Skip to content
  • Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport

Vidjokonferenza tal-ministri għall-kultura u l-awdjoviżiv, 1 ta' Diċembru 2020

Riżultati ewlenin

Tħejjija għall-futur - Irkupru tas-settur kulturali u tal-media mill-pandemija tal-COVID-19

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar kif tista' tissaħħaħ ir-reżiljenza fit-tul tas-settur kulturali u tal-media, u dwar kif l-industriji kreattivi u l-media jistgħu jibbenefikaw mill-fondi għall-irkupru tal-UE u jirċievu informazzjoni adegwata dwar l-opportunitajiet ta' finanzjament.

Monika Grütters, Kummissarju tal-Gvern Federali għall-Kultura u l-Media
Is-setturi kulturali u tal-media ntlaqtu estremament ħażin mill-kriżi tal-COVID-19. Id-diskussjoni tagħna llum ikkonfermat id-determinazzjoni tal-istati membri li jkomplu jappoġġawhom fil-livell nazzjonali u tal-UE - bl-immirar aħjar tal-għajnuna għall-irkupru, b'informazzjoni adegwata dwar il-finanzjament u b'approċċ flessibbli lejn restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Barra minn hekk, l-inizjattiva tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura ġiet adattata biex tgħin lill-bliet affettwati mill-pandemija u nistennew li l-finanzjament permezz tal-programm Ewropa Kreattiva ser jiżdied mill-2021.
Monika Grütters, Kummissarju tal-Gvern Federali għall-Kultura u l-Media
Monika Grütters, Kummissarju tal-Gvern Federali għall-Kultura u l-Media

Il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom fir-rigward tal-punti li ġejjin:

  • Il-miżuri Ewropej ta' rkupru jridu jkunu mmirati lejn dawk ikkonċernati fis-settur kulturali u dak kreattiv, inkluż il-media, biex jgħinuhom iħejju għal sfidi futuri b'mod sostenibbli u reżiljenti. Is-settur għandu jkompli jikkontribwixxi għall-integrazzjoni tal-Ewropa! Irridu nsaħħu aktar il-programmi ta' finanzjament Ewropej u niżguraw li s-settur kulturali u tal-media jkun infurmat aħjar dwarhom. Dan jeħtieġ miżuri sostenibbli li għandhom jiġu diskussi
  • Irridu noffru prospetti għall-futur tas-settur kulturali u tal-media, speċjalment peress li l-impatti massivi tal-pandemija ser ikomplu għaddejjin għal perjodu ta' żmien itwal. Kif nistgħu ntejbu l-qafas legali għall-benefiċċju tal-kultura u tal-media, pereżempju fir-rigward tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar? Irridu niżguraw li s-settur tagħna jibbenefika mill-possibbiltajiet offruti mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza meta din tiġi implimentata fil-livell nazzjonali

Il-ministri laqgħu l-fatt li l-baġit tal-programm Ewropa Kreattiva ser jiżdied b'mod sostanzjali għall-perjodu 2021-2027. Huma laqgħu wkoll il-prospett għal żieda fil-baġit tal-programmi Erasmus+ u Orizzont Ewropa għall-perjodu li jmiss ta' seba' snin u l-opportunitajiet li din tista' jipprovdi għall-appoġġ tal-industrija kulturali u dik kreattiva. Il-ministri esprimew it-tama li dalwaqt jintlaħaq ftehim dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza peress li dan ser jippermetti finanzjament addizzjonali għas-setturi kulturali u awdjoviżivi.

Il-maġġoranza tad-delegazzjonijiet esprimew appoġġ għall-idea li jinħoloq portal tal-internet li jkun fih informazzjoni aċċessibbli u mmirata dwar l-opportunitajiet ta' finanzjament għall-artisti u l-kreaturi madwar l-UE. Dan jgħin biex jingħelbu d-diffikultajiet, bħall-informazzjoni insuffiċjenti u l-kumplessità tal-proċeduri ta' applikazzjoni.

Il-ministri qablu b'mod ġenerali dwar il-ħtieġa għal sinerġiji bejn il-programm Ewropa Kreattiva u programmi jew fondi oħra tal-UE b'fergħat iddedikati għal attivitajiet kulturali u kreattivi, bħal Erasmus+, Orizzont Ewropa, Ewropa Diġitali u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

Fost is-suġġerimenti biex jgħinu l-irkupru tal-industrija kulturali, dik kreattiva u dik tal-media kien hemm it-tisħiħ tal-qafas legali tal-UE, b'mod partikolari l-implimentazzjoni tad-direttiva tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur u d-direttiva dwar is-servizzi tal-media awdjoviżiva, l-introduzzjoni ta' taxxi aktar baxxi fuq il-bejgħ ta' kotba u l-ħolqien ta' pjattaformi online li jipprovdu prodotti awdjoviżivi Ewropej.

Ħafna ministri appellaw għal eċċezzjonijiet mir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għall-artisti u l-kreaturi madwar l-UE.

Affarijiet oħra

Il-presidenza pprovdiet informazzjoni dwar it-test maqbul reċentement tal-Konklużjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-qasam tal-kultura.

Il-presidenza pprovdiet informazzjoni rigward il-konklużjonijiet dwar is-salvagwardja ta' sistema tal-media ħielsa u pluralistika.

Il-presidenza infurmat lill-ministri dwar in-nomina tal-belt Ġermaniża ta' Chemnitz bħala waħda mill-Kapitali Ewropej tal-Kultura fl-2025. Id-delegazzjoni Slovena infurmat dwar is-sitwazzjoni attwali tal-proċess li tiġi nnominata t-tieni belt (fis-Slovenja) biex tospita t-titolu fl-2025. Il-ministri laqgħu l-fatt li l-azzjoni tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura ngħatat ċerta flessibbiltà għall-benefiċċju tal-bliet li qed jesperjenzaw l-impatt negattiv tal-pandemija tal-COVID-19.

Id-delegazzjoni Netherlandiża pprovdiet informazzjoni dwar ''L-indirizzar ta' kollezzjonijiet kolonjali fin-Netherlands''.

Id-delegazzjoni Franċiża pprovdiet informazzjoni dwar ċerti żviluppi reċenti relatati mad-drittijiet tal-awtur.

Id-delegazzjoni Taljana infurmat dwar inizjattiva politika mnedija reċentement bil-għan li tippromwovi l-qari.

Id-delegazzjoni Portugiża ppreżentat il-programm ta' ħidma tal-presidenza li jmiss tal-Kunsill fil-qasam tal-Kultura u l-Awdjoviżiv.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Dokumenti ta' eżitu

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2025