Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 8 ta' Frar 2017 10:35

L-aħħar pass biex jintemmu t-tariffi tar-roaming: Il-Kunsill japprova l-ftehim dwar is-suq tar-roaming għall-operaturi

Fit-8 ta’ Frar 2017 l-ambaxxaturi tal-istati membri approvaw il-ftehim dwar il-limiti massimi għall-operaturi li ser itemmu t-tariffi tar-roaming mobbli għall-konsumaturi fl-UE fil-15 ta’ Ġunju ta’ din is-sena. Il-Presidenza laħqet ftehim proviżorju dwar ir-regoli għall-operaturi mal-Parlament Ewropew fil-31 ta’ Jannar.

Bħala riżultat ta’ proċess ta’ 10 snin biex jitbaxxew it-tariffi tar-roaming, in-nies finalment ser ikunu jistgħu jivvjaġġaw madwar l-Ewropa u jibqgħu konnessi eżatt kif jagħmlu f’pajjiżhom, mingħajr ma jħallsu aktar.

L-UE ser tneħħi t-tariffi tar-roaming qabel il-vaganzi tas-sajf li jmiss (©James Hardy/AltoPress/PhotoAlto)

Id-deċiżjonijiet suċċessivi li ħadet l-UE, l-ewwel biex jitnaqqsu t-tariffi tar-roaming għall-konsumaturi, u issa biex dawn jitneħħew, huma bbażati fuq sett ta’ regoli li jirregolaw l-operaturi meta jagħmlu negozju ma’ xulxin. B’mod partikolari, dawn ir-regoli jillimitaw kemm l-operaturi jistgħu jiċċarġjaw lil xulxin meta l-konsumaturi iċemplu, jibagħtu messaġġi jew jużaw l-internet f’pajjiż ieħor tal-UE.

Il-limiti massimi l-ġodda, li huma sinifikament aktar baxxi, huma mfassla biex ikun possibbli li l-operaturi tat-telefonija mobbli joffru roaming mingħajr ħlas addizzjonali lill-klijenti tagħhom mingħajr ma jżidu l-prezzijiet domestiċi. Flimkien mal-politika ta’ użu ġust għall-konsumatur, ir-regoli għall-operaturi jgħinu biex jiġi żgurat li t-tneħħija tat-tariffi tar-roaming tkun sostenibbli fl-UE kollha.

Dr Emmanuel Mallia, il-Ministru Malti għall-Kompetittività u Ekonomija Diġitali, Marittima u tas-Servizzi, qal: "It-tmiem tat-tariffi tar-roaming hija aħbar tajba ħafna għaċ-ċittadini Ewropej kollha. Ninsab kuntent li l-presidenza Maltija għalqet dan il-fajl b’suċċess. Dan huwa kruċjali biex isir iktar progress fil-kisba ta’ Suq Uniku Diġitali Ewropew. Malta ser tkun qed tiċċelebra dan is-suċċess flimkien mal-istati membri sħab tagħha tal-UE fil-15 u s-16 ta’ Ġunju waqt l-avveniment tal-Assemblea Diġitali tal-2017, li ser isir f’Malta."

Xi jmiss?

It-test maqbul issa ser jgħaddi għall-finalizzazzjoni teknika. Imbagħad għandu jiġi approvat formalment, l-ewwel mill-Parlament u mbagħad mill-Kunsill (qbil fl-ewwel qari).

Huwa previst li l-Parlament ser jadotta r-regolament f’April u l-Kunsill sa mhux aktar tard minn Mejju. L-adozzjoni mill-Kunsill m'għandhiex bżonn issir fil-Kunsill tat-Telekomunikazzjoni: kwalunkwe konfigurazzjoni tal-Kunsill għandha s-setgħa tadotta l-att legali.

Ir-regolament adottat ser jiġi ffirmat miż-żewġ istituzzjonijiet. Dan jista’ jsir fis-sessjoni plenarja tal-Parlament fi Strasburgu f’Mejju. It-test iffirmat ser jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE u jidħol fis-seħħ tlett ijiem wara.

Ir-regolament il-ġdid dwar is-suq tar-roaming għall-operaturi jrid ikun fis-seħħ sal-15 ta’ Ġunju 2017 sabiex it-tariffi tar-roaming għall-konsumatur ikunu jistgħu jitneħħew kif stipulat fir-regolament dwar ir-roaming li ġie adottat fl-2015.

Għal aktar tagħrif u l-limiti massimi miftehma, ara l-istqarrija tagħna għall-istampa tal-31 ta' Jannar 2017 (il-link ta’ hawn taħt)

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024