- Summit Internazzjonali
Summit UE-Ċina, Beijing, 16/07/2018, 16 ta' Lulju 2018
Riżultati ewlenin
L-UE u ċ-Ċina qablu li jiżviluppaw aktar is-sħubija strateġika UE-Ċina fl-20 summit UE-Ċina.
Il-mexxejja esprimew l-appoġġ konġunt tagħhom għal kummerċ ibbażat fuq ir-regoli u rriaffermaw l-impenn konġunt tagħhom favur ir-riforma tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ:
"Huwa d-dmir komuni tal-Ewropa u ċ-Ċina, l-Amerka u r-Russja, li ma jkissrux dan l-ordni, iżda li jtejbuh. Mhux li nibdew gwerer kummerċjali, li spiss fl-istorja nbidlu f'konflitti jaħarqu, iżda li bi qlubija u responsabbiltà nirriformaw l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli." Kummenti mill-President Donald Tusk wara s-summit UE-Ċina, 16 ta’ Lulju 2018
Iddiskutew ukoll il-kooperazzjoni fil-politika barranija u s-sigurtà u l-qagħda fil-viċinati rispettivi tagħhom.
Il-President Donald Tusk u l-President Jean-Claude Juncker irrappreżentaw lill-UE fis-summit. Il-Prim Ministru Ċiniż Li Keqiang ospita s-summit. Il-mexxejja tal-UE kellhom taħditiet ukoll mal-President Xi Jinping.
Il-mexxejja tal-UE u dawk Ċiniżi adottaw dikjarazzjoni konġunta inkluż dikjarazzjoni dwar it-tibdil fil-klima u l-enerġija nadifa (annessa mad-dikjarazzjoni):
- Dikjarazzjoni konġunta tal-20 Summit UE-Ċina, inkluż l-anness dwar it-tibdil fil-klima u l-enerġija nadifa
- Kummenti mill-President Donald Tusk wara s-summit UE-Ċina, 16 ta’ Lulju 2018
Kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina
L-UE u ċ-Ċina impenjaw ruħhom li jsaħħu s-sħubija strateġika UE-Ċina, li ċċelebrat il-15-il anniversarju tagħha:
"Din tejbet bil-kbir il-livell tar-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina, bil-kisba ta' riżultati produttivi fil-politika, l-ekonomija, il-kummerċ, il-kultura, skambji bejn iċ-ċittadini u oqsma oħra. Il-mexxejja rriaffermaw l-impenn tagħhom għat-tisħiħ tas-sħubija għall-paċi, it-tkabbir, ir-riforma u ċ-ċiviltà." Dikjarazzjoni konġunta tal-20 Summit bejn l-UE u ċ-Ċina
Is-summit kien opportunità għal diskussjoni dwar il-kooperazzjoni fid-drittijiet tal-bniedem. L-UE u ċ-Ċina laqgħu b'sodisfazzjon iż-żamma fiċ-Ċina tad-djalogu tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem f'Lulju.
Il-mexxejja rriaffermaw l-importanza tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Iż-żewġ naħat huma impenjati favur il-progress fil-kooperazzjoni għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u jappoġġaw bis-sħiħ il-COP24, li ser issir fil-Polonja f'Diċembru 2018.
Iż-żewġ naħat qablu wkoll li jtejbu l-governanza tal-migrazzjoni u li jipprovdu risposti komprensivi għall-ispostamenti.
Kummerċ
Il-mexxejja tal-UE u dawk Ċiniżi esprimew l-impenn qawwi tagħhom favur is-sistema tal-kummerċ ibbażata fuq ir-regoli bl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) fil-qalba tagħha.
Iż-żewġ naħat qablu li jikkooperaw dwar ir-riforma tad-WTO u li jgħinuha tegħleb l-isfidi l-ġodda:
"L-UE hija impenjata li taħdem għall-modernizzazzjoni tad-WTO u tappella lill-imsieħba kollha biex jagħtu kontribut pożittiv għal dan il-għan. Aħna nipproponu approċċ komprensiv biex intejbu, flimkien ma' msieħba li jaħsbuha bħalna, il-funzjonament tad-WTO f'oqsma kruċjali. (...) l-għan ta' din ir-riforma għandu jkun li nsaħħu d-WTO bħala istituzzjoni u li niżguraw kundizzjonijiet ekwivalenti għal kulħadd." Kummenti mill-President Donald Tusk wara s-summit UE-Ċina, 16 ta’ Lulju 2018
Dwar il-kwistjoni tal-kapaċità żejda fl-azzar, il-mexxejja qablu li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fil-fora internazzjonali u li jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-Forum Globali dwar il-Kapaċità Eċċessiva tal-Azzar.
Barra minn hekk, qablu li jrawmu sinerġiji bejn il-"Belt and Road Initiative" taċ-Ċina u l-inizjattiva tal-UE li għandha l-għan li ttejjeb il-konnettività bejn l-Ewropa u l-Asja.
Politika barranija u ta’ sigurtà
Iż-żewġ naħat irriaffermaw l-impenn tagħhom favur il-multilateraliżmu u l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, bin-NU fil-qalba tiegħu.
L-UE u ċ-Ċina qablu li jsaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni tagħhom fil-politika barranija u ta’ sigurtà.
Il-mexxejja qalu li jappoġġaw id-diversi sforzi biex tinstab soluzzjoni paċifika għall-kwistjoni nukleari tal-Korea ta' Fuq b'mezzi diplomatiċi. Huma esprimew l-appoġġ tagħhom għad-denuklearizzazzjoni totali tal-peniżola Koreana.
Irriaffermaw ukoll l-impenn tagħhom favur il-ftehim dwar in-nukleari mal-Iran (PAKK).
Barra minn hekk, l-UE u ċ-Ċina esprimew l-appoġġ konġunt tagħhom favur:
- soluzzjoni b'żewġ stati fil-Lvant Nofsani
- soluzzjoni politika għall-konflitt fis-Sirja
- l-istabbilizzazzjoni tal-Libja
- il-proċess ta' paċi fl-Afganistan
Stqarrijiet għall-istampa
Tagħrif għall-istampa
Kuntatti għall-istampa
-
Symeon Piperidis Press officer
- +32 478 83 12 21
- +32 2 281 84 72
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.
Kompli segwina
- Irreġistra għall-allerti bl-email tagħna biex tirċievi aġġornamenti dwar din il-laqgħa u laqgħat simili.
- Segwi @EUCouncilPressgħall-aħħar aġġornamenti għall-istampa.
Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali
Ara laqgħat oħrajnL-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025