"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport, 28 u 29 ta' Novembru 2022
Riżultati prinċipali
Edukazzjoni u żgħażagħ - 28 ta' Novembru
Il-perkorsi għas-suċċess fl-iskola u l-benesseri fl-edukazzjoni diġitali
Il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-perkorsi għas-suċċess fl-iskola. Peress li l-porzjon ta' dawk li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni u t-taħriġ kien ta' 9.7% fl-2021 u r-rata ta' progress insuffiċjenti fil-qari, fil-matematika u fix-xjenza ta' dawk li għandhom 15-il sena – skont il-Monitor tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2021 – għadha ogħla minn 15%, ir-rakkomandazzjoni tappella lill-istati membri biex jiżviluppaw strateġiji għas-suċċess skolastiku u biex jiġu minimizzati l-effetti tal-istatus soċjoekonomiku fuq l-eżiti tal-edukazzjoni u t-taħriġ.
Il-ministri approvaw ukoll konklużjonijiet dwar l-appoġġ għall-benesseri fl-edukazzjoni diġitali. L-użu ta' għodod u metodi diġitali qed jiżdied fil-klassijiet madwar l-Ewropa, speċjalment wara l-bidla għall-apprendiment u t-tagħlim online matul il-pandemija. Dan l-iżvilupp kontinwu u l-ħtieġa li jiġi żgurat il-benesseri tal-istudenti u tal-edukaturi f'din ir-realtà diġitali għandhom jiġu riflessi meta l-istati membri jfasslu l-istrateġiji tal-edukazzjoni diġitali tagħhom.
Irridu nkomplu niżviluppaw l-ambjent skolastiku li fih l-istudenti u l-għalliema jħossuhom tajbin, protetti u siguri u jkunu kapaċi jirrikonoxxu r-riskji assoċjati mal-użu tal-mezzi diġitali.
Vladimír Balaš, ministru Ċek għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport
Il-ministri ddiskutew ukoll kif iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (ŻEE) tista' tirreaġixxi aktar malajr u b'mod aktar effiċjenti għal kriżijiet bħall-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna jew il-pandemija tal-COVID-19. Bosta ministri enfasizzaw l-isforzi li għaddejjin relatati mal-integrazzjoni tat-tfal Ukreni fis-sistemi edukattivi tagħhom u r-rwol taż-ŻEE bħala għodda għall-koordinazzjoni tal-azzjonijiet fi żminijiet ta' kriżi.
Is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ
L-2022 hija s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ. Dan jonora liż-żgħażagħ Ewropej li ġarrbu ħafna tbatija matul il-pandemija tal-COVID-19 – imċaħħda kompletament mill-ħajja soċjali u l-interazzjoni. Il-ministri vvalutaw l-implimentazzjoni ta' din is-Sena Ewropea u ddiskutew kif il-legat tagħha jista' jiġi żgurat lil hinn mill-2022. L-iskambju poġġa enfasi partikolari fuq kif id-dimensjoni taż-żgħażagħ tista' ssir parti integrali mill-politiki u t-tfassil tal-politika kollu tal-UE.
Il-Kunsill approva wkoll il-konklużjonijiet dwar il-promozzjoni tad-dimensjoni interġenerazzjonali fil-qasam taż-żgħażagħ biex jitrawmu d-djalogu u l-koeżjoni soċjali.
Il-pandemija – bil-lockdowns, il-kanċellazzjoni ta' festivals u l-għeluq taċ-ċentri taż-żgħażagħ – kienet partikolarment iebsa għaż-żgħażagħ tagħna. Din is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ kienet opportunità tajba biex iż-żgħażagħ jitneħħew mid-deprivazzjoni soċjali tagħhom u biex tingħata spinta lill-involviment tagħhom fi kwistjonijiet pubbliċi. Sabiex inżommu l-ispirtu ta' din is-sena jeħtieġ li nitgħallmu ninvolvu aktar liż-żgħażagħ u nisimgħuhom aħjar meta aħna, bħala politiċi, nieħdu d-deċiżjonijiet.
Vladimír Balaš, ministru Ċek għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport
Il-Kummissjoni pprovdiet informazzjoni dwar ir-Rapport ta' Progress dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni flimkien mat-tnedija ta' Laboratorji tal-Apprendiment dwar l-investiment f'edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità, linji gwida etiċi dwar l-użu tal-IA u tad-data fit-tagħlim u l-apprendiment, linji gwida dwar l-indirizzar tad-diżinformazzjoni u l-promozzjoni tal-litteriżmu diġitali kif ukoll wegħda tal-"Inizjattiva dwar it-Talenti fit-Teknoloġija Profonda".
Il-ministru ta' Ċipru informa lid-delegazzjonijiet dwar id-disa' Konferenza Ministerjali dwar l-Ambjent għall-Ewropa u l-eżiti tal-laqgħa ta' livell għoli tal-Ministri għall-Edukazzjoni dwar l-Edukazzjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli.
Il-presidenza Ċeka kkondividiet l-eżitu tad-diskussjoni waqt il-kolazzjon informali tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ li sar qabel il-bidu tal-laqgħa tal-Kunsill.
Il-presidenza Żvediża li jmiss ippreżentat il-programmi ta' ħidma tagħha għall-edukazzjoni u ż-żgħażagħ.
Punti oħra fuq l-aġenda
Bħala punti mingħajr diskussjoni, il-Kunsill adotta diversi atti leġiżlattivi oħra:
l-Att dwar ir-Reżiljenza Operazzjonali Diġitali (DORA) li ser isaħħaħ is-sigurtà tal-IT ta' entitajiet finanzjarji bħall-banek, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni u d-ditti tal-investiment
direttiva ġdida dwar is-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni (NIS 2) għal livell għoli komuni ta' ċibersigurtà madwar l-Unjoni, sabiex jitjiebu aktar ir-reżiljenza u l-mezzi ta' rispons għall-inċidenti kemm tas-settur pubbliku kif ukoll tas-settur privat u tal-UE in ġenerali
ir-regolament dwar is-sussidji barranin li jindirizza s-sussidji barranin distorsivi fuq is-suq intern u għandu l-għan li jirrestawra l-kompetizzjoni ġusta bejn il-kumpaniji kollha li joperaw fis-suq intern – kemm Ewropej kif ukoll mhux Ewropej
id-direttiva dwar ir-rappurtar korporattiv dwar is-sostenibbiltà (CSRD). Il-kumpaniji dalwaqt ser ikollhom jippubblikaw informazzjoni dettaljata dwar kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà. Dan ser iżid l-akkontabbiltà ta' kumpanija, jipprevjeni standards ta' sostenibbiltà diverġenti u jiffaċilita t-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli.
Kultura, awdjoviżiv u sport - 29 ta' Novembru
Il-kultura fi żminijiet ta' kriżi
Fl-isfond tal-qerda intenzjonata ta' monumenti u mużewijiet Ukreni u s-sakkeġġ massiv ta' xogħlijiet tal-arti u l-wirt kulturali Ukreni mill-armata Russa, il-ministri tal-UE għall-kultura kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar l-appoġġ u s-solidarjetà mal-kultura Ukrena, inkluż il-wirt kulturali. Il-ministri skambjaw il-fehmiet tagħhom dwar il-possibbiltajiet għal assistenza speċifika fir-rigward tal-ħtiġijiet tal-Ukrajna fil-qasam tal-kultura, u dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-Kapitali Ewropej tal-Kultura u l-bliet Ukreni.
F'dan il-kuntest il-Kunsill saħħaħ id-dimensjoni tal-azzjoni esterna tal-kultura u żied azzjoni speċifika dwar l-Ukrajna fil-Pjan ta' Ħidma tal-UE għall-Kultura 2023-2026 li l-istati membri adottaw illum ukoll.
Ma nistgħux inkunu indifferenti għall-qerda u s-sakkeġġ ta' mużewijiet u wirt kulturali Ukren. Fid-dawl tal-aggressjoni tar-Russja, il-ministri tal-UE għall-kultura jinsabu f'solidarjetà mas-settur kulturali Ukren.
Martin Baxa, ministru Ċek għall-Kultura
Il-presidenza Ċeka ppreżentat rapport ta' progress dwar is-sitwazzjoni attwali tal-ħidma li għaddejja dwar il-proposta leġiżlattiva għal Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media (EMFA). L-EMFA għandu l-għan li jistabbilixxi regoli komuni għall-funzjonament tas-suq intern għas-servizzi tal-media. Il-fokus tiegħu huwa li jipproteġi l-libertà, il-pluraliżmu u l-indipendenza tal-media fl-UE.
Sa mill-bidu tal-2020, is-settur tal-isport Ewropew iffaċċja diversi kriżijiet mingħajr preċedent: il-miżuri tal-COVID-19 illimitaw l-opportunitajiet għall-attività sportiva u wasslu għall-kanċellazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi. Il-gwerra ta' aggressjoni mir-Russja kontra l-Ukrajna u l-kriżi tal-enerġija li rriżultat qed ikollhom ukoll impatt fuq is-settur.
F'dan il-kuntest il-ministri qasmu prattiki tajbin dwar kif dawn il-kriżijiet jistgħu jinbidlu f'opportunitajiet. L-użu ta' għodod diġitali (pereżempju biex wieħed jipparteċipa fl-isport mid-dar) huwa eżempju ta' kif ir-restrizzjonijiet esterni wasslu għal bidla pożittiva. Il-kriżi tal-enerġija min-naħa tagħha tista' twassal għal tranżizzjoni tal-infrastruttura sportiva lejn sorsi ta' enerġija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Il-President tal-UEFA Aleksander Čeferin u l-eks plejer tal-basketball Ċek b'esperjenza mal-NBA Jiří Welsch ingħaqdu wkoll mad-dibattitu.
It-tranżizzjoni lejn infrastruttura sportiva aktar sostenibbli – fl-aktar sens soċjali, ekonomiku u ambjentali wiesa' – ġiet indirizzata wkoll mill-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar infrastruttura sportiva sostenibbli u aċċessibbli li l-ministri approvaw.
Dawn l-aħħar snin kienu bla dubju diffiċli ħafna għal kull min hu involut fl-isport fl-Ewropa – mill-klabbs sal-professjonisti u d-dilettanti. Is-settur tal-isport wera saħħa kbira biex jinstabu tweġibiet għall-isfidi tal-pandemija u l-kriżi tal-enerġija li għaddejja bħalissa u dan ser jikkontribwixxi għall-mira fit-tul li l-infrastruttura tal-isport issir aktar sostenibbli.
Vladimír Balaš, ministru Ċek għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport
Il-Ġermanja qajmet il-punt tal-isfidi tal-istituzzjonijiet kulturali fil-kriżi tal-enerġija u l-Latvja infurmat dwar l-għażla tal-kapitali Ewropea tal-kultura. Il-Kummissjoni infurmat lill-ministri dwar il-Komunità ta' Konoxxenza u Innovazzjoni tal-Kultura u l-Kreattività (KKI) tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija u dwar l-Unjoni Ewropea bħala Mistiedna Speċjali fil-Fiera tal-Ktieb Internazzjonali ta' Guadalajara.
Il-Latvja, il-Litwanja, l-Estonja u l-Polonja enfasizzaw il-kwistjoni tat-trażmissjoni tal-kanali ta' propaganda Russi mill-fornituri tas-servizzi satellitari tal-UE.
Id-delegazzjoni Netherlandiża indirizzat is-suġġett tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem meta jiġu assenjati avvenimenti sportivi ewlenin u l-Iżvezja rrappurtat lura mil-laqgħa tal-Bord ta' Fondazzjoni tal-Aġenzija Dinjija Kontra d-Doping (WADA).
L-Iżvezja ppreżentat il-programmi ta' ħidma tagħha għall-kultura u l-isport bħala l-presidenza li jmiss.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.