Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 7 ta' Frar 2017 10:30

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew : il-Kunsill jieħu l-ewwel passi lejn kooperazzjoni msaħħa possibbli

Fis-7 ta' Frar 2017, il-Kunsill irreġistra n-nuqqas ta' unanimità fir-rigward tal-appoġġ għall-proposta għal regolament li joħloq Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE). Dan iwitti t-triq għal grupp ta' mill-inqas disa' stati membri biex jibagħtu t-test għad-diskussjoni lill-Kunsill Ewropew għal tentattiv finali li jintlaħaq kunsens dwar il-proposta. Jekk dan ma jkunx possibbli, tista' titqies il-kooperazzjoni msaħħa.

"L-UPPE kien parti mit-Trattati sa mill-2009. Madankollu, kif jixhdu dawn l-aħħar sitt snin u nofs, l-istabbiliment tiegħu rriżulta diffiċli. Ninsab ċert li l-Presidenza Maltija ser tikseb riżultati konkreti billi tkompli taġixxi ta' intermedjarju onest sabiex dawk l-istati membri li jixtiequ jniedu kooperazzjoni msaħħa jagħmlu dan taħt din il-Presidenza", qal Owen Bonnici, Ministru għall-Ġustizzja ta' Malta.

Il-passi li jmiss u l-proċedura

L-Artikolu 86 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE jipprevedi li, fil-każ ta' nuqqas ta' unanimità dwar ir-regolament li joħloq l-UPPE, grupp magħmul minn minimu ta' disa' stati membri jista' jitlob li t-test jintbagħat lill-Kunsill Ewropew għad-diskussjoni. Il-Kunsill Ewropew imbagħad ikollu perijodu ta' mhux aktar minn erba' xhur biex jipprova jilħaq kunsens.

Jekk xorta ma jkunx possibbli li jintlaħaq kunsens, grupp ta' mill-inqas disa' stati membri jista' juri x-xewqa li jistabbilixxi kooperazzjoni msaħħa.

Sfond

L-għan tar-regolament dwar l-UPPE huwa li joħloq Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. L-UPPE jkun korp indipendenti tal-Unjoni bl-awtorità, taħt ċerti kondizzjonijiet, li jinvestiga u jħarrek il-frodi fil-konfront tal-UE u delitti oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Huwa jgħaqqad l-isforzi Ewropej u l-isforzi tal-infurzar tal-liġi nazzjonali fil-ġlieda kontra l-frodi fil-konfront tal-UE.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024