- Summit Internazzjonali
Summit bejn l-UE u l-Ukrajna, 09/07/2018, 9 ta' Lulju 2018
Riżultati ewlenin
L-UE u l-Ukrajna reġgħu affermaw is-sħubija b'saħħitha tagħhom imsejsa fuq il-ftehim ta' assoċjazzjoni tagħhom u ddiskutew kif jagħmlu progress fiha.
Il-mexxejja tal-UE u l-Ukrajna wiegħdu li jsaħħu l-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika tal-Ukrajna mal-UE.
"Is-sħubija tagħna hija mibnija fuq pedamenti sodi. Il-ftehim ta' assoċjazzjoni u ż-żona ta' kummerċ ħieles approfondita u komprensiva daħlu fis-seħħ b'mod sħiħ sena ilu. Ir-riżultat hu ċar u pożittiv. U l-ekonomija tal-Ukrajna qed tirkupra bi tkabbir pożittiv imġedded." Il-President Tusk waqt il-konferenza stampa wara s-summit UE-Ukrajna, 9 ta' Lulju 2018
L-UE ttenni l-appoġġ determinat tagħha għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna. L-UE esprimiet ukoll l-appoġġ tagħha għall-aġenda ambizzjuża ta’ riforma tal-Ukrajna.
Il-President Donald Tusk u l-President Jean-Claude Juncker irrappreżentaw lill-UE fis-summit. Il-President Petro Poroshenko rrappreżenta lill-Ukrajna. Huma adottaw dikjarazzjoni konġunta:
Implimentazzjoni tal-ftehim ta' assoċjazzjoni
Il-mexxejja tal-UE u tal-Ukrajna ddiskutew il-passi li jmiss fl-implimentazzjoni tal-ftehim ta' assoċjazzjoni u ż-żona ta' kummerċ ħieles tiegħu applikati mill-2016.
Huma laqgħu l-impatt pożittiv tal-ftehim fuq il-kummerċ bejn l-UE u l-Ukrajna kif ukoll fuq l-ekonomija tal-pajjiż:
- il-kummerċ fl-oġġetti bejn l-UE u l-Ukrajna kiber b'24% fl-2017
- l-ekonomija tal-Ukrajna żdiedet bi 2.5% fl-2017 u mistenni tkabbir ta' 3.5% fl-2018
Il-mexxejja laqgħu wkoll l-introduzzjoni ta' vvjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini Ukreni:
"Sitt xhur wara li daħlet fis-seħħ il-liberalizzazzjoni tal-viża, aktar minn nofs miljun persuna Ukrena użaw din l-opportunità l-ġdida." Il-President Tusk waqt il-konferenza stampa wara s-summit UE-Ukrajna, 9 ta' Lulju 2018
Proċess ta' riforma tal-Ukrajna
Il-mexxejja tal-UE u l-Ukrajna wiżnu l-proċess ta' riforma fuq firxa wiesgħa li qed twettaq l-Ukrajna. Huma laqgħu t-tnedija ta' riformi importanti ġodda mill-aħħar summit:
"F'din l-aħħar sena l-gvern beda jwettaq għadd ta' riformi, bħal dawk tal-pensjonijiet u l-kura tas-saħħa, li ser ikunu diffiċli fuq perjodu qasir iżda ser jagħmlu lill-Ukrajna aktar b'saħħitha fuq perjodu twil." Il-President Tusk waqt il-konferenza stampa wara s-summit UE-Ukrajna, 9 ta' Lulju 2018
Il-mexxejja qalu li hu importanti li jitkomplew u jitħaffu l-isforzi ta' riforma, b'mod partikolari biex:
- tiġi miġġielda aħjar il-korruzzjoni
- tittejjeb il-klima tan-negozju u jitħarsu d-drittijiet tal-operaturi ekonomiċi
- jiġi mmodernizzat is-settur tal-enerġija
L-UE tenniet l-appoġġ tagħha għall-aġenda ta' riforma tal-Ukrajna u qablet li żżid l-isforzi f'diversi oqsma bħal:
- l-iżvilupp tal-ħiliet
- l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija
- iċ-ċibersigurtà
- id-diżinformazzjoni
F'Mejju 2018, il-Kunsill qabel dwar pakkett ġdid ta' assistenza makrofinanzjarja ta' €1 biljun għall-Ukrajna. L-iżborżi ser ikunu soġġetti għal għadd ta' kondizzjonijiet ta' politika, li ser ikollu jintlaħaq qbil dwarhom bejn l-UE u l-awtoritajiet Ukreni.
Fil-marġini tas-summit, l-Ukrajna u l-Bank Ewropew tal-Investiment iffirmaw ftehim ta' self ta' €75 miljun biex jiġu ffinanzjati proġetti ta' sikurezza tat-toroq fil-pajjiż.
Annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol
L-UE reġgħet affermat l-appoġġ tagħha għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna.
L-UE tenniet il-kundanna qawwija tagħha tal-annessjoni illegali mir-Russja tal-Krimea u Sevastopol:
"In-nonrikonoxximent tagħna tal-annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol għadu sod u l-lista ta' projbizzjonijiet tal-viża kibret wara li saru l-elezzjonijiet Presidenzjali tar-Russja fuq il-peniżola u nbena l-pont Kerch mingħajr il-kunsens tal-Ukrajna." Il-President Tusk waqt il-konferenza stampa wara s-summit UE-Ukrajna, 9 ta' Lulju 2018
Il-mexxejja ser jenfasizzaw il-ħtieġa għal implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet ta' Minsk min-naħat kollha, filwaqt li jenfasizzaw ir-responsabbiltà tar-Russja għall-gwerra fil-lvant tal-Ukrajna. Mill-2014, in-Nazzjonijiet Uniti ddokumentaw aktar minn 10,250 persuna maqtula u 24,600 midruba sa issa f'dan il-konflitt.
Minħabba n-nuqqas ta' progress, il-mexxejja tal-UE qablu f'Ġunju 2018 li jestendu s-sanzjonijiet ekonomiċi li jolqtu setturi speċifiċi tal-ekonomija Russa.
Il-President Tusk irrepeta l-appell tiegħu biex jinħeles id-direttur tal-films u kittieb Ukren li ntbagħat il-ħabs illegalment Oleh Sentsov u dawk kollha li huma detenuti illegalment fil-Krimea u fir-Russja.
Dokumenti tal-laqgħat
Dokumenti ta' tħejjija
Dokumenti ta' eżitu
Stqarrijiet għall-istampa
Tagħrif għall-istampa
Kuntatti għall-istampa
-
Symeon Piperidis Press officer
- +32 478 83 12 21
- +32 2 281 84 72
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.
Kompli segwina
- Irreġistra għall-allerti bl-email tagħna biex tirċievi aġġornamenti dwar din il-laqgħa u laqgħat simili.
- Segwi @EUCouncilPressgħall-aħħar aġġornamenti għall-istampa.
Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali
Ara laqgħat oħrajnL-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025