Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ġenerali

Vidjokonferenza tal-ministri għall-affarijiet Ewropej, 15 ta' Lulju 2020

Riżultati ewlenin

Tħejjijiet għall-Kunsill Ewropew

Il-ministri ħejjew għal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew tas-17 u t-18 ta' Lulju. Il-mexxejja tal-UE ser jippruvaw jilħqu ftehim dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) tal-UE għall-2021-2027 u l-pjan ta' rkupru b'rispons għall-kriżi tal-COVID-19.

Qabel il-laqgħa, il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel ippreżenta l-proposta tiegħu għall-QFP u l-pakkett għall-irkupru. Wara diskussjonijiet bilaterali mal-mexxejja tal-UE, huwa identifika sitt ''elementi kostitwenti'' għal ftehim possibbli, dwar id-daqs tal-QFP u l-pjan ta' rkupru, ir-ribassi, il-bilanċ bejn self u għotjiet, l-allokazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u l-governanza u l-kondizzjonalità. Il-President Michel ippropona €1 074 biljun biex jintlaħqu l-objettivi fit-tul tal-UE, u biex tiġi ppreservata l-kapaċità sħiħa tal-pjan ta' rkupru propost mill-Kummissjoni (€750 biljun).

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-bilanċ ġenerali u l-fattibbiltà politika tal-proposta, b'enfasi fuq il-prijoritajiet ewlenin tagħhom qabel il-laqgħa li jmiss tal-Kunsill Ewropew.

Iż-żmien qed jagħfas. Il-pandemija laqtet lill-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna b'mod qawwi u hemm bżonn ta' azzjoni deċiżiva. Id-dibattitu tal-lum għenna nieħdu rendikont tal-pożizzjoni tal-istati membri qabel is-summit kruċjali aktar tard din il-ġimgħa. Minkejja li fadal kwistjonijiet diffiċli ħafna x'insolvu, nittama li dan ikkontribwixxa għat-tħejjija ta' ftehim, li jippermetti lill-UE toħroġ aktar b'saħħitha mill-kriżi, li jindirizza l-konsegwenzi immedjati tagħha, kif ukoll il-prijoritajiet fit-tul tagħna, bħall-istat tad-dritt, il-konverġenza soċjali u ekonomika, il-protezzjoni tal-klima u t-trasformazzjoni diġitali. Michael Roth, il-Ministru tal-Istat għall-Ewropa tal-Ġermanja
Illustrazzjoni: proposta għal pjan ta' rkupru għall-Ewropa.
Proposta għal pjan ta' rkupru tal-UE - aspetti prinċipali (Infografika)

Proposta għal pjan ta' rkupru tal-UE - aspetti prinċipali (Infografika)

Il-prijoritajiet tal-presidenza Ġermaniża

Il-presidenza Ġermaniża ppreżentat ukoll il-prijoritajiet tagħha għas-sitt xhur li jmiss. Il-prinċipji ta' gwida tal-presidenza ser ikunu:

  • li l-pandemija tal-COVID-19 tingħeleb b'mod permanenti, u l-irkupru ekonomiku;
  • Ewropa aktar b'saħħitha u aktar innovattiva;
  • Ewropa ġusta;
  • Ewropa sostenibbli;
  • Ewropa ta' sigurtà u valuri komuni;
  • Ewropa b'saħħitha fid-dinja.

Fil-qasam tal-affarijiet ġenerali, il-presidenza ser tiffoka l-isforzi tagħha fuq konklużjoni rapida tan-negozjati dwar il-QFP li jmiss u l-pjan ta' rkupru, kif ukoll il-programmi u l-istrumenti settorjali relatati. Ser taqdi rwol attiv biex tiżgura li n-negozjati bejn l-UE u r-Renju Unit jirnexxu u ser tkun involuta f'diskussjonijiet mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE dwar il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa sabiex tkun tista' tnediha hekk kif is-sitwazzjoni fir-rigward tal-pandemija tal-COVID-19 tippermetti li dan isir.

Il-Ġermanja ser taħdem b'mod intensiv ukoll biex tippromwovi approċċ komuni, kooperattiv u kostruttiv biex tindirizza l-kwistjoni tal-istat tad-dritt, tindirizza l-kwistjoni tad-diżinformazzjoni u tabbozza l-oqfsa ta' negozjati għar-Repubblika tal-Albanija u għar-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq bħala tħejjija għall-bidu tan-negozjati tal-adeżjoni ma' dawn il-pajjiżi.

Dokumenti tal-laqgħat

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ġenerali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025