- Kunsill Ewropew
- Stqarrija għall-istampa
- 19 ta' Marzu 2015 21:15
Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-Unjoni tal-Enerġija (19 ta' Marzu 2015)
UNJONI TAL-ENERĠIJA
- L-UE hija impenjata li tibni Unjoni tal-Enerġija b'politika dwar il-klima li tħares 'il quddiem fuq il-bażi tal-qafas strateġiku tal-Kummissjoni li l-ħames dimensjonijiet tiegħu huma marbuta mill-qrib u reċiprokament rinforzanti (sigurtà tal-enerġija, solidarjetà u fiduċja; suq Ewropew tal-enerġija kompletament integrat; effiċjenza fl-enerġija li tikkontribwixxi għal moderazzjoni tad-domanda; dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija; u riċerka, innovazzjoni u kompetittività). L-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri ser imexxu l-ħidma 'l quddiem u l-Kunsill ser jirrapporta lill-Kunsill Ewropew qabel Diċembru. Il-Kunsill Ewropew ser ikompli jagħti gwida.
- Waqt li jenfasizza l-importanza tad-dimensjonijiet kollha tal-Unjoni tal-Enerġija, illum, il-Kunsill Ewropew iffoka fuq xi wħud mill-aspetti u appella biex:
a) jitħaffu l-proġetti infrastrutturali, inklużi l-interkonnessjonijiet b'mod partikolari għar-reġjuni periferiċi, għall-elettriku u l-gass [1] sabiex jiġu żgurati s-sigurtà tal-enerġija u suq intern tal-enerġija li jaħdem sew;
b) tiġi implimentata b'mod sħiħ u rinfurzata b'mod rigoruż il-leġislazzjoni eżistenti tal-enerġija;
c) jiġi rinfurzat il-qafas leġislattiv għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku u l-gass; is-sigurtà tal-enerġija tista' tissaħħaħ ukoll permezz ta' grilji robusti, żieda fl-effiċjenza fl-enerġija u billi jsir rikors għal riżorsi indiġeni kif ukoll għal teknoloġiji sikuri u sostenibbli b'livell baxx ta' karbonju;
d) tiġi żgurata konformità sħiħa mal-liġi tal-UE tal-ftehimiet kollha relatati max-xiri ta' gass minn fornituri esterni, b'mod partikolari bit-tisħiħ tat-trasparenza ta' dawn il-ftehimiet u l-kompatibbiltà mad-dispożizzjonijiet tal-UE dwar is-sigurtà tal-enerġija. Fir-rigward ta' kuntratti kummerċjali ta' provvista tal-gass, teħtieġ li tkun garantita l-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva;
e) jiġu vvalutati l-opzjonijiet għal mekkaniżmi volontarji ta' aggregazzjoni tad-domanda f'konformità sħiħa mar-regoli tad-WTO u r-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni;
f) tiġi żviluppata struttura tas-suq aktar effettiva u flessibbli li għandha timxi id f'id ma' kooperazzjoni reġjonali mtejba, inkluż ma' pajjiżi ġirien, u tgħin biex tiġi integrata l-enerġija rinnovabbli, filwaqt li jiġi żgurat li l-intervent pubbliku jkun kompatibbli mas-suq intern u li d-dritt tal-Istati Membri li jiddeċiedu dwar it-taħlita tal-enerġija proprja tagħhom jiġi rispettat. Dan ser jgħin biex tingħata enerġija bi prezz aċċessibbli lill-familji u lill-industrija;
g) tiġi rieżaminata u żviluppata leġislazzjoni dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet, l-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija rinnovabbli biex tirfed il-miri maqbula għall-2030; tiġi żviluppata sistema ta' governanza affidabbli u trasparenti;
h) tiġi żviluppata strateġija għat-teknoloġija u l-innovazzjoni f'relazzjoni mal-enerġija u l-klima, inkluż pereżempju dwar il-ġenerazzjoni li jmiss ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, dwar il-ħażna tal-elettriku u l-ġbir u ħżin tad-diossidu tal-karbonju, dwar it-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija fis-settur tad-djar kif ukoll dwar it-trasport sostenibbli;
i) jiġu użati l-istrumenti kollha ta' politika esterna biex jistabbilixxu sħubijiet strateġiċi tal-enerġija ma' pajjiżi produtturi u ta' transitu dejjem aktar importanti, b'mod partikolari bil-ħsieb li tiġi promossa is-sigurtà tal-enerġija, filwaqt li jiġi żgurat li s-sovranità u d-drittijiet sovrani tal-Istati Membri li jesploraw u jiżviluppaw ir-riżorsi naturali tagħhom jiġu mħarsa. - Il-Kunsill Ewropew jappoġġa azzjoni b'saħħitha u kkoordinata permezz ta' diplomazija attiva Ewropea dwar il-klima qabel il-COP21 f'Pariġi, f'konformità mal-objettiv ambizzjuż stabbilit mill-Kunsill Ewropew ta' Ottubru 2014 kif rifless fil-kontribut ippreżentat reċentement mill-UE u l-Istati Membri tagħha. Huwa jħeġġeġ lill-partijiet kollha li huma f'pożizzjoni li jagħmlu dan, inklużi l-ekonomiji maġġuri, biex jippreżentaw il-kontributi tagħhom sal-aħħar ta' Marzu. Jinħtieġ ukoll li tiġi intensifikata l-ħidma dwar soluzzjonijiet ta' finanzjament, trasferiment ta' teknoloġija u l-bini tal-kapaċità, li huma kwistjonijiet ewlenin fid-dawl ta' ftehim ambizzjuż f'Pariġi.
[1] Il-ftehim reċenti ta' Franza, il-Portugall, Spanja, il-Kummissjoni u l-BEI huwa pass pożittiv biex jintlaħaq l-objettiv ta' 10% ta' interkonnessjonijiet tal-elettriku sal-2020; il-ftehim tal-Istati Baltiċi biex jipproċedu lejn operat sinkroniku tal-Istati Membri fin-Netwerk Kontinentali Ewropew jikkontribwixxi wkoll għaż-żieda tas-sigurtà tal-enerġija, bħalma jikkontribwixxi wkoll il-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Konnettività tal-Gass fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk. F'dan il-kuntest, huwa inkuraġġut l-istabbiliment mill-Kummissjoni ta' Gruppi Reġjonali ta' Livell Għoli magħmul mill-atturi ewlenin rilevanti kollha biex jiżguraw monitoraġġ regolari tal-progress fl-għażla u l-finanzjament tal-Proġetti ta' Interess Komuni.
Kuntatti għall-istampa
-
Beatriz Navarro Deputy spokesperson for the European Council President
- +32 471 33 22 92
- +32 2 281 51 50
- @beanavarro
- @beanavarro.bsky.social
-
Maria Tomasik Spokesperson for the European Council President
- +32 470 88 23 83
- +32 2 281 51 50
- @maria_tomasik
- @mariatomasik.bsky.social
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024