Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 26 ta' Ġunju 2017 17:35

Bini effiċjenti fl-użu tal-enerġija: iffrankar akbar ta' enerġija u kundizzjonijiet aħjar tal-għajxien

Il-Kunsill illum laħaq approċċ ġenerali dwar proposta għal direttiva riveduta dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija. Dan il-ftehim ser jippermetti li jinbdew in-negozjati mal-Parlament Ewropew taħt il-presidenza Estonjana.

Il-bini huwa l-akbar konsumatur tal-enerġija fl-Ewropa, hekk kif jikkonsma 40 % tal-enerġija finali. Il-mira tal-proposta hija li tiġi promossa l-effiċjenza enerġetika fil-bini u li tkun appoġġata r-rinnovazzjoni kosteffettiva tal-bini bil-ħsieb tal-għan fit-tul tad-dekarbonizzazzjoni tal-istokk ferm ineffiċjenti tal-bini Ewropew eżistenti. Dan ser iservi wkoll bħala kontribut ewlieni biex jintlaħqu l-miri tal-effiċjenza enerġetika tal-UE għall-2020 u għall-2030.

B’mod partikolari, il-proposta tirrikjedi li l-istati membri jistabbilixxu strateġiji ta’ rinnovazzjoni fit-tul, li jindirizzaw ukoll il-faqar enerġetiku. Hija ssaħħaħ ir-rabtiet bejn il-politika u l-finanzjament tal-effiċjenza enerġetika.

Fattur importanti ieħor tad-direttiva riveduta huwa l-promozzjoni tal-mobbiltà elettrika, billi tirrikjedi li jkun hemm mill-inqas punt wieħed tal-iċċarġjar u kejbils mgħoddija għal kull tliet spazji ta’ parkeġġ għall-vetturi elettriċi f’bini mhux residenzjali u kejbils mgħoddija għal kull spazju ta’ parkeġġ f’bini residenzjali. Dawn ir-rekwiżiti ser japplikaw għal bini b’aktar minn għaxar spazji ta' parkeġġ.

Qed tiġi proposta l-introduzzjoni ta' indikatur ta' intelliġenza għall-bini u l-ispezzjoni tas-sistemi tat-tisħin u tal-arja kkondizzjonata hija ssimplifikata.

Il-proposta tissottolinja l-importanza tal-allinjament tal-aġendi dwar is-Suq Uniku Diġitali u l-Unjoni tal-Enerġija, billi d-diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija malajr qed tibdel ix-xenarju tal-enerġija, mill-integrazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għal netwerks intelliġenti u bini intelliġenti.

Aħna nilqgħu dan il-ftehim li huwa kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet Ewropej tagħna fl-effiċjenza enerġetika u li ser ikunu ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini u n-negozji billi jnaqqsu b’mod sinifikanti l-kontijiet tagħhom tal-enerġija. Dan il-ftehim huwa importanti wkoll biex issir aktar promozzjoni għall-elettromobbiltà kemm fil-bini mhux residenzjali kif ukoll f'dak residenzjali.”

Joe Mizzi, il-ministru Malti għall-Enerġija u l-Ġestjoni tal-Ilma

Kuntest

Il-proposta dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini temenda d-Direttiva 2010/31/UE u ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni f’Diċembru 2016. Hija parti mill-leġislazzjoni ta’ implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija u għandha rabtiet mill-qrib mad-direttiva dwar l-effiċjenza enerġetika.

L-għan ġenerali tal-istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija huwa li noqorbu lejn id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tal-UE sal-2030 u lil hinn, filwaqt li jissaħħaħ it-tkabbir ekonomiku, il-protezzjoni tal-konsumatur, l-innovazzjoni u l-kompetittività.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2014 stabbilixxew mira indikattiva ta’ żieda ta’ mill-inqas 27 % fl-effiċjenza enerġetika fil-livell tal-Unjoni fl-2030. Din il-mira ser terġa’ tiġi riveduta sal-2020 bil-ħsieb li l-livell tal-Unjoni jkun ta’ 30%.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024