Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 19 ta' Mejju 2017 13:05

Il-Kunsill jadotta kunsens Ewropew ġdid għall-iżvilupp

Fid-19 ta' Mejju, il-Kunsill adotta kunsens Ewropew ġdid għall-iżvilupp. Din id-dikjarazzjoni konġunta mit-tliet istituzzjonijiet (il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni) tistabbilixxi qafas ġdid għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-UE u l-istati membri tagħha.

“Il-kunsens Ewropew għall-iżvilupp ġdid jagħmel lill-UE saħansitra aktar b’saħħitha biex tittratta l-isfidi tal-lum u tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli u l-eradikazzjoni tal-faqar madwar id-dinja kollha. L-investiment fl-iżvilupp sostenibbli huwa investiment fis-sigurtà u l-prosperità komuni tagħna", qalet Federica Mogherini, ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-affarijiet barranin u l-politika ta' sigurtà.

“Il-ftehim tal-lum jikkonferma l-impenn tal-istati membri kollha biex jaħdmu flimkien fuq aġenda u prijoritajiet komuni għall-kooperazzjoni tal-UE mal-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw matul is-snin li ġejjin. Aħna kburin li l-Presidenza Maltija rnexxielha tikseb kunsens", żied George Vella, Ministru Malti għall-affarijiet barranin.

Il-kunsens huwa importanti minħabba r-rwol kruċjali tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp. L-UE tibqa’ l-akbar donatur fuq skala dinjija tal-għajnuna għall-iżvilupp, billi tipprovdi 'l fuq minn nofs l-assistenza mad-dinja kollha. L-għan aħħari huwa l-eliminazzjoni tal-faqar, il-promozzjoni ta’ governanza tajba, l-iżvilupp uman u ekonomiku, u ħidma fuq kwistjonijiet universali bħall-ġlieda kontra l-ġuħ u l-konservazzjoni tar-riżorsi naturali tad-dinja.

Il-kunsens Ewropew għall-iżvilupp huwa t-tweġiba tal-UE għall-aġenda 2030 tan-NU għall-iżvilupp sostenibbli. Huwa jistabbilixxi l-prinċipji ewlenin li ser jiggwidaw l-approċċ tal-UE u l-istati membri għall-kooperazzjoni mal-pajjiżi kollha fil-fażi tal-iżvilupp tul il-15-il sena li ġejjin, kif ukoll strateġija biex jinkisbu l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli (SDGs). F’konformità mal-istrateġija globali tal-UE għall-politika barranija u ta’ sigurtà, il-kunsens ser jgħin ukoll biex jinkisbu l-prijoritajiet tal-politika esterna tal-UE.

Il-kunsens huwa maħsub biex iwieġeb għall-isfidi globali attwali li għandhom impatt demografiku, ekonomiku, soċjali u ambjentali. It-tisħiħ tar-reżiljenza tal-istati, is-soċjetajiet u l-individwi huwa fil-qalba ta' dan l-approċċ. Huwa għandu l-għan li jwassal għal żvilupp sostenibbli u jaċċellera t-trasformazzjoni billi jenfasizza l-elementi trasversali tal-politika tal-iżvilupp bħall-ugwaljanza bejn is-sessi, iż-żgħażagħ, l-investiment u l-kummerċ, l-enerġija sostenibbli u l-azzjoni klimatika, il-governanza tajba, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, u l-migrazzjoni u l-mobbiltà.

Il-kunsens jirrakkomanda koordinazzjoni u koerenza akbar bejn l-UE u l-istati membri tagħha. Sabiex jinkisbu riżultati aktar effettivi u jsir impatt akbar, huwa jipproponi approċċ apposta u differenzjat fil-ħidma mas-sħab biex jiġu promossi programmazzjoni u implimentazzjoni konġunti, b’involviment sħiħ tas-soċjetà ċivili u atturi oħra. Huwa jenfasizza l-importanza tal-effettività tal-iżvilupp, it-trasparenza, ir-responsabbiltà reċiproka u sjieda mill-imsieħba kollha involuti, kif ukoll jiżgura li jintużaw il-mezzi kollha sabiex jinkisbu l-SDGs.

Il-passi li jmiss

Il-Parlament Ewropew huwa mistenni japprova l-kunsens fil-31 ta' Mejju.

Id-dikjarazzjoni konġunta ser tiġi ffirmata uffiċjalment mill-President tal-Parlament Ewropew, mill-Prim Ministru ta’ Malta, f’isem il-Kunsill u l-istati membri, mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, u mir-Rappreżentant Għoli, waqt il-Jiem Ewropej tal-Iżvilupp fis-7 ta’ Ġunju. Imbagħad dan ser jissostitwixxi l-kunsens Ewropew attwali għall-iżvilupp li ġie adottat fl-2006.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024