- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 21 ta' Ġunju 2017 15:15
Sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku - il-Kunsill u l-Parlament laħqu ftehim
Fil-21 ta' Ġunju 2017, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim proviżorju dwar proposta għal direttiva riveduta dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku. Il-ftehim ser ikollu jiġi kkonfermat mill-ambaxxaturi għall-UE (il-Coreper) matul il-laqgħa tagħhom li għandha ssir nhar il-Ġimgħa, 23 ta’ Ġunju.
Id-direttiva l-ġdida tirrevedi l-ambitu tad-Direttiva 2011/65/UE (RoHS 2). Hija tinkludi emendi bil-għan li jiġi stabbilit trattament ugwali għall-prodotti koperti bid-Direttiva, tipproponi l-esklużjoni ta' prodott partikolari: orgnijiet, u speċifikament tindirizza t-tħassib li jirriżulta mill-grupp ta' prodotti ta' "ambitu mhux ristrett".
“Ilħaqna ftehim mal-Parlament Ewropew biex jitnaqqsu s-sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku. B’din il-leġislazzjoni l-ġdida, qed intejbu l-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-iskart u nħeġġu l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta’ dawk il-prodotti u l-materjali fl-UE. Il-presidenza Maltija determinata li tressaq lill-UE lejn ekonomija iktar ċirkolari."
José Herrera, Ministru Malti għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima
L-għan prinċipali tat-test emendat huwa li jindirizza għadd ta’ problemi li ġew identifikati fl-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva. B'mod speċifiku, ser jiżgura l-possibilità li jsiru operazzjonijiet tas-suq sekondarju (pereżempju l-bejgħ mill-ġdid, is-suq tal-prodotti użati) għat-tagħmir elettriku u elettroniku kopert reċentement mir-RoHS 2 u l-użu ta' partijiet ta' rikambju għal dak it-tagħmir jekk jitqiegħdu fis-suq qabel it-22 ta’ Lulju 2019.
Kemm il-Kunsill kif ukoll il-Parlament Ewropew huma favur li l-approċċ segwit mill-Kummissjoni li ma jitwessax il-kamp ta' applikazzjoni ta' din ir-reviżjoni u li r-rieżami ġenerali tad-Direttiva jitħalla, kif ippjanat, għall-2021. Fit-test miftiehem, il-Kummissjoni hija obbligata twettaq dan ir-rieżami ġenerali tar-RoHS2 sat-22 ta’ Lulju 2021.
Fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għat-tiġdid ta’ eżenzjoni ġġustifikata skont id-direttiva, il-Kummissjoni ser ikollha wkoll tavża lill-applikanti dwar il-kronoloġija mistennija tal-proċess deċiżjonali.
Il-passi li jmiss
Ladarba l-ftehim jiġi approvat mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Kunsill, id-direttiva l-ġdida trid tiġi adottata formalment mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew.
L-att leġislattiv ser jidħol fis-seħħ 20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Kuntest
Il-Kummissjoni ressqet proposta għal direttiva ġdida li temenda d-Direttiva 2011/65/UE (RoHS 2) fis-26 ta’ Jannar 2017. Il-Kunsill adotta l-mandat ta' negozjar tiegħu fl-14 ta’ Ġunju. Fl-istess jum, il-Parlament Ewropew ta l-awtorizzazzjoni tiegħu biex immedjatament jibdew in-negozjati.
Ir-RoHS 1 u 2 introduċew miżuri biex jillimitaw il-preżenza ta’ dawn is-sustanzi ta’ ħsara fit-tagħmir elettriku u elettroniku. Id-Direttiva eżistenti tar-RoHS2 wessgħet il-kamp ta' applikazzjoni sostanzjalment u issa tapplika għat-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE) kollu mqiegħed fis-suq tal-UE.
Kuntatti għall-istampa
-
Peristera Dimopoulou Press officer
- +32 471 33 53 26
- +32 2 281 61 56
- @eri_dimopoulou
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024