Skip to content
  • Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport

Kunsill "Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport", 4 u 5 ta' April 2022

Riżultati ewlenin

Kultura, awdjoviżiv, media u sport, 4 ta' April 2022

Il-ministri għall-kultura u l-media u l-ministri għall-isport iddiskutew ir-rispons Ewropew għall-gwerra fl-Ukrajna fl-oqsma ta' politika rispettivi tagħhom. Huma approvaw ukoll konklużjonijiet dwar it-tisħiħ tal-iskambji interkulturali permezz tal-mobbiltà tal-artisti u l-multilingwiżmu, dwar strateġija Ewropea għall-ekosistema tal-industriji kulturali u kreattivi, u dwar l-isport u l-attività fiżika bħala strumenti biex tinbidel l-imġiba favur l-iżvilupp sostenibbli. Fl-aħħar nett, il-ministri għall-isport iddiskutew il-promozzjoni tal-valuri Ewropej permezz tal-isport u l-organizzazzjoni tiegħu.

Kultura

Il-protezzjoni tas-settur kulturali fl-Ukrajna

L-invażjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Ukrajna mir-Russja ġiegħlet mijiet ta' eluf ta' Ukreni, inkluż ħafna artisti, ġurnalisti, persuni li jaħdmu fil-qasam kulturali u tal-media, jaħarbu mill-gwerra. Il-bumbardamenti indiskriminati taċ-ċentri urbani fl-Ukrajna jipperikolaw ukoll il-wirt kulturali tal-Ukrajna.

Il-ministri stiednu lill-Ministru għall-Kultura tal-Ukrajna, is-Sur Oleksandr Tkachenko, biex jindirizza lill-Kunsill permezz ta' vidjokonferenza. Huma mbagħad qasmu l-fehmiet tagħhom dwar il-miżuri differenti li diġà ttieħdu kemm fil-livell tal-istati membri kif ukoll f'dak tal-UE biex jappoġġaw is-settur kulturali Ukren. Huma esploraw ukoll il-possibbiltà ta' azzjonijiet konġunti ġodda biex jiżguraw il-koerenza, il-komplementarjetà u l-koordinazzjoni tal-isforzi b'appoġġ għas-setturi kulturali, kreattivi u tal-media u l-atturi tagħhom b'rispons għal din il-kriżi.

Dan l-iskambju ta' fehmiet huwa segwitu għal-laqgħa informali tal-ministri għall-kultura u l-media tal-UE li saret f'Angers fis-7 u t-8 ta' Marzu, fejn il-ministri approvaw dikjarazzjoni dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna.

Approvazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-iskambji interkulturali u dwar strateġija Ewropea għall-industriji kulturali u kreattivi

Il-Kunsill approva Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-iskambji interkulturali permezz tal-mobbiltà tal-artisti u l-professjonisti kulturali u kreattivi, u permezz tal-multilingwiżmu fl-era diġitali. Dawn il-konklużjonijiet jappellaw lill-istati membri biex jippromwovu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kulturali u dawk responsabbli għal kwistjonijiet amministrattivi relatati mal-mobbiltà. L-UE tixtieq tħeġġeġ il-mobbiltà u l-iskambji bejn l-artisti Ewropej u l-professjonisti kreattivi u kulturali, b'mod partikolari billi tiggarantilhom aċċess aħjar għall-opportunitajiet ta' mobilità fl-UE.

Il-konklużjonijiet jappellaw ukoll għall-iżvilupp ta' politika diġitali ambizzjuża għall-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-lingwa, it-traduzzjoni u l-apprendiment u t-tagħlim tal-lingwi tul il-ħajja. L-UE trid tisfrutta teknoloġiji ġodda biex trawwem il-multilingwiżmu, li jrawwem skambji kulturali u jiffaċilita l-aċċess għall-kultura.

Il-Kunsill approva wkoll konklużjonijiet dwar "Il-Bini ta' Strateġija Ewropea għall-Ekosistema tal-Industriji Kulturali u Kreattivi", settur li impjega 8.02 miljun persuna fl-UE fl-2019. L-istrateġija hija strutturata madwar ħames pilastri:

  • it-titjib tal-aċċess għall-finanzi għan-negozji Ewropej fl-ekosistema tal-industriji kulturali u kreattivi;
  • l-istimular tal-iżvilupp u t-titjib tal-ħiliet, kif ukoll l-edukazzjoni u t-taħriġ;
  • il-preservazzjoni r-riaffermazzjoni tar-rikkezza u d-diversità kulturali tal-Ewropa fl-era diġitali;
  • it-tisħiħ tal-esportazzjonijiet mill-intrapriżi tal-ekosistema tal-industriji kulturali u kreattivi;
  • il-promozzjoni tal-politiki responsabbli fl-intrapriżi tal-ekosistema tal-industriji kulturali u kreattivi.

Sport

Il-promozzjoni tal-valuri tal-Unjoni Ewropea permezz tal-isport u l-organizzazzjoni tiegħu fil-kuntest tal-gwerra fl-Ukrajna

Il-ministri semgħu x-xhieda tal-kontroparti Ukrena tagħhom, is-Sur Vadym Huttsait, li tkellem permezz ta' vidjokonferenza. Huma mbagħad iddiskutew ir-rwol li l-atturi sportivi jista' jkollhom fil-promozzjoni u d-difiża tal-valuri Ewropej. Il-gwerra fl-Ukrajna u r-reazzjoni qawwija, magħquda u solidali tal-istati membri, tal-organizzazzjonijiet privati jew pubbliċi u taċ-ċittadini Ewropej li ġabet magħha, urew impenn profond għall-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. L-isport, bil-kopertura universali tiegħu iżda wkoll permezz tal-mudell organizzattiv tiegħu, għandu jkompli jilħaq l-aspettattivi u l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini Ewropej. Il-ministri enfasizzaw ir-rwol tal-moviment sportiv fid-difiża ta' dawn il-valuri Ewropej u fl-organizzazzjoni tas-solidarjetà mal-poplu Ukren.

B'segwitu għar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill adottata fit-30 ta' Novembru 2021 dwar il-karatteristiċi ewlenin ta' mudell sportiv Ewropew, il-ministri ddiskutew ukoll l-evoluzzjoni tal-organizzazzjoni tal-isport fl-Ewropa, sabiex jirrispondu għall-emerġenza ta' partijiet ikkonċernati ġodda, prattiki ġodda u aspettattivi ġodda tas-soċjetà ċivili. Billi jinżamm pedament komuni madwar il-funzjonijiet soċjali, edukattivi, kulturali u tas-saħħa tal-isport, il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar proposti għal bidla strutturali li l-moviment sportiv huwa mistieden jindirizza.

L-isport u l-attività fiżika, strumenti promettenti biex tinbidel l-imġiba favur l-iżvilupp sostenibbli

Il-Kunsill approva Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-isport u l-attività fiżika, strumenti promettenti biex tinbidel l-imġiba favur l-iżvilupp sostenibbli.

L-għan ta' dan it-test huwa li titħaffef il-bidla fl-imġiba fost il-prattikanti individwali u kollettivi, il-produtturi u l-konsumaturi ta' prodotti u servizzi sportivi, negozji involuti fl-infrastruttura sportiva, u organizzaturi ta' avvenimenti biex jitnaqqas l-impatt tagħhom fuq l-ambjent, il-bijodiversità u l-klima. Il-Konklużjonijiet għandhom ukoll l-għan li l-isport jiġi ppożizzjonat aħjar bħala strument għall-edukazzjoni u biex jitqiesu l-Għanijiet ta' żvilupp sostenibbli.

L-istati membri, il-Kummissjoni u l-moviment sportiv diġà għamlu sforzi u progress sinifikanti f'din id-direzzjoni. Dawn il-konklużjonijiet iqisu dawn l-isforzi, iżda jixtiequ jaċċellerawhom, jintensifikawhom u, fuq kollox, jenfasizzaw aktar id-dimensjoni Ewropea tagħhom.

Sentejn wara li l-Logħob Olimpiku u Paralimpiku reġgħu lura fl-Ewropa, l-ewwel fis-sajf u mbagħad fix-xitwa, il-ministri xtaqu jaffermaw id-determinazzjoni tagħhom li jiżguraw li l-avvenimenti sportivi kollha jkunu ekoresponsabbli u sostenibbli.

Affarijiet oħra

Il-Ministru għall-Kultura tas-Slovakkja informa lid-delegazzjonijiet dwar l-għażla ta' Trenčín bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2026.

L-Italja infurmat dwar il-Konferenza tal-Ministri tal-Kultura tar-reġjun Ewro-Mediterranju li ser issir f'Napli fis-16 u s-17 ta' Ġunju 2022.

L-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja ssottolinjaw il-ħtieġa għall-koordinazzjoni tal-azzjonijiet Ewropej fil-qasam tal-kultura u l-media biex jappoġġaw lill-Ukrajna.

Fil-kuntest tad-dibattitu ta' orjentazzjoni, id-delegazzjoni Pollakka spjegat fid-dettall l-impatt tal-gwerra fl-Ukrajna fuq is-settur tal-isport fl-Ewropa.

Fl-aħħar nett, id-delegazzjoni Ċeka ppreżentat il-programm ta' ħidma tal-Presidenza li jmiss tagħha fil-qasam tal-kultura, l-awdjoviżiv u l-isport.

Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr diskussjoni il-punti li kienu fil-lista ta' punti A leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi.

Assistenza lir-Repubblika tal-Moldova

L-UE ser tipprovdi €150 miljun f'assistenza makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova. Hija biħsiebha tappoġġa l-programm ta' stabbilizzazzjoni ekonomika u riforma tal-Moldova. L-assistenza ser tikkontribwixxi għat-tisħiħ tar-reżiljenza tal-Moldova fil-kuntest ġeopolitiku attwali. Il-Kunsill adotta din id-deċiżjoni llum.

Edukazzjoni u żgħażagħ, 5 ta' April 2022

Il-ministri għall-edukazzjoni evalwaw l-istat ta' tħejjija tas-sistemi edukattivi tal-Unjoni Ewropea biex jirrispondu għal kriżijiet bħall-pandemija tal-COVID-19 jew il-gwerra fl-Ukrajna. Huma adottaw rakkomandazzjoni għal kooperazzjoni Ewropea aktar effettiva fl-edukazzjoni għolja. Il-ministri approvaw ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar strateġija Ewropea li ssaħħaħ l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u ta' riċerka għall-futur tal-Ewropa u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-mobbiltà tal-għalliema u l-ħarrieġa, b'mod partikolari l-mobbiltà Ewropea, matul it-taħriġ inizjali u kontinwu tagħhom.

Il-ministri għaż-żgħażagħ adottaw rakkomandazzjoni dwar il-mobbiltà ta' voluntiera żgħażagħ madwar l-Unjoni Ewropea u approvaw konklużjonijiet dwar it-trawwim tal-involviment fost iż-żgħażagħ bħala aġenti tal-bidla sabiex jitħares l-ambjent.

Edukazzjoni

It-tisħiħ tal-ġestjoni tal-kriżijiet u l-antiċipazzjoni tagħhom fiż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni

Il-ġrajjiet reċenti wrew li s-sistemi edukattivi kienu qed jintlaqtu b'mod qawwi ferm mill-kriżijiet. L-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-iskejjel u l-universitajiet kien konsiderevoli. Illum, il-gwerra fl-Ukrajna qed tolqot bil-qawwa lit-tfal u liż-żgħażagħ b'mod ġenerali. Billi jirrikonoxxu li l-aċċess għall-edukazzjoni huwa essenzjali, l-istati membri tal-UE mmobilizzaw ruħhom biex jilqgħu miljuni ta' tfal u studenti bħala kwistjoni ta' urġenza. Bil-ħsieb li jiġu vvalutati l-ħtiġijiet u jiġu pprovduti risponsi ikkoordinati, fis-16 ta' Marzu ġiet organizzata laqgħa ministerjali informali permezz ta' vidjokonferenza ddedikata għall-Ukrajna, estiża permezz ta' laqgħat ta' segwitu regolari.

Waqt il-Kunsill tal-Ministri fil-5 ta' April, il-ministri stiednu lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xjenza tal-Ukrajna, Serhiy Shkarlet, biex jindirizza lill-Kunsill. Huma evalwaw ukoll il-ħidma tal-Grupp ta' Koordinazzjoni, qabel ma komplew id-diskussjoni tagħhom dwar l-aħjar rispons għas-sitwazzjoni fl-Ukrajna. B'mod aktar ġenerali, id-diskussjonijiet iffukaw fuq il-ħtieġa li jiġu identifikati flimkien l-aħjar strumenti u mekkaniżmi fil-livell tal-UE biex jittaffa l-impatt ta' kwalunkwe kriżi attwali u futura fuq is-sistemi edukattivi tagħna.

Kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni għolja

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar strateġija Ewropea li ssaħħaħ l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għall-futur tal-Ewropa u rakkomandazzjoni dwar il-bini ta' konnessjonijiet għal kooperazzjoni effettiva Ewropea fl-edukazzjoni għolja.

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar strateġija Ewropea li ssaħħaħ l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għall-futur tal-Ewropa jappellaw għal appoġġ għall-kooperazzjoni Ewropea madwar erba' punti kardinali: it-tisħiħ tad-dimensjoni Ewropea tal-edukazzjoni għolja u r-riċerka, il-promozzjoni tar-rwol u t-tmexxija tal-Ewropa fuq livell dinji, it-tisħiħ tal-irkupru u r-rispons tal-Ewropa għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u l-approfondiment tas-sens ta' appartenenza għall-Ewropa.

Sabiex titwettaq din l-istrateġija, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni tranżnazzjonali tistabbilixxi l-azzjonijiet li l-istati membri u l-Unjoni ser jimplimentaw fi żmien sena. B'mod partikolari, għandha l-għan li tesperimenta b'tikketta Ewropea għal lawrji konġunti tal-2022, li twitti t-triq għal diploma Ewropea futura. Din tagħmilha possibbli wkoll li jiġu ttestjati strumenti ġodda biex tiġi istituzzjonalizzata l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet, pereżempju permezz ta' statut iddedikat għall-alleanzi. Qed tavvanza wkoll lejn finanzjament Ewropew futur li jkopri l-firxa sħiħa ta' missjonijiet tal-universitajiet Ewropej.

Fil-konklużjonijiet tagħhom dwar it-tisħiħ tal-mobbiltà tal-għalliema u l-ħarrieġa, il-ministri jappellaw lill-istati membri biex ineħħu l-ostakli eżistenti, jipprovdu appoġġ organizzattiv u finanzjarju u jħeġġu l-mobbiltà tal-għalliema u l-għalliema futuri.

Żgħażagħ

Il-volontarjat fl-UE

Il-ministri adottaw rakkomandazzjoni dwar il-mobbiltà ta' voluntiera żgħażagħ fl-UE. Ir-rakkomandazzjoni tiffoka fuq iż-żgħażagħ b'inqas opportunitajiet. L-istati membri għandhom jippromwovu informazzjoni aċċessibbli u azzjonijiet immirati ta' sensibilizzazzjoni dwar attivitajiet ta' volontarjat barra l-pajjiż fost dawn iż-żgħażagħ.

Il-ministri ddiskutew ukoll il-mobbiltà ta' voluntiera żgħażagħ waqt dibattitu ta' orjentazzjoni. Huma ddiskutew l-ostakli għall-volontarjat u l-mobbiltà tal-voluntiera żgħażagħ, bħall-oqfsa amministrattivi u regolatorji nazzjonali differenti, u n-nuqqas ta' rikonoxximent tal-valur tal-esperjenza ta' volontarjat u l-ħiliet żviluppati mill-voluntiera żgħażagħ. Il-ministri ddiskutew ukoll miżuri possibbli biex jitrawmu sinerġiji bejn l-attivitajiet ta' volontarjat nazzjonali/reġjonali u l-programmi Ewropej ta' solidarjetà u mobbiltà tal-voluntiera, kif ukoll miżuri ulterjuri fil-livell tal-UE għall-promozzjoni tas-solidarjetà u l-mobbiltà tal-voluntiera żgħażagħ Ewropej.

Fil-kuntest attwali ta' wasliet massivi ta' nies li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna, il-ministri semgħu x-xhieda tal-Ministru għaż-Żgħażagħ u l-Isport tal-Ukrajna, is-Sur Vadym Huttsait. Il-Kunsill irrikonoxxa wkoll li l-azzjonijiet ta' voluntiera żgħażagħ fil-livell tal-UE għandhom rwol fil-promozzjoni tal-valuri demokratiċi u l-paċi, u għalhekk għandhom jiġu mħeġġa u ffaċilitati. Il-Kunsill issottolinja wkoll l-importanza partikolari ta' dawn l-azzjonijiet ta' solidarjetà li ż-żgħażagħ Ewropej jinvolvu ruħhom fihom b'konvinzjoni. Il-Kunsill issottolinja li l-volontarjat jippermetti liż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom b'mod strutturat, konkret u effettiv biex jipprovdu għajnuna lir-refuġjati fil-bżonn.

L-involviment taż-żgħażagħ favur il-ħarsien tal-ambjent

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill bit-titlu "Trawwim tal-involviment fost iż-żgħażagħ bħala atturi tal-bidla biex jitħares l-ambjent", approvati llum ukoll mill-ministri għaż-żgħażagħ, jirrikonoxxu l-impenn attiv taż-żgħażagħ fil-ħarsien tal-ambjent u għandhom l-għan li joħolqu l-kondizzjonijiet it-tajba għal dan l-impenn, billi ż-żgħażagħ jitħarrġu aħjar fir-rigward ta' kwistjonijiet ambjentali, jiġu offruti spazji għall-espressjoni u l-azzjoni, jiġi mħeġġeġ il-volontarjat, kif ukoll billi jiġi rikonoxxut dan l-impenn fil-perkorsi skolastiċi, universitarji u professjonali tagħhom.

Affarijiet oħra

Id-delegazzjoni Ċeka ppreżentat il-programm ta' ħidma tal-presidenza li jmiss tagħha għall-edukazzjoni u ż-żgħażagħ.

Il-presidenza infurmat lid-delegazzjonijiet dwar l-appoġġ, mill-ministri ta' 26 Stat Membru, għal dikjarazzjoni dwar l-iżvilupp ta' viżjoni komuni dwar l-effettività, l-effiċjenza u l-ekwità tal-investiment fl-edukazzjoni.

Il-ministru Ċiprijott informa lill-kollegi tiegħu dwar it-tielet laqgħa ta' livell għoli tal-ministri għall-edukazzjoni fil-qafas tad-disa' konferenza ministerjali "Ambjent għall-Ewropa" (li għandha ssir f'Nikosija fil-5-7 ta' Ottubru 2022).

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2025