- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 17 ta' Ottubru 2016 10:40
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo
- L-Unjoni Ewropea tinsab imħassba sew bis-sitwazzjoni politika fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK). Hija tikkundanna ferm l-atti ta' vjolenza estrema li seħħew fid-19 u l-20 ta' Settembru 2016, b'mod partikolari f'Kinshasa. Dawn komplew jitfgħu lura s-sitwazzjoni ta' imblokk li tinsab fiha r-RDK minħabba li l-elettorat ma ssejjaħx fil-limiti taż-żmien kostituzzjonali bil-ħsieb tal-organizzazzjoni tal-elezzjoni presidenzjali. F'dan ir-rigward, l-UE tfakkar fil-konklużjonijiet tagħha tat-23 ta' Mejju 2016 u tirriafferma r-responsabbiltà ewlenija tal-awtoritajiet tar-RDK fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet.
- Il-kriżi politika tar-RDK tista' tissolva biss permezz tal-impenn pubbliku u espliċitu tal-atturi kollha sabiex jirrispettaw il-Kostituzzjoni attwali, b'mod partikolari fir-rigward tal-limitazzjoni tal-mandati presidenzjali kif ukoll bi djalogu politiku sostanzjali, inklużiv, imparzjali u trasparenti. F'konformità mas-sens tar-Riżoluzzjoni 2277 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet, dan għandu jwassal għall-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet presidenzjali u leġislattivi fl-iqsar limitu taż-żmien possibbli matul is-sena 2017. Jekk il-mandat presidenzjali attwali jintemm mingħajr ma jkun intlaħaq ftehim minn qabel dwar il-kalendarju elettorali, l-UE ser ikollha tqis l-impatt ta' sitwazzjoni bħal din fuq ir-relazzjonijiet tagħha mal-gvern tar-RDK.
- Id-djalogu ffaċilitat mill-Unjoni Afrikana f'Kinshasa, u appoġġat mill-UE bħala membru tal-grupp ta' sostenn, għandu jwitti t-triq għal fażi ġdida ta' proċess politiku aktar inklużiv matul il-ġimgħat li ġejjin. Minn issa sad-19 ta' Diċembru, għandu jiġi ċċarat l-andament tal-perijodu ta' transizzjoni sal-elezzjonijiet. L-UE tenfasizza l-urġenza tas-sitwazzjoni u l-importanza tal-parteċipazzjoni fi proċess bħal dan mill-familji politiċi l-kbar kollha u mis-soċjetà ċivili, b'mod partikolari l-Konferenza tal-Isqfijiet tal-Kongo. Hija tappella lill-maġġoranza u lill-oppożizzjoni biex ifittxu li jilħqu l-kompromessi meħtieġa permezz ta' kunsens popolari kbir ħafna.
- Sabiex tiġi żgurata klima favorevoli għat-twettiq tad-djalogu u tal-elezzjonijiet, il-gvern għandu jieħu l-impenn ċar li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt u jwaqqaf kull strumentalizzazzjoni tal-ġustizzja. L-UE tappella għall-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha u l-waqfien tal-prosekuzzjonijiet politikament motivati kontra l-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili kif ukoll ir-riabilitazzjoni tal-persuni vittmi ta' sentenzi politiċi. Il-projbizzjoni tal-protesti paċifiċi, l-intimidazzjoni u l-fastidju lill-oppożizzjoni, lis-soċjetà ċivili u lill-media ma jippermettux tħejjija ta' transizzjoni paċifika u demokratika. F'dan il-kuntest, ma jistax jiġi żgurat l-impenn tal-UE fi programmi ġodda ta' riforma tal-politika u tal-ġustizzja. L-UE tappella lill-MONUSCO, fil-qafas tal-mandat tagħha ta' protezzjoni tal-persuni ċivili u sa fejn iwasslu l-mezzi u l-persunal tagħha, biex tinfirex b'mod dissważiv u titlob il-kooperazzjoni sħiħa tal-awtoritajiet fl-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni adottata fit-tlieta u tletin sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem.
- L-għadd kbir ħafna ta' arresti li sar wara l-avvenimenti tad-19 u l-20 ta' Settembru iqajjem tħassib serju fir-rigward tar-rispett tal-proċeduri legali u r-rieda li tkun garantita ġustizzja indipendenti. L-UE tħeġġeġ lill-atturi kollha, kemm min-naħa tal-awtoritajiet kif ukoll min-naħa tal-oppożizzjoni, biex jirrifjutaw l-użu tal-vjolenza. Hija tfakkar fir-responsabbiltà ewlenija tal-forzi tas-sigurtà biex iżommu l-ordni pubbliku waqt li jiżguraw ir-rispett tal-libertajiet fundamentali. Stħarriġ indipendenti għandu jippermetti l-identifikazzjoni rapida tar-responsabbiltajiet individwali ta' kull wieħed. Il-MONUSCO u l-Uffiċċju Konġunt tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (UNJHRO) għandhom ikunu jistgħu jagħmlu xogħolhom ta' dokumentazzjoni mingħajr xkiel. L-UE innutat ukoll il-komunikazzjoni tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali tat-23 ta' Settembru 2016, li ddikjara li qed jissorvelja b'attenzjoni kbira s-sitwazzjoni fuq il-post.
- L-UE ttenni t-tħassib kbir tagħha fir-rigward tas-sitwazzjoni fil-Lvant tal-pajjiż, b'mod partikolari f'Beni. F'dan il-kuntest, l-UE tfakkar fl-eżistenza tar-Riżoluzzjoni 2293 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li tistabbilixxi l-qafas tal-ONU ta' miżuri restrittivi fir-rigward ta' individwi jew entitajiet responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem.
- Quddiem ir-riskji ta' instabbiltà fil-pajjiż u t-theddida li dan jikkostitwixxi għar-reġjun, l-UE ser tibqa' mobilizzata bis-sħiħ. L-Istati Membri issa jaqblu dwar il-ħtieġa li jikkoordinaw l-approċċ tagħhom fir-rigward tal-qasam tal-ħruġ tal-viżi fir-rigward tad-detenturi ta' passaport diplomatiku jew tas-servizz. L-UE ser tuża l-mezzi kollha possibbli li għandha, inkluż ir-rikors għal miżuri restrittivi individwali kontra dawk li huma responsabbli minn ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, li jinċitaw il-vjolenza jew li jxekklu minn ħruġ mill-kriżi li jkun kunsenswali, paċifiku u li jirrispetta x-xewqa tal-poplu Kongoliż li jeleġġi r-rappreżentanti tiegħu. Il-Kunsill jistieden lir-Rappreżentant Għoli biex tibda ħidma f'dan is-sens.
- L-UE tfakkar fl-isforzi sinifikanti li għamlet f'dawn l-aħħar snin biex takkumpanja lill-pajjiż u tikkonferma li tinsab lesta li żżidhom billi ttenni t-talba tagħha tat-2 ta' Ġunju 2016 lill-gvern biex jibda bla dewmien djalogu politiku fl-aktar livell għoli, f'konformità mal-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou. Hija tinsab lesta tagħti l-appoġġ tagħha, inkluż dak finanzjarju, għal proċess elettorali trasparenti abbażi ta' ftehim politiku inklużiv u ta' kalendarju ċar maqbul mill-partijiet ikkonċernati, u dment li jintlaħqu l-kondizzjonijiet kollha f'konformità mal-Kostituzzjoni u r-Riżoluzzjoni 2277 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. F'dawn il-kondizzjonijiet, l-UE ser tibqa' impenjata bħala membru tal-grupp ta' appoġġ għall-faċilitazzjoni u ser taħdem mill-qrib mas-sħab tagħha, b'mod partikolari dawk Afrikani. Hija tilqa' tajjeb l-isforzi konsiderevoli tar-reġjun biex jirrikonċilja l-pożizzjonijiet, b'mod partikolari permezz tas-summit li ġej dwar ir-RDK organizzat f'Luanda mill-Konferenza Internazzjonali dwar ir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar, in-Nazzjonijiet Uniti u l-Unjoni Afrikana, u tal-laqgħa ministerjali tal-SADC.
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Daniela Lenzu Press officer
- +32 470 88 04 02
- +32 2 281 21 46
- @daniela_lenzu
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024