Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 2 ta' Diċembru 2021 12:55

Il-Kunsill jadotta politika tal-biedja aktar ġusta, aktar ekoloġika u aktar ibbażata fuq il-prestazzjoni għall-2023-2027

F'laqgħa tal-lum il-Kunsill adotta formalment il-politika agrikola komuni (PAK) għall-perjodu 2023-2027. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida twitti t-triq għal PAK aktar ġusta, aktar ekoloġika u aktar ibbażata fuq il-prestazzjoni li tfittex li tiżgura futur sostenibbli għall-bdiewa Ewropej, tipprovdi appoġġ aktar immirat għal azjendi agrikoli iżgħar, u tippermetti flessibbiltà akbar għall-istati membri fl-adattament tal-miżuri għall-kondizzjonijiet lokali.

Jože Podgoršek, Ministru għall-Agrikoltura tas-Slovenja
Wara aktar minn tliet snin ta' xogħol iebes fl-aħħar irnexxielna nilħqu dan l-għan. Il-PAK il-ġdida li ġiet adottata llum timmarka pass importanti fil-politika tal-biedja tal-UE, li twitti t-triq għal futur aktar ġust u aktar sostenibbli għall-bdiewa Ewropej.
Jože Podgoršek, Ministru għall-Agrikoltura tas-Slovenja
Jože Podgoršek, Ministru għall-Agrikoltura tas-Slovenja

Il-proċess tar-riforma tal-PAK beda fl-2018 meta l-Kummissjoni ppubblikat il-proposta inizjali tagħha. F'Ottubru 2020, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew adottaw il-pożizzjonijiet ta' negozjar tagħhom, u taw bidu għal disa' xhur ta' negozjati li laħqu l-qofol tagħhom fi ftehim politiku li ntlaħaq f'Ġunju 2021.

Karatteristika ewlenija tal-politika l-ġdida hija l-introduzzjoni ta' pjanijiet strateġiċi fil-livell tal-istati membri, li jippermettu lill-gvernijiet nazzjonali jfasslu d-dispożizzjonijiet tal-PAK għall-ħtiġijiet tal-komunitajiet tal-biedja tagħhom f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u l-partijiet ikkonċernati rilevanti. Il-politika hija wkoll l-aktar waħda ambjentalment ambizzjuża sal-lum, bi kwart tal-pagamenti diretti riżervati għall-prattiki tal-biedja ekoloġika. Barra minn hekk, hija l-ewwel PAK li tinkludi dimensjoni soċjali mmirata biex tiggarantixxi kondizzjonijiet ta' impjieg adegwati għall-ħaddiema tal-biedja.

X'ser jiġri issa?

It-tliet regolamenti li jiffurmaw il-pakkett ta' riforma tal-PAK ser jiġu ffirmati kemm mill-Kunsill kif ukoll mill-Parlament u ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali. L-istati membri għandhom sal-1 ta' Jannar 2022 biex jippreżentaw l-abbozzi tal-pjanijiet strateġiċi tagħhom, u wara dan il-Kummissjoni ser tibda l-proċess ta' evalwazzjoni ta' dawn il-pjanijiet u tipprovdi feedback. Il-PAK il-ġdida ser tidħol fis-seħħ mill-2023 u ser tapplika sal-2027.

Informazzjoni ġenerali

Il-Politika Agrikola Komuni (PAK) tirrappreżenta madwar terz tal-baġit tal-UE. L-għan tagħha huwa li:

  • tipprovdi ikel sikur u affordabbli għaċ-ċittadini tal-UE
  • tassigura livell ġust ta' għajxien għall-bdiewa
  • tippreserva r-riżorsi naturali u tirrispetta l-ambjent

Fl-1 ta' Ġunju 2018, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat tliet proposti leġiżlattivi bil-għan li l-PAK tkun adattata għall-futur:

L-aspetti ewlenin tal-proposta huma:

  • pagamenti diretti u interventi għall-iżvilupp rurali aktar immirati li t-tnejn ikunu soġġetti għal ippjanar strateġiku
  • arkitettura "ekoloġika" ġdida msejsa fuq kondizzjonijiet ambjentali li jridu jitħarsu mill-bdiewa u miżuri volontarji oħrajn fil-qafas taż-żewġ pilastri
  • approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni (il-"mudell ta' implimentazzjoni ġdid") fejn l-istati membri jkollhom jirrapportaw il-kisbiet tagħhom kull sena

Regolament tranżitorju tal-PAK (2021-2022)

Fl-aħħar tal-2020 ġie adottat ir-regolament tranżitorju tal-PAK bil-għan li jiżgura l-kontinwità tal-appoġġ legali u finanzjarju tal-PAK lill-bdiewa u lil benefiċjarji oħra qabel ma jidħlu fis-seħħ ir-regoli riformati l-ġodda fl-2023. Ir-regolament żgura li l-pagamenti ma jiġux interrotti, filwaqt li jipprovdi wkoll żmien lill-istati membri biex iħejju l-pjanijiet strateġiċi nazzjonali tal-PAK tagħhom.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 6 ta' Frar 2025