- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 11 ta' Lulju 2017 15:40
Karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol: Il-Kunsill jistabbilixxi limiti ġodda ta' espożizzjoni
Fil-11 ta' Lulju 2017, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Kunsill approva l-ftehim proviżorju li ntlaħaq mal-Parlament Ewropew fit-28 ta' Ġunju rigward id-direttiva dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mill-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol.
Permezz tal-istabbiliment ta' limiti għall-karċinoġeni u l-mutaġeni, dan il-ftehim jgħin biex tiġi indirizzata l-kawża primarja tal-imwiet relatat max-xogħol fl-UE. L-għan hu li ngħinu biex insalvaw sa 100 000 ruħ matul il-50 sena li ġejjin.
Id-direttiva tipproponi li jiġu stabbiliti limiti ta' espożizzjoni għal 11-il karċinoġenu ieħor minbarra dawk koperti mid-direttiva eżistenti tal-2004. Dawn huma: it-trab tas-silika kristallina respirabbli, 1,2-epoxypropane, 1,3-butadiene, 2-nitropropan, l-akrilammid, ċerti komposti tal-kromju (VI), l-ossidu tal-etilene, o-toluwidina, fibri taċ-ċeramika rifrattarji, bromoethylene u idrażina.
Id-direttiva tirrevedi wkoll il-limiti ta' klorur tal-vinil monomeru u trabijiet tal-injam iebes fid-dawl ta' data xjentifika aktar reċenti.
Ser ikun hemm rekwiżiti minimi għall-eliminazzjoni u t-tnaqqis tal-karċinoġeni u l-mutaġeni kollha. Dawk li jħaddmu ser ikollhom jidentifikaw u jivvalutaw ukoll ir-riskji għal ħaddiema li huma assoċjati ma' espożizzjoni għal karċinoġeni (u mutaġeni) speċifiċi, u għandhom jipprevjenu l-espożizzjoni fejn jeżistu riskji.
Il-bidliet ewlenin għall-proposta tal-Kummissjoni huma dawn li ġejjin:
- Sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni: il-Kummissjoni ser ikollha tivvaluta l-possibbiltà li tinkludi s-sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni fil-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva sa mhux aktar tard mill-ewwel kwart tal-2019, u tista' tippreżenta proposta leġislattiva dwar il-kwistjoni.
- Kromju VI: ser ikun hemm valur limitu ta' espożizzjoni ta' 0.010 mg/m3 għal perijodu ta' 5 snin wara d-data ta' traspożizzjoni tad-direttiva; wara dak il-perijodu ser japplika limitu ta' 0.005 mg/m3. Hemm deroga għall-proċessi ta' wweldjar u ta' qtugħ bil-plażma jew għal proċessi ta' ħidma simili li jiġġeneraw id-dħaħen: għalihom il-valur limitu ta' espożizzjoni hu ta' 0.025 mg/m3 sa ħames snin wara d-data ta' traspożizzjoni, u wara dak il-perijodu l-limitu ser ikun ta' 0.005 mg/m3.
- Trab tal-injam iebes: ser ikun hemm valur limitu ta' espożizzjoni ta' 3 mg/m3 għal ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tad-direttiva u limitu ta' 2 mg/m3 minn hemm 'il quddiem.
- Trab tas-silika kristallina respiratorju: il-Kummissjoni impenjat ruħha li tevalwa l-ħtieġa li jiġi mmodifikat il-valur limitu tat-trab tas-silika kristallina respirabbli bħala parti mill-evalwazzjoni li jmiss tal-implimentazzjoni tad-direttiva.
- Sorveljanza tas-Saħħa: it-tabib jew l-awtorità responsabbli għas-sorveljanza tas-saħħa tal-ħaddiema fi ħdan l-Istati Membri jistgħu jindikaw li s-sorveljanza tas-saħħa għandha tkompli wara tmiem l-espożizzjoni sakemm huma jqisu li dan ikun meħtieġ biex tiġi ssalvagwardata s-saħħa tal-ħaddiem ikkonċernat.
Il-passi li jmiss
Id-Direttiva l-ġdida ser tiġi adottata formalment mill-Kunsill fi stadju aktar tard.
Kuntatti għall-istampa
-
Emma O'Driscoll Press officer
- +32 475 88 48 33
- +32 2 281 48 10
- @eo_press
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024