Skip to content
  • Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport

Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport, 17 u 18 ta' Mejju 2021

Riżultati ewlenin

Edukazzjoni u Żgħażagħ, 17 ta' Mejju

Ekwità, inklużjoni u suċċess fl-edukazzjoni u t-taħriġ għal kulħadd

Ekwità fl-aċċess, l-inklużjoni u s-suċċess għal kulħadd huma prinċipji bażiċi tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Madankollu, l-ekwità u l-inklużjoni għadhom sfida għas-sistemi edukattivi tagħna, b'differenzi sinifikanti fl-istati membri u bejniethom. Peress li l-isfond soċjoekonomiku jibqa' fattur importanti li jinfluwenza l-eżiti edukattivi fl-Unjoni Ewropea, il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar dan is-suġġett. L-għadd ta' dawk li jagħmlu progress insuffiċjenti u dawk li jitilqu kmieni mill-iskola għadu għoli fl-UE. 20.3% ta' dawk b'diżabbiltà jħallu l-edukazzjoni kmieni. Studenti b'inqas opportunitajiet għandhom aspettattivi aktar baxxi li jtemmu l-edukazzjoni terzjarja (43.4%) mill-pari tagħhom (82.3%). Il-konklużjonijiet jappellaw lill-istati membri u lill-Kummissjoni biex jaħdmu flimkien fuq politiki biex inaqqsu l-kisbiet baxxi, jgħollu l-livelli ta' kompetenza u jipprevjenu l-qgħad.

Tiago Brandão Rodrigues, Ministru għall-Edukazzjoni tal-Portugall
Sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ inklużivi għandhom rwol fundamentali fit-tnaqqis ta' kisbiet baxxi, jgħollu l-livelli ta' kompetenza u jipprevjenu l-qgħad, fl-ispettru kollu tal-edukazzjoni u t-taħriġ u f'approċċ ta' istituzzjoni sħiħa, sabiex itejbu l-opportunitajiet indaqs u l-inklużjoni u jippromwovu s-suċċess edukattiv fil-livelli u t-tipi kollha ta' edukazzjoni u taħriġ. Jeħtieġ li nagħmlu aktar biex nidentifikaw miżuri ta' edukazzjoni u taħriġ li jistgħu jtejbu s-suċċess edukattiv għall-istudenti kollha. Mod wieħed hu li jiġi indirizzat in-nuqqas ta' għalliema, b'mod partikolari fl-edukazzjoni għal persuni bi bżonnijiet speċjali u f'kuntesti multikulturali u multilingwi.
Tiago Brandão Rodrigues, Ministru għall-Edukazzjoni tal-Portugall
Tiago Brandão Rodrigues, Ministru għall-Edukazzjoni tal-Portugall

Inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej

Il-ministri approvaw konklużjonijiet dwar l-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej. L-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej hija pilastru fundamentali taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni li għandha tinbena sal-2025. Il-Kunsill jistieden lill-istati membri biex jużaw il-mekkaniżmi ta' finanzjament kollha disponibbli biex jappoġġaw l-inizjattiva u jirrakkomanda aktar kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-edukazzjoni, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u l-partijiet ikkonċernati sabiex jitneħħew l-ostakli għall-kooperazzjoni fil-livell Ewropew, filwaqt li jitqies li l-Universitajiet Ewropej jistgħu jkunu strumentali fil-bini ta' pontijiet importanti mal-approċċi tagħhom tar-riċerka u l-apprendiment u t-tagħlim ibbażati fuq l-isfidi, filwaqt li jinħolqu sinerġiji aktar b'saħħithom bejn id-dimensjoni tal-edukazzjoni għolja taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, iż-Żona Ewropea tar-Riċerka u ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja.

Manuel Heitor, Ministru għax-Xjenza, it-Teknoloġija u l-Edukazzjoni Għolja tal-Portugall
Il-41 alleanza tal-Universitajiet Ewropej jinsabu fl-istadju bikri tal-iżvilupp tagħhom, iżda għandhom l-għan li jsiru l-universitajiet tal-futur, li jispiraw it-trasformazzjoni tal-edukazzjoni għolja fl-UE. M'għandniex dubju li l-kooperazzjoni bejn il-lingwi, il-fruntieri u d-dixxiplini ser tgħin biex tinkiseb il-viżjoni ambizzjuża ta' Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u Żona Ewropea tar-Riċerka innovattivi, kompetittivi globalment u attraenti u biex jissaħħu l-valuri komuni Ewropej tagħna.
Manuel Heitor, Ministru għax-Xjenza, it-Teknoloġija u l-Edukazzjoni Għolja tal-Portugall
Manuel Heitor, Ministru għax-Xjenza, it-Teknoloġija u l-Edukazzjoni Għolja tal-Portugall

Xenarji li qed jevolvu għat-trasformazzjoni tal-edukazzjoni għolja tal-UE

B'segwitu għall-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej, il-ministri kellhom dibattitu pubbliku ta' orjentazzjoni biex jisimgħu opinjonijiet u jiskambjaw ideat dwar il-futur tal-edukazzjoni għolja u, b'mod partikolari, dwar ir-rwol tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja bħala muturi tal-bidla lejn it-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi. Id-dibattitu ġie inkwadrat minn tliet mistoqsijiet: jekk l-alleanzi tal-Universitajiet Ewropej għandhomx ikunu "bankijiet tat-test" għall-interoperabbiltà u l-kooperazzjoni bejn l-istati membri rigward l-iżvilupp tal-karrieri fir-riċerka u t-tagħlim fl-Ewropa; x'miżuri speċifiċi lesti jieħdu l-istati membri biex jippromwovu approċċ Ewropew għall-assigurazzjoni tal-kwalità għal lawrji konġunti; u jekk humiex qed iqisu li jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti mikrokredenzjali fl-edukazzjoni għolja.

Il-preservazzjoni tad-diversità tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa u l-promozzjoni ta' viżjoni u valuri Ewropej komuni għal identità Ewropea aktar b'saħħitha fost iż-żgħażagħ u ċ-ċittadini saret sfida unika għat-tfassil tal-politika fl-edukazzjoni għolja madwar l-Ewropa u jeħtieġ li tiġi indirizzata bħala parti mit-trasformazzjoni tal-edukazzjoni għolja tal-UE. Barra minn hekk, filwaqt li nżommu f'moħħna din it-trasformazzjoni, jeħtieġ li niggarantixxu li l-istudenti jkollhom il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa u li niżguraw strateġiji integrati fit-tul għall-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, li jinvolvu lis-soċjetà b'mod ġenerali, sabiex jissaħħaħ il-panorama tal-għarfien madwar ir-reġjuni Ewropej u biex tingħata spinta lill-kwalità, l-attraenza u t-tisħiħ soċjetali tal-istituzzjonijiet Ewropej tal-edukazzjoni għolja. Manuel Heitor, Ministru għax-Xjenza, it-Teknoloġija u l-Edukazzjoni Għolja tal-Portugall

Is-sehem taż-żgħażagħ fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet

Minkejja li ż-żgħażagħ huma attivi ħafna fil-ħajja demokratika, spiss ikollhom inqas opportunitajiet biex jipparteċipaw u mhumiex rappreżentati biżżejjed fit-teħid ta' deċiżjonijiet. Peress li huma affettwati mill-aġenda politika kollha, l-impenn u l-involviment tagħhom biex jinstabu tweġibiet għall-isfidi tal-lum huma essenzjali.

Illum il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar it-tisħiħ tal-governanza f'diversi livelli fil-promozzjoni tas-sehem taż-żgħażagħ fi proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet. L-għan ta' dawn il-konklużjonijiet huwa li jiżguraw li ż-żgħażagħ kollha jkollhom opportunitajiet indaqs għall-parteċipazzjoni, l-involviment u l-awtonomizzazzjoni fil-proċessi rilevanti tat-teħid ta' deċiżjonijiet.

Iż-żgħażagħ huma fost dawk li ntlaqtu l-agħar mir-restrizzjonijiet tal-COVID-19. Is-sehem tagħhom fit-tfassil tal-politika huwa essenzjali peress li d-deċiżjonijiet tal-lum ser ikollhom impatt fuq il-futur tagħhom. Huwa għalhekk li għandna nappoġġaw l-istrutturi attivi u sostenibbli għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-iżvilupp tal-politiki. Tiago Brandão Rodrigues, Ministru għall-Edukazzjoni tal-Portugall

Approċċ ibbażat fuq id-drittijiet għall-politiki dwar iż-żgħażagħ: L-ispinta għal impenn fil-futur?

Fit-tranżizzjoni tagħhom għall-ħajja adulta, iż-żgħażagħ jiffaċċaw sfidi speċifiċi li jpoġġuhom f'pożizzjoni ta' vulnerabbiltà. Dan jirriżulta fi ħtieġa li jittejjeb l-aċċess taż-żgħażagħ għad-drittijiet u għandu jiġi rifless f'politika taż-żgħażagħ ibbażata fuq id-drittijiet tal-bniedem. Il-ministri kellhom dibattitu pubbliku dwar kif l-awtoritajiet, fil-livelli kollha, jistgħu jinvolvu, jikkollegaw u jagħtu awtonomija liż-żgħażagħ.

Affarijiet oħra

  • Il-presidenza rrapportat dwar l-impatt attwali tal-COVID-19 fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ u fuq iż-żgħażagħ.
  • Il-presidenza Slovena li jmiss ippreżentat il-programm ta' ħidma tagħha.

Kultura, Settur Awdjoviżiv u Sport, 18 ta' Mejju

L-irkupru, ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà tas-setturi kulturali u kreattivi

Il-kultura għandha rwol kruċjali għall-identità Ewropea u għandha impatt soċjali u ekonomiku importanti. Il-Kunsill approva konklużjonijiet li jiddikjaraw mill-ġdid li s-setturi kulturali u kreattivi huma fost l-aktar milquta mill-pandemija tal-COVID-19 u li hemm il-ħtieġa li jittieħdu azzjonijiet ta' politika deċiżivi biex jappoġġawhom, kemm bħala rispons immedjat kif ukoll bħala approċċ aktar ambizzjuż u orjentat lejn il-futur, peress li l-kriżi attwali kixfet xi sfidi strutturali u vulnerabbiltajiet diġà eżistenti tas-setturi kulturali u kreattivi. Sabiex jiġu promossi l-irkupru, ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà tas-setturi kulturali u kreattivi, il-konklużjonijiet jidentifikaw sitt prijoritajiet, jiġifieri: it-titjib tal-aċċess għall-finanzjament disponibbli; it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-professjonisti fis-setturi kulturali u kreattivi; it-tisħiħ ulterjuri tal-mobilità u l-kooperazzjoni; it-tħaffif tat-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi; it-titjib tal-għarfien u t-tħejjija għall-isfidi futuri; u l-kunsiderazzjoni tax-xeni kulturali u l-komunitajiet lokali. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill għandhom ukoll l-għan li jippromwovu l-ġustizzja u l-ugwaljanza għal kulħadd, filwaqt li jagħtu attenzjoni speċjali lis-sitwazzjoni tal-artisti u l-professjonisti kulturali nisa. Il-Kunsill jistieden lill-istati membri u lill-Kummissjoni jiskambjaw fehmiet dwar l-aħjar prattiki u jevalwaw dawn il-konklużjonijiet sal-2023.

Graça Fonseca, Ministru għall-Kultura tal-Portugall
Is-swali taċ-ċinema, it-teatri u l-festivals tal-mużika kienu fost l-ewwel li ngħalqu meta bdiet il-pandemija u huma fost l-aħħar li reġgħu nfetħu hekk kif qed nirkupraw mill-agħar kriżijiet f'għexieren ta' snin. Jeħtieġ li niżguraw li s-setturi kreattivi u kulturali joħorġu mill-pandemija, lesti għall-futur.
Graça Fonseca, Ministru għall-Kultura tal-Portugall
Graça Fonseca, Ministru għall-Kultura tal-Portugall

Il-Midja tal-Ewropa fid-Deċennju Diġitali

Il-Kunsill approva konklużjonijiet biex jappoġġa l-irkupru u t-trasformazzjoni tas-setturi Ewropej tal-midjaa tal-aħbarijiet u awdjoviżivi. Peress li ż-żewġ setturi ġarrbu telf kbir minħabba l-pandemija tal-COVID-19, l-istati membri huma mistiedna jieħdu vantaġġ mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li hija l-istrument finanzjarju tal-UE ta' wara l-kriżi, u jinvestu fl-aċċellerazzjoni tat-trasformazzjoni diġitali u t-tranżizzjoni ekoloġika ta' dawn is-setturi.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill huma reazzjoni għall-pjan ta' azzjoni ppreżentat mill-Kummissjoni f'Diċembru li għadda. Wasal iż-żmien għal proċess ta' riflessjoni dwar għadd ta' suġġetti fundamentali li issa nistgħu nħarsu lejhom minn perspettiva ġdida. Nafu li dan il-vjaġġ ser ikollna nikkunsidraw mill-ġdid il-mudelli kummerċjali tradizzjonali, nagħtu spinta lill-kompetittività tagħna lokalment u internazzjonalment u nirkbu b'ħila l-mewġa ekoloġika u diġitali. Iżda ser ifisser ukoll li nagħmlu l-aħjar użu mill-assi Ewropej tagħna: ir-rikkezza kulturali, id-diversità u l-kreattività. Graça Fonseca, Ministru għall-Kultura tal-Portugall

Diversifikazzjoni tas-sorsi u l-mekkaniżmi ta' finanzjament għas-salvagwardja u l-protezzjoni tal-wirt kulturali Ewropew

Il-wirt kulturali tal-Ewropa huwa ben pubbliku b'valur soċjali u ekonomiku importanti. Madankollu, il-protezzjoni tiegħu hija mhedda minħabba pressjoni baġitarja, u dan ġie aggravat mill-kriżi tal-COVID-19. Il-ministri ddiskutew kif l-aħjar jiġi appoġġat finanzjarjament il-wirt kulturali Ewropew, fejn jinstabu sorsi ġodda ta' finanzjament u liema jkunu l-aħjar passi fit-tul.

Innovazzjoni fl-isport

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar l-innovazzjoni fl-isport. Il-Kunsill jistieden lill-istati membri biex jippromwovu u jappoġġaw inizjattivi u proġetti ta' riċerka u żvilupp fil-qasam tal-innovazzjoni fl-isport, joħolqu u jxerrdu l-għarfien, u jipprovdu għodod għal żvilupp aħjar tal-politika u valutazzjoni komparattiva tal-innovazzjoni fl-isport.

Madwar żewġ terzi tat-tkabbir ekonomiku tal-Ewropa f'dawn l-aħħar deċennji kien xprunat mill-innovazzjoni. L-innovazzjoni fl-isport tista' tgħin biex tiżdied il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-isport u l-attività fiżika iżda hija wkoll għodda biex tipproteġi l-integrità tal-isport u tindirizza sfidi bħal-logħob mixtri u d-doping. Tiago Brandão Rodrigues, Ministru għall-Edukazzjoni tal-Portugall

Id-diplomazija bl-isport

Id-diplomazija bl-isport hija kunċett relattivament ġdid fil-livell tal-UE. Fl-istess ħin, l-isport minn dejjem intuża biex iwassal messaġġi politiċi u huwa parti mis-sett ta' għodod diplomatiċi tal-kontropartijiet globali tal-UE. Il-ministri tal-UE ddiskutew jekk id-diplomazija kulturali u edukattiva tal-UE toffrix pjan ta' azzjoni għall-iżvilupp ta' strateġija tal-UE għad-diplomazija bl-isport u x'għandhom ikunu l-passi li jmiss f'dan ir-rigward.

Affarijiet oħra

  • Il-presidenza rrapportat dwar l-impatt attwali tal-COVID-19 fuq l-isport
  • Il-presidenza Slovena li jmiss ippreżentat il-programmi ta' ħidma tagħha għall-kultura/affarijiet awdjoviżivi u l-isport
  • Il-presidenza rrapportat dwar il-konferenzi tal-presidenza dwar il-kultura u l-mia
  • Ir-rappreżentant tal-istati membri tal-UE tat-triju ta' presidenzi fil-kariga fil-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA informa lill-ministri dwar il-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-WADA u tal-Bord ta' Fondazzjoni
  • Id-delegazzjoni Spanjola indirizzat l-impatt tal-pjattaformi video-on-demand (VOD) fuq is-suq awdjoviżiv tal-UE, b'mod partikolari fuq ir-relazzjoni bejn l-atturi differenti fil-katina tal-valur
  • Id-delegazzjoni Ġermaniża pprovdiet informazzjoni dwar il-perspettiva tal-politika kulturali fin-negozjati li jemendaw id-Direttiva tal-VAT, speċjalment meta tiġi kkunsidrata t-tassazzjoni tal-kummerċ tal-arti
  • Id-delegazzjoni Slovena rrapportat dwar il-ħatra tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura għall-2025
  • Il-Kummissjoni pprovdiet informazzjoni dwar l-inizjattiva ''Stil ta' Ħajja Tajjeb għas-Saħħa għal Kulħadd'' li hija ppjanata li titnieda f'Settembru 2021

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2025