Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 16 ta' Mejju 2017 18:15

Konklużjonijiet tal-Kunsill taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)

1. Is-sebgħa u erbgħin laqgħa tal-Kunsill taż-ŻEE saret fi Brussell fis-16 ta' Mejju 2017 taħt il-Presidenza tas-Sur Louis Grech, Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Ewropej ta' Malta, bħala rappreżentant tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Preżenti għal-laqgħa kien hemm is-Sur Frank Bakke-Jensen, Ministru taż-ŻEE u tal-Affarijiet tal-UE tan-Norveġja, is-Sur Guðlaugur Þór Þórðarson, Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Iżlanda, u s-Sinjura Aurelia Frick, Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Liechtenstein, kif ukoll Membri tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

Djalogu Politiku

2. Il-Kunsill taż-ŻEE rrikonoxxa li s-sħubija mill-qrib bejn l-UE u l-Istati taż-ŻEE-EFTA kienet l-aħjar garanzija għal prosperità u stabbiltà kondiviża fit-tul. F'dan il-kuntest, il-Kunsill taż-ŻEE nnota li, fil-qafas tad-Djalogu Politiku, il-Ministri għandhom jiddiskutu l-implikazzjonijiet tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE għall-Ftehim taż-ŻEE, u l-Artiku. Il-Kunsill taż-ŻEE ssottolinja l-importanza tat-tkomplija tal-prattika li jiġu mistiedna uffiċjali mill-Istati taż-ŻEE-EFTA għal djalogi politiċi fil-livell tal-gruppi ta' ħidma rilevanti tal-Kunsill tal-UE.

3. Rigward il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, il-Kunsill taż-ŻEE ssottolinja l-importanza li jiġi ssalvagwardjat il-Ftehim taż-ŻEE, u li tiġi żgurata l-kontinwazzjoni ta' Suq Intern omoġenju u li jaħdem sew, fl-Ewropa. Il-Kunsill taż-ŻEE appella għal djalogu mill-qrib u skambju kontinwu ta' informazzjoni bejn l-UE u l-Istati tal-EFTA, membri taż-ŻEE dwar in-negozjati bejn l-UE u r-Renju Unit skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, u dwar ir-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit, peress li dan il-ħruġ ser jaffettwa wkoll il-Ftehim taż-ŻEE.

Kooperazzjoni fiż-ŻEE

4. Il-Kunsill taż-ŻEE rrikonoxxa r-rwol ewlieni li kellu l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (Ftehim taż-ŻEE) għal aktar minn 20 sena fil-progress tal-integrazzjoni ekonomika bejn l-UE u l-Istati taż-ŻEE-EFTA. Il-Kunsill taż-ŻEE enfasizza li l-Ftehim kien wieħed robust u li kapaċi jadatta għal bidliet fit-trattati tal-UE u t-tkabbir tal-UE. Il-Kunsill taż-ŻEE rrikonoxxa l-kontributi pożittivi li saru mill-Istati taż-ŻEE-EFTA għall-proċess tat-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar il-leġislazzjoni u l-programmi tal-UE rilevanti għaż-ŻEE permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-kumitati, il-gruppi ta' esperti u l-aġenziji rilevanti, kif ukoll permezz tal-preżentazzjoni ta' Kummenti taż-ŻEE-EFTA. Il-Kunsill taż-ŻEE ssottolinja l-importanza li jiġu mistiedna l-Ministri taż-ŻEE-EFTA għal-laqgħat Ministerjali informali u l-konferenzi Ministerjali tal-UE rilevanti għall-parteċipazzjoni taż-ŻEE-EFTA fis-Suq Intern, u esprima l-apprezzament tiegħu lill-Presidenza Maltija attwali u lill-Presidenza Estonjana li jmiss talli komplew din il-prattika.

5. Il-Kunsill taż-ŻEE enfasizza l-importanza ta' Suq Uniku li jiffunzjona sew bħala xprunatur biex tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku u lill-ħolqien ta' impjiegi ġodda madwar l-Ewropa, u laqa' b'sodisfazzjon il-passi li diġà ttieħdu biex jiġu implimentati l-proposti li jinsabu fl-istrateġiji għal Suq Uniku Diġitali u għat-titjib tas-Suq Uniku, it-tnejn imnedija fl-2015, bil-ħsieb li jisfruttaw b'mod sħiħ il-potenzjal ta' tkabbir u ta' produttività mhux utilizzat tiegħu. Il-Kunsill taż-ŻEE qabel li kien jenħtieġ approċċ olistiku biex jiġu indirizzati wħud mill-isfidi ewlenin li jiffaċċa s-Suq Uniku, u enfasizza l-importanza tal-involviment mill-qrib tal-Istati taż-ŻEE-EFTA fit-tfassil u l-iżvilupp ulterjuri ta' politiki u inizjattivi marbuta mas-Suq Uniku. Filwaqt li enfasizza l-fatt li għarfien akbar tal-Ftehim taż-ŻEE madwar iż-ŻEE kollha kien fl-interess tal-Partijiet Kontraenti kollha, il-Kunsill taż-ŻEE ħeġġeġ lill-UE u l-Istati taż-ŻEE-EFTA biex jiżguraw li informazzjoni dwar il-Ftehim taż-ŻEE kienet disponibbli malajr u faċilment.

Dibattitu ta' orjentazzjoni - l-enerġija u t-tibdil fil-klima

6. Sar dibattitu ta' orjentazzjoni dwar it-twettiq konġunt tal-Ftehim ta' Pariġi u l-miri relatati għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra għall-2030. Il-Kunsill taż-ŻEE ta importanza kbira lit-tkomplija tal-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u l-Istati taż-ŻEE-EFTA fil-politiki ambjentali, dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima, partikolarment fid-dawl tal-Qafas ta' politika għall-Klima u l-Enerġija għall-2030 u l-Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar it-Tibdil fil-Klima li Tħares 'il Quddiem. Il-Kunsill taż-ŻEE nnota li l-Istati taż-ŻEE-EFTA jibqgħu sħab ewlenin tal-UE bħala fornitur affidabbli tal-enerġija u enfasizza li għandha titkompla l-kooperazzjoni mill-qrib fl-oqsma tas-Suq Intern tal-Enerġija; is-sigurtà tal-enerġija; l-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet; il-promozzjoni ta' enerġija b'livell baxx ta' karbonju kompetittiva, reżiljenti għat-tibdil fil-klima, sikura u sostenibbli; l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija; ir-riżorsi ta' enerġija rinnovabbli; il-qbid u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS); u l-qbid u l-użu tad-diossidu tal-karbonju (CCU); kif ukoll kwistjonijiet ambjentali oħra bħalma huma l-iskart, is-sustanzi kimiċi, il-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma u t-tniġġis industrijali.

Mekkaniżmu Finanzjarju

7. Il-Kunsill taż-ŻEE enfasizza l-importanza tas-solidarjetà fost il-pajjiżi Ewropej biex jiġu megħluba l-isfidi soċjali u ekonomiċi u esprima tħassib dwar il-livell għoli kontinwu tal-qgħad fost iż-żgħażagħ f'uħud mill-Istati Membri taż-ŻEE. Il-Kunsill taż-ŻEE laqa' b'sodisfazzjon il-kontribut pożittiv tal-Mekkaniżmi Finanzjarji taż-ŻEE u tan-Norveġja għall-2009-2014 u tal-predeċessuri tagħhom biex inaqqsu d-differenzi ekonomiċi u soċjali fiż-ŻEE kollha. Wara l-applikazzjoni proviżorja tal-ftehimiet dwar iż-ŻEE u l-Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż għall-perijodu 2014-2021, il-Kunsill taż-ŻEE laqa' l-progress li sar fin-negozjati dwar Memoranda ta' Fehim bejn l-Istati taż-ŻEE-EFTA u l-Istati Benefiċjarji fl-UE.

Kontrolli fuq il-kapital

8. Il-Kunsill ŻEE nnota li l-moviment liberu tal-kapital huwa libertà fundamentali tas-suq intern u parti integrali mill-acquis taż-ŻEE u rrikonoxxa li restrizzjonijiet jistgħu jiġu implimentati biss b'mod temporanju abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43 tal-Ftehim ŻEE. Il-Kunsill taż-ŻEE laqa' l-progress tal-pjan komprensiv tal-Gvern Iżlandiż biex jitneħħew il-kontrolli fuq il-kapital mingħajr ma tiġi mhedda l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja tal-pajjiż, b'mod partikolari l-passi reċenti biex jitneħħew il-kontrolli fuq il-kapital fuq individwi, kumpanniji u fondi tal-pensjonijiet.

Programmi tal-UE

9. Filwaqt li rrikonoxxa l-kontribut tal-programmi tal-UE fil-bini ta' Ewropa aktar kompetittiva, innovattiva u soċjali, il-Kunsill taż-ŻEE laqa' l-parteċipazzjoni tal-Istati taż-ŻEE-EFTA fil-programmi rilevanti għaż-ŻEE li kkontribwixxew finanzjarjament għalihom. Il-Kunsill taż-ŻEE rrikonoxxa b'mod partikolari l-parteċipazzjoni attiva u l-integrazzjoni sħiħa tal-Istati taż-ŻEE-EFTA fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-assoċjazzjoni ta' suċċess tan-Norveġja u l-Iżlanda f'Orizzont 2020, il-programm ewlieni tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni. Il-Kunsill taż-ŻEE għandu jkompli jagħti importanza kbira lill-integrazzjoni u l-allinjament tal-politika tal-Istati taż-ŻEE-EFTA mal-UE fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni.

L-inkorporazzjoni ta' atti tal-UE rilevanti għaż-ŻEE

10. Filwaqt li nnota r-Rapport ta' Progress tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, il-Kunsill ŻEE esprima l-apprezzament tiegħu għall-ħidma tal-Kumitat Konġunt sabiex jiżgura t-tkomplija tal-operat b'suċċess u l-funzjonament tajjeb tal-Ftehim ŻEE.

11. Il-Kunsill taż-ŻEE laqa' b'sodisfazzjon l-isforzi li qed isiru biex jonqos l-għadd ta' atti tal-UE rilevanti għaż-ŻEE li qed jistennew biex jiġu inkorporati fil-Ftehim taż-ŻEE kif ukoll biex jiġi aċċellerat il-proċess ta' inkorporazzjoni. Filwaqt li jfaħħar il-passi kollha li ttieħdu matul dawn l-aħħar snin, il-Kunsill taż-ŻEE nnota li l-għadd ta' atti li qed jistennew li jiġu inkorporati kien għadu wieħed għoli wisq.

12. Il-Kunsill taż-ŻEE appella għat-tkomplija tal-ħidma sabiex jitnaqqas b'mod sinifikanti u dejjiemi l-perijodu attwali ta' xogħol b'lura u b'hekk tkompli tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u l-omoġeneità fiż-ŻEE. Dan l-għan komuni jista' jinkiseb permezz ta' rieda politika u djalogu msaħħaħ fost l-esperti u l-organi rilevanti. Il-Kunsill taż-ŻEE ħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jinvolvu ruħhom b'mod kostruttiv biex isibu soluzzjoni għal kwistjonijiet pendenti diffiċli.

13. Il-Kunsill taż-ŻEE laqa' b'mod partikolari l-inkorporazzjoni fil-Ftehim taż-ŻEE tat-Tielet Pakkett għas-Suq Intern tal-Enerġija, l-atti legali tal-UE fil-qasam tal-produzzjoni organika, u r-Regolament dwar il-Prodotti Mediċinali għal Użu Pedjatriku. Hu laqa' il-progress li sar matul dawn l-aħħar xhur fil-qasam ta' regoli u standards komuni għal organizzazzjonijiet tal-ispezzjoni u tal-perizji tal-bastimenti.

14. Il-Kunsill taż-ŻEE enfasizza wkoll l-importanza kbira li tiġi inkorporata u applikata minnufih il-leġislazzjoni pendenti fil-qasam tas-servizzi finanzjarji - li tirrappreżenta aktar minn terz tal-akkumulazzjoni - sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwivalenti fiż-ŻEE kollha f'dan is-settur importanti.

15. Il-Kunsill taż-ŻEE nnota li għad jeħtieġ progress f'għadd ta' kwistjonijiet importanti pendenti u stenna b'interess li tintlaħaq konklużjoni malajr kemm jista' jkun, b'mod partikolari fir-rigward tat-Tielet Direttiva dwar il-Posta.

16. Il-Kunsill taż-ŻEE nnota wkoll li kien hemm għadd ta' Deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt fejn kienet inqabżet l-iskadenza ta' sitt xhur prevista fil-Ftehim taż-ŻEE fir-rigward tal-awtorizzazzjoni kostituzzjonali. Huwa ħeġġeġ lill-Istati taż-ŻEE-EFTA biex isaħħu l-isforzi tagħhom biex isolvu l-każijiet pendenti kemm jista' jkun malajr u biex jevitaw tali dewmien fil-futur.

Kummerċ agrikolu

17. Il-Kunsill taż-ŻEE għaraf li l-Partijiet Kontraenti kienu affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom, f'konformità mal-Artikolu 19 tal-Ftehim taż-ŻEE, li jkomplu bl-isforzi tagħhom bil-għan li jiksbu l-liberalizzazzjoni progressiva tal-kummerċ agrikolu.

18. Fir-rigward tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda dwar preferenzi kummerċjali addizzjonali fi prodotti agrikoli, konkluż fl-2015, il-Kunsill taż-ŻEE jħeġġeġ lill-partijiet biex jiffinalizzaw il-proċeduri interni tagħhom sabiex il-ftehim ikun jista' jidħol fis-seħħ mill-aktar fis possibbli.

19. Il-Kunsill taż-ŻEE laqa' l-inizjalar, fil-5 ta' April 2017, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja dwar preferenzi kummerċjali addizzjonali għal prodotti agrikoli milħuq abbażi tal-Artikolu 19 tal-Ftehim taż-ŻEE u stenna b'interess l-iffirmar tiegħu.

20. Il-Kunsill taż-ŻEE ħeġġeġ lill-Partijiet Kontraenti biex ikomplu d-djalogu dwar ir-rieżami tar-reġim kummerċjali għal prodotti agrikoli pproċessati fil-qafas tal-artikolu 2(2) u l-artikolu 6 tal-Protokoll 3 għall-Ftehim taż-ŻEE sabiex jiġi promoss aktar il-kummerċ f'dan il-qasam. F'dan ir-rigward, il-Kunsill taż-ŻEE ħa nota tal-azzjonijiet reċenti li ħadet l-UE u l-Iżlanda biex jilliberalizzaw aktar il-kummerċ fil-prodotti agrikoli proċessati, fuq bażi reċiproka, fi ħdan il-Protokoll 3 tal-Ftehim taż-ŻEE. Il-Kunsill taż-ŻEE nnota s-sospensjoni tan-negozjati bejn l-UE u n-Norveġja dwar il-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi.

Il-ħut u l-prodotti tal-industriji tas-sajd

21. Il-Kunsill taż-ŻEE laqa' l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll dwar il-kummerċ fil-prodotti tal-ħut u tas-sajd bejn l-Iżlanda u l-UE mill-1 ta' Awwissu 2016 u l-Protokoll dwar il-kummerċ fil-prodotti tal-ħut u tas-sajd bejn in-Norveġja u l-UE mill-1 ta' Settembru 2016.

Kooperazzjoni parlamentari

22. Filwaqt li jirrikonoxxu r-rwol importanti ta' kooperazzjoni parlamentari fiż-ŻEE, il-Kunsill taż-ŻEE nnota r-Riżoluzzjoni tal-Kumitat Parlamentari Konġunt taż-ŻEE adottata fil-laqgħa tiegħu fi Strasburgu fl-14 ta' Diċembru 2016 dwar ir-Rapport Annwali tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar il-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE fl-2015.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024