"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Il-Kunsill jagħti l-approvazzjoni tiegħu biex jinbdew in-negozjati dwar trattat internazzjonali dwar il-pandemiji
Il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal ftehim internazzjonali dwar il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji. Id-deċiżjoni twitti wkoll it-triq għan-negozjar ta' emendi kumplimentari għar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa.
Il-COVID-19 żvelat l-importanza tal-kooperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra theddid globali għas-saħħa tan-nies. Dan l-istrument internazzjonali ġdid huwa għalhekk essenzjali biex inkunu nistgħu nirreaġixxu aħjar f'każ li nintlaqtu minn pandemija oħra. Jeħtieġ li l-komunità internazzjonali tingħaqad biex tiżgura aċċess ekwu għall-vaċċini u l-prodotti terapewtiċi, tiggarantixxi l-kondiviżjoni f'waqtha tad-data u l-informazzjoni u tindirizza r-rabtiet bejn is-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u dik ambjentali.
Olivier Véran, Ministru għas-Solidarjetà u s-Saħħa
Id-deċiżjoni tawtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja, fir-rigward ta' kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni, ftehim internazzjonali dwar il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji. Id-direttivi ta' negozjati, annessi mad-deċiżjoni, jiddeskrivu l-objettivi u l-prinċipji tal-ftehim. Id-direttivi ta' negozjati jistgħu jiġu riveduti u żviluppati ulterjorment kif xieraq skont l-evoluzzjoni tan-negozjati.
Rispons għall-COVID-19
Il-COVID-19 uriet il-ħtieġa għal tħejjija msaħħa u kooperazzjoni aktar mill-qrib fil-livell globali. Kollaborazzjoni mtejba bejn iċ-ċentri ta' riċerka madwar id-dinja u koordinazzjoni aħjar tal-finanzjament internazzjonali jistgħu jtejbu l-monitoraġġ tar-riskji u l-kondiviżjoni tal-għarfien dwar mard infettiv ġdid. Il-koordinazzjoni globali tal-kumulazzjoni ta' riżerva tista' tiżgura li l-pajjiżi jkollhom aċċess għall-provvisti essenzjali. Ftehim dwar il-pandemiji jista' jwassal ukoll għal mekkaniżmi ta' rispons aħjar u jindirizza l-inugwaljanzi fl-aċċess għall-vaċċini, il-mediċini u d-dijanjostika.
Sfond
Fl-1 ta' Diċembru 2021, il-membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) laħqu kunsens biex jibda l-proċess biex jiġu abbozzati u nnegozjati konvenzjoni, ftehim jew strument internazzjonali ieħor skont il-Kostituzzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa biex jissaħħu l-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji.
Il-proposta għal trattat internazzjonali dwar il-pandemiji tħabbret għall-ewwel darba mill-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, fil-Forum ta' Pariġi dwar il-Paċi f'Novembru 2020. Din is-sejħa għal trattat internazzjonali dwar il-pandemiji kienet enfasizzata wkoll mill-mexxejja tal-G7 fid-dikjarazzjoni tagħhom fid-19 ta' Frar 2021.
Fil-Kunsill Ewropew tal-25 ta' Frar 2021, il-mexxejja tal-UE ssottolinjaw il-ħtieġa li jkun hemm kooperazzjoni multilaterali globali biex jiġi indirizzat it-theddid attwali u futur għas-saħħa u qablu li jaħdmu fuq trattat internazzjonali dwar il-pandemiji fi ħdan il-qafas tad-WHO u li jmexxu 'l quddiem is-sigurtà tas-saħħa globali.
Il-passi li jmiss
Wara d-deċiżjoni tal-1 ta' Diċembru fl-Assemblea Dinjija tas-Saħħa, fl-24 ta' Frar 2022 saret l-ewwel laqgħa ta' korp intergovernattiv ta' negozjar biex jintlaħaq qbil dwar modi ta' ħidma u skedi ta' żmien. Dan il-korp ser jerġa' jiltaqa' sal-1 ta' Awwissu 2022 biex jiddiskuti l-progress dwar abbozz ta' ħidma. Imbagħad ser jippreżenta rapport ta' progress lis-76 Assemblea Dinjija tas-Saħħa fl-2023, bil-għan li l-istrument jiġi adottat sal-2024.