- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 18 ta' Lulju 2016 11:45
Siti web u apps aċċessibbli għal kulħadd: Il-Kunsill jadotta l-ewwel regoli għall-UE kollha
80 miljun Ewropew b’diżabilità jeħtieġu aċċess aħjar għas-siti web u apps tal-mobile. Biex dan iseħħ, fit-18 ta’ Lulju 2016 il-Kunsill approva formalment id-direttiva dwar l-aċċessibbiltà għas-siti web tas-settur pubbliku maqbula mal-Parlament Ewropew f’Mejju.
Hekk kif il-popolazzjoni tal-UE qed tixjieħ, l-għadd ta’ persuni b’diżabilità jew limitazzjoni relatata mal-età huwa mistenni li jiżdied għal 120 miljun sal-2020. Billi tagħmel il-prodotti u s-servizzi diġitali aċċessibbli għall-utenti kollha, id-direttiva għandha r-rwol kruċjali li tiżgura li lkoll inkunu nistgħu nipparteċipaw b’mod sħiħ fis-soċjetà u fl-ekonomija diġitali. Din id-direttiva ser tissimplifika bil-kbir l-aċċessibbiltà u l-użu ta’ servizzi minn persuni żvantaġġati.
"Aħna nqisu essenzjali l-istabbiliment ta’ standards tekniċi, il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u l-verifika tal-konformità sussegwenti. Nixtieq nifraħ lill-Presidenza Netherlandiża talli għalqet din l-inizjattiva importanti b’suċċess," qal id-Deputat Prim Ministru Slovakk għall-Investimenti u s-Soċjetà tal-Informazzjoni Peter Pellegrini.
Is-siti web u l-apps tal-mobile tal-amministrazzjonijiet, l-isptarijiet pubbliċi, il-qrati u korpi pubbliċi oħrajn dalwaqt ser ikollhom jilħqu standards Ewropej ta’ aċċessibbiltà komuni. Id-direttiva tistabbilixxi kondizzjonijiet minimi, li jippermettu lill-istati membri jistabbilixxu rekwiżiti aktar b’saħħithom. Huma jistgħu japplikaw ukoll dawn ir-rekwiżiti u/jew oħrajn addizzjonali għas-siti web u l-applikazzjonijiet ta' tipi oħra ta' organizzazzjonijiet.
In-nies ser ikunu jistgħu jitolbu informazzjoni speċifika jekk il-kontenut ma jkunx aċċessibbli jew jirrapportaw kwistjonijiet ta’ konformità sempliċiment billi jikklikkjaw fuq link ta’ feedback.
Biex jiġi żgurat li r-regoli jiġu implimentati fil-prattika, l-istati membri għandhom jissorveljaw il-konformità tas-siti web u l-apps tas-settur pubbliku tagħhom. Proċedura ta’ infurzar ser tiggarantixxi li t-talbiet u l-avviżi jirċievu t-tweġiba dovuta.
Ġabra ta’ regoli armonizzata hija mistennija tagħti spinta lill-iżvilupp u l-bejgħ ta’ prodotti ta’ aċċessibbiltà aktar awtomatizzati u innovattivi. Suq iktar integrat għandu jwassal għal għażla usa’ u prezzijiet aktar baxxi madwar l-UE kollha, u jikkontribwixxi għal saħansitra aktar inklużjoni, impjiegi u tkabbir.
Meta ser issir liġi?
It-test adottat illum huwa l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari. Biex titlesta l-proċedura, il-Parlament irid japprova t-test fit-tieni qari tiegħu.
Id-direttiva ser tidħol fis-seħħ għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE. Dan huwa mistenni jseħħ fil-ħarifa.
L-istati membri mbagħad ikollhom 21 xahar biex jadottaw dispożizzjonijiet nazzjonali biex jikkonformaw mad-direttiva, jiġifieri ‘jittrasponuha’. Siti web ġodda (siti web ippubblikati wara t-traspożizzjoni) għandhom ikunu konformi sena wara, is-siti web aktar antiki sentejn u l-apps tal-mobile 33 xahar wara.
Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok ara l-istqarrija għall-istampa tagħna tat-3 ta’ Mejju 2016 (fil-link ta’ hawn taħt).
Kuntatti għall-istampa
-
Niels Timmermans Press officer
- +32 470 18 22 47
- +32 2 281 32 65
- @timmermansniels
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024