Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 9 ta' Ottubru 2017 11:00

Id-data miftuħa toħloq servizzi diġitali aħjar għaċ-ċittadini

Il-Kunsill stabbilixxa l-politika tiegħu dwar id-data miftuħa billi stipula l-kundizzjonijiet għall-użu mill-ġdid ta' dokumenti tal-Kunsill.

Din il-politika ser ittejjeb il-fluss tal-informazzjoni bejn il-Kunsill u l-pubbliku. Dan ser jgħin biex jiġi żgurat li l-informazzjoni tkun tista' tintuża mill-ġdid kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.

"Id-data miftuħa għandha tkun sors affidabbli ta' informazzjoni għaċ-ċittadini u għandha toffri benefiċċji għall-kumpanniji. It-trasparenza u d-diġitalizzazzjoni huma taħlita ta' suċċess biex jiżdied l-aċċess għall-informazzjoni fis-suq intern."

Matti Maasikas, Viċi Ministru Estonjan għall-Affarijiet tal-UE

Id-deċiżjoni l-ġdida tikkonkretizza l-prinċipju li ċ-ċittadini kollha jkunu jistgħu jużaw mill-ġdid l-informazzjoni fid-dokumenti tal-Kunsill mingħajr ħlas u mingħajr il-ħtieġa li jsiru talbiet individwali.

Il-politika tal-Kunsill dwar id-data miftuħa ser tiġi applikata f'konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali u r-regoli dwar is-sigurtà għall-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE.

L-iżvilupp tagħha ser ikun iffaċilitat permezz tal-Portal tad-Data Miftuħa tal-UE, li għandu l-għan li jsir punt uniku ta' aċċess għal data mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE.

Dan il-portal fih għadd kbir ta' settijiet ta' data u links għal portali tad-data miftuħa tal-istati membri tal-UE.

Il-Kunsill ilu jieħu sehem f'din l-inizjattiva mill-2015 bl-użu ta' dawn it-tliet settijiet ta' data:

  • il-metadata tar-reġistru pubbliku tal-Kunsill
  • Il-metadata tat-talbiet għall-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kunsill
  • il-votazzjonijiet tal-Kunsill b'rabta mal-atti leġislattivi.

Id-dritt ta' aċċess għal dokumenti tal-Kunsill jibqa' rregolat bir-Regolament 1049/2001.

L-informazzjoni tas-settur pubbliku hija sors importanti ta' għarfien u innovazzjoni fis-settur privat, li jappoġġa l-ħolqien ta' servizzi diġitali aħjar għaċ-ċittadini u l-kumpanniji madwar l-Ewropa.

Id-deċiżjoni ttieħdet mingħajr diskussjoni f'laqgħa tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024