- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 12 ta' Diċembru 2016 15:00
Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK): l-UE tadotta sanzjonijiet kontra 7 individwi responsabbli għal vjolenza
Il-Kunsill adotta restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi fir-rigward ta' seba' individwi f'karigi ta' responsabbiltà fil-katina tal-kmand tal-awturi ta' vjolenza, b'effett immedjat. F'laqgħa fi ħdan il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-ministri għall-affarijiet barranin iddiskutew l-aktar żviluppi reċenti fil-pajjiż. L-istati membri qablu dwar dikjarazzjoni dwar is-sitwazzjoni fir-RDK.
Dikjarazzjoni tal-UE dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo
"L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jinsabu mħassba serjament bis-sitwazzjoni politika fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK). Id-19 ta’ Diċembru, id-data li fiha jiskadi l-mandat kostituzzjonali tal-President Kabila, tibqa’ kkaratterizzata minn inċertezzi u riskji, wara l-episodji reċenti ta’ repressjoni u ksur tad-drittijiet fundamentali. Il-gvern il-ġdid wara din id-data għandu jibbaża l-leġittimità tiegħu fuq qafas politiku definit b’mod ċar u inklużiv, għaliex inkella ser ikunu affettwati r-relazzjonijiet mal-Unjoni Ewropea.
Saru sforzi biex jitqarrbu l-pożizzjonijiet u jintlaħaq qbil inklużiv dwar transizzjoni li twassal lill-pajjiż għal elezzjonijiet paċifiċi u kredibbli kemm jista’ jkun malajr, konformement mal-Kostituzzjoni tar-RDK u r-Riżoluzzjoni 2277 (2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.
L-Unjoni Ewropea appoġġat dawn l-inizjattivi u b’mod partikolari l-medjazzjoni li għaddejja bħalissa tal-isqfijiet Kattoliċi tar-RDK. Hija tistieden lill-atturi politiċi kollha kemm min-naħa tal-gvern kif ukoll tal-oppożizzjoni biex jikkunsidraw l-appell tagħhom għar-responsabbiltà u r-rieda tajba, u biex jużaw b’mod sħiħ il-bon offiċji tagħhom. Hija tfaħħar ir-rwol kostruttiv tal-organizzazzjonijiet reġjonali u l-pajjiżi tar-reġjun sabiex isibu soluzzjoni paċifika, b’mod partikolari l-Angola u r-Repubblika tal-Kongo.
Fid-dawl tal-iskadenza fid-19 ta’ Diċembru, l-Unjoni Ewropea tappella għaldaqstant lill-Kongoliżi biex joqogħdu lura u jiffavorixxu d-djalogu, filwaqt li jirrifjutaw kull vjolenza.
Il-vjolenza li kkawżat il-mewt ta’ mill-inqas ħamsin persuna fid-19 u l-20 ta’ Settembru f’Kinshasa tikkostitwixxi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, li taw prova tiegħu diversi osservaturi fosthom l-Uffiċċju Konġunt tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem. L-Unjoni Ewropea impenjat ruħha fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta’ Mejju, u wara tas-17 ta’ Ottubru, li tadotta miżuri restrittivi fir-rigward tal-persuni responsabbli minn abbużi bħal dawn u ta’ dawk li jxekklu soluzzjoni paċifika u konsenswali għall-kriżi fir-RDK.
Konsegwentement, il-Kunsill tal-ministri tal-affarijiet barranin tal-Unjoni Ewropea llum ħa d-deċiżjoni li jimponi miżuri restrittivi fir-rigward tas-seba’ individwi li għandhom pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà fil-katina tal-kmand tal-forzi tas-sigurtà Kongoliżi li użaw il-forza b’mod sproporzjonat.
L-Unjoni Ewropea tappella lill-gvern tar-RDK biex jikkoopera f’investigazzjoni trasparenti u indipendenti li għandha l-għan li jitressqu quddiem il-ġustizzja dawk responsabbli għall-vjolenza. Barra minn hekk, hija tappella biex jiġu rrispettati b’mod sħiħ id-drittijiet fundamentali fosthom il-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda u tal-istampa.
L-Unjoni Ewropea ser issegwi b’attenzjoni kbira l-bidla kruċjali fil-politika li ser tagħmel ir-RDK fil-ġimgħat li ġejjin. F’dan il-kuntest, jistgħu jiġu previsti miżuri restrittivi supplimentari fil-każ ta’ tfixkil tal-proċess politiku jew ta’ aktar vjolenza.
Il-Pajjiżi Kandidati l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja*, il-Montenegro* u l-Albanija*, il-pajjiż tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni u kandidat potenzjali l-Bożnija-Ħerzegovina, u l-pajjiżi tal-EFTA l-Iżlanda u l-Liechtenstein, membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll l-Ukrajna u r-Repubblika tal-Moldova jallinjaw ruħhom ma' din id-Dikjarazzjoni.
*L-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u l-Albanija għadhom jagħmlu parti mill-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni."
* * *
Il-persuni soġġetti għal projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar fl-UE u għal iffriżar tal-assi jinkludu:
- erba' membri tal-gwardja repubblikana, tal-armata jew tal-pulizija Kongoliża, li kkontribwew fl-ippjanar, it-tmexxija jew it-twettiq ta' atti li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK;
- tliet uffiċjali għolja u persuni ta' influwenza li jxekklu ħruġ mill-kriżi konsenswali u paċifiku bil-ħsieb tal-elezzjonijiet fir-RDK, b'mod partikolari b'atti ta' vjolenza, ta' repressjoni jew ta' inċitament għall-vjolenza, jew azzjonijiet li jheddu l-istat tad-dritt;
L-ismijiet tal-persuni kkonċernati u r-raġunijiet li jwasslu lill-Kunsill biex jelenkahom jidhru fil-Ġurnal Uffiċjali tat-12 ta' Diċembru 2016. Il-miżuri restrittivi jidħlu fis-seħħ immedjatament.
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Daniela Lenzu Press officer
- +32 470 88 04 02
- +32 2 281 21 46
- @daniela_lenzu
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024