sportiv biex jiżgura li l-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi tikkonforma mal-prinċipju tal-aċċess miftuħ, tagħti prijorità lill-mertu sportiv u tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tal-bniedem.

Fis-sessjoni sportiva tagħhom, il-ministri approvaw ukoll konklużjonijiet dwar l-attività fiżika tul il-ħajja u kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-karrieri doppji tal-atleti.

Affarijiet oħra

Id-delegazzjoni Finlandiża rrappurtat dwar in-nomina ta' Oulu bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2026. Id-delegazzjoni Spanjola infurmat lill-ministri dwar l-abbozzar ta' Green Book dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-wirt kulturali. Il-Portugall ippreżenta ideat dwar it-triq 'il quddiem fir-rigward tal-istatus tal-professjonisti kulturali u kreattivi u l-azzjonijiet li jistgħu jittieħdu fil-livell nazzjonali. L-Italja ppreżentat id-dikjarazzjoni ministerjali kulturali tal-G20 u d-dikjarazzjoni ta' Ruma tal-ministri tal-kultura tal-G20. Ir-Rumanija ssuġġeriet li l-Kummissjoni tiġi mistiedna tippreżenta proposta leġiżlattiva biex l-2023 issir is-sena Ewropea għar-reżiljenza permezz tal-kultura.

Il-Kummissjoni rrappurtat dwar l-irkupru tas-settur tal-kultura wara l-pandemija tal-COVID-19 kif ukoll dwar il-gwida ta' finanzjament u l-għodda web CulturEU - opportunitajiet ta' finanzjament tal-UE għas-setturi kulturali u kreattivi 2021-2027.

Ir-rappreżentant tal-istati membri tal-UE tat-Triju ta' Presidenzi fil-kariga fil-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA informa lill-ministri dwar il-Kumitat Eżekuttiv u l-Bord ta' Fondazzjoni li saru fl-24 u l-25 ta' Novembru 2021. Il-presidenza infurmat lill-Kunsill dwar l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-isport.

Id-delegazzjoni Franċiża pprovdiet informazzjoni rigward il-programm ta' ħidma dwar il-politiki tal-kultura, l-awdjoviżiv, il-media u l-isport tal-presidenza li jmiss.

 

The Council also adopted without discussion the items that figure in the list of non-legislative A items.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2025