"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-proposta modifikata tal-Kummissjoni għall-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss u l-pjan ta' rkupru sabiex iħejju għall-vidjokonferenza tal-membri tal-Kunsill Ewropew u d-dibattitu ta' orjentazzjoni tagħhom fid-19 ta' Ġunju.
Id-diskussjoni kopriet firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet, inkluż l-arkitettura bażika tal-pjan ta' rkupru, il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet u l-kriterji ta' allokazzjoni, il-qafas ta' governanza, il-proposti l-ġodda tal-Kummissjoni dwar il-QFP li jmiss u ż-żieda proposta tal-QFP attwali bħala soluzzjoni ta' transizzjoni.
Il-ministri ddeskrivew il-pożizzjonijiet tagħhom, filwaqt li enfasizzaw il-prijoritajiet ewlenin tagħhom għan-negozjati u l-approċċ ġenerali. Kienu lkoll lesti li jindirizzaw il-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19 bl-użu tal-baġit tal-UE, filwaqt li ġew espressi fehmiet differenti dwar il-proposti dettaljati tal-Kummissjoni, inkluż id-daqs u l-iskeda ta' żmien tal-istrument ta' rkupru, il-kriterji ta' allokazzjoni, u l-kwistjoni tas-self u l-għotjiet.
Diversi kelliema indikaw li raw il-QFP u l-pjan ta' rkupru bħala pakkett. Bosta ministri enfasizzaw l-importanza li jintlaħaq qbil malajr kemm jista' jkun.
Il-ministri ddiskutew ukoll ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit. Huma ġew infurmati minn Michel Barnier dwar l-istat tan-negozjati u dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim dwar il-ħruġ.
Il-ministri ħadu nota tal-informazzjoni u affermaw mill-ġdid l-appoġġ unanimu u l-fiduċja tagħhom fil-Kap Negozjatur tal-UE. Huma enfasizzaw l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehim dwar il-ħruġ miż-żewġ naħat.
Fis-16 ta' Ġunju 2020, il-mexxejja tal-UE u tar-Renju Unit iltaqgħu permezz ta' vidjokonferenza biex jiddiskutu r-relazzjonijiet reċiproċi. Huma qablu li jintensifikaw in-negozjati dwar is-sħubija futura, bil-ħsieb li jiġi konkluż u ratifikat ftehim sal-aħħar tal-2020. F'Lulju, f'Awwissu u f'Settembru ser isiru sessjonijiet ta' negozjati.
It-triju ta' presidenzi tal-Kunsill li jmiss (il-Ġermanja, il-Portugall u s-Slovenja) ippreżenta lill-ministri l-programm ta' 18-il xahar tal-Kunsill, mill-1 ta' Lulju 2020 sal-31 ta' Diċembru 2021.
Il-kontenut tal-programm huwa influwenzat mill-impenn li tiġi indirizzata l-kriżi tal-COVID-19 u l-irkupru. Huwa mibni madwar il-prijoritajiet ewlenin deskritti fl-aġenda strateġika għall-2019-2024 maqbula mill-mexxejja tal-UE s-sena l-oħra:
il-ħarsien taċ-ċittadini u tal-libertajiet
l-iżvilupp ta' bażi ekonomika b'saħħitha u vibranti
il-bini ta' Ewropa b'impatt newtrali fuq il-klima, ekoloġika, ġusta u soċjali
il-promozzjoni tal-interessi u l-valuri Ewropej fix-xena globali
Il-programm jenfasizza wkoll l-importanza li jintlaħaq ftehim dwar il-QFP li jmiss u l-programmi settorjali relatati malajr kemm jista' jkun, u li jsir sforz għal sħubija komprensiva mar-Renju Unit sa tmiem l-2020.
Il-programm ta' 18-il xahar huwa mistenni li jiġi approvat mill-Kunsill wara l-vidjokonferenza permezz ta' proċedura bil-miktub.
Fi tmiem il-vidjokonferenza, il-presidenza Kroata ħarġet stqarrija għall-istampa.
Kien unur u privileġġ li nippresjedi l-Kunsill Affarijiet Ġenerali matul iż-żmien ta' kriżi bla preċedent għall-UE. Irridu nimxu 'l quddiem flimkien bħala tim u nsawru rispons b'saħħtu biex niksbu rkupru ekonomiku u soċjali rapidu. Madankollu ma għandi l-ebda dubju li aħna, kif l-islogan tal-Presidenza tagħna jgħid, "Ewropa b'saħħitha f'dinja ta' sfidi", u li aħna ser negħlbu din l-isfida, nirkupraw u niżviluppaw aktar għall-benefiċċju tal-UE, tal-istati membri tagħha u taċ-ċittadini tagħhom.
Andreja Metelko-Zgombić, Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej tal-Kroazja
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.