Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ġenerali

Vidjokonferenza tal-ministri għall-affarijiet Ewropej, 26 ta' Mejju 2020

Riżultati ewlenin

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar approċċ komprensiv għall-pandemija tal-COVID-19, inkluż it-tnaqqis gradwali tal-miżuri ta' konteniment u l-irkupru ekonomiku.

Huma ġew mistiedna jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jikkummentaw dwar kif gradwalment jitneħħew ir-restrizzjonijiet marbuta mal-COVID-19 u jerġgħu jibdew l-attivitajiet ekonomiċi u soċjali, filwaqt li jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet tas-saħħa.

Il-ministri ddeskrivew il-miżuri u l-iskedi ta' żmien nazzjonali tagħhom, filwaqt li enfasizzaw l-importanza ta' kooperazzjoni kontinwa bejn l-istati membri, kif ukoll l-iżgurar ta' approċċ proporzjonat u mhux diskriminatorju meta jitneħħew ir-restrizzjonijiet u jinfetħu l-fruntieri.

Andreja Metelko-Zgombić, Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej tal-Kroazja
L-Unjoni Ewropea għandha tkompli b'approċċ komprensiv u kkoordinat għat-tnaqqis gradwali tal-miżuri ta' konteniment. Jenħtieġ li b'għaqal insibu bilanċ bejn it-tkomplija tal-attivitajiet ekonomiċi u soċjali u l-protezzjoni tas-saħħa taċ-ċittadini tagħna. Flimkien għandna noħolqu l-kundizzjonijiet għall-ħruġ rapidu mill-kriżi u l-irkupru ekonomiku tal-istati membri kollha.
Andreja Metelko-Zgombić, Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej tal-Kroazja
Andreja Metelko-Zgombić, Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej tal-Kroazja

Il-ministri taw ukoll il-fehmiet tagħhom dwar irkupru ekonomiku u soċjali komprensiv tal-UE. Huma ddefinew l-aspettattivi tagħhom fir-rigward ta' aġġustamenti għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss sabiex iqis ir-realtajiet l-ġodda u fir-rigward tal-fond għall-irkupru ppjanat.

Fid-diskussjoni ssemmew għadd ta' oqsma ta' azzjoni ewlenin, bħat-tisħiħ tas-suq uniku filwaqt li jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, l-appoġġ għall-koeżjoni u l-konverġenza, it-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali, u t-tisħiħ tal-awtonomija strateġika tal-UE.

Diversi kelliema indikaw li l-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa tkun rilevanti biex jiġu diskussi maċ-ċittadini tal-UE u mal-partijiet ikkonċernati l-oħra l-isfidi li qed tiffaċċa l-UE fuq perjodu medju u twil, inkluż it-tagħlimiet meħuda mill-kriżi tal-COVID-19. Il-presidenza enfasizzat li l-għan tagħha huwa li jintlaħaq qbil dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill rigward il-konferenza mill-aktar fis possibbli u li fuq din il-bażi jkun hemm kollaborazzjoni mal-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew.

Taħt "affarijiet oħra", il-Kummissjoni infurmat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali fit-tħejjija tal-ewwel rapport annwali dwar l-istat tad-dritt fl-UE, ippjanat għal Settembru. Hija ssottolinjat li r-rapport jibqa' prijorità għall-Kummissjoni u li t-tħejjijiet jinsabu għaddejjin ġmielhom minkejja ċ-ċirkostanzi diffiċli. L-għan huwa li jiġu żgurati l-oġġettività u t-trattament ugwali tal-istati membri kollha.

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ġenerali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025