Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 20 ta' Lulju 2023 02:25

Unjoni tas-swieq kapitali: jintlaħaq ftehim proviżorju dwar id-direttiva dwar maniġers ta' fondi ta' investiment alternattivi u fondi ta' investiment konvenzjonali tal-UE

Illum, in-negozjaturi mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim proviżorju dwar regoli ġodda biex itejbu s-swieq kapitali Ewropej u jsaħħu l-protezzjoni tal-investituri fl-UE. Il-ftehim proviżorju jirrevedi d-direttiva dwar maniġers ta' fondi ta' investiment alternattivi, li tirregola l-maniġers ta' fondi spekulattivi, fondi ta' ekwità privata, fondi ta' dejn privat, fondi ta' proprjetà immobbli u fondi ta' investiment alternattivi oħra fl-Unjoni. Jimmodernizza wkoll ir-regoli fil-qafas għall-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS), jiġifieri fondi ta' investiment konvenzjonali għall-konsumatur u armonizzati fil-livell tal-UE bħal fiduċjarji ta' unitajiet u kumpaniji ta' investiment.

In-negozjaturi qablu li jtejbu l-integrazzjoni tas-swieq tal-ġestjoni tal-assi fl-Ewropa u jimmodernizzaw il-qafas għal aspetti regolatorji ewlenin.

Taħt il-ftehim proviżorju, in-negozjaturi ddeċidew li jtejbu d-disponibbiltà tal-għodod ta' ġestjoni tal-likwidità b'rekwiżiti ġodda għall-maniġers biex jipprevedu l-attivazzjoni ta' dawn l-istrumenti. Dan ser jgħin biex jiġi żgurat li l-maniġers tal-fondi jkunu mgħammra sewwa biex jittrattaw flussi ta' ħruġ sinifikanti fi żminijiet ta' taqlib finanzjarju.

Il-Parlament u l-Kunsill laħqu wkoll ftehim proviżorju dwar qafas tal-UE għal fondi li joriġinaw self, jiġifieri fondi li jipprovdu kreditu lill-kumpaniji, supplimentati b'diversi rekwiżiti biex jittaffew ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja u biex jiġi żgurat livell xieraq ta' protezzjoni tal-investituri.

In-negozjaturi qablu wkoll dwar regoli msaħħa għad-delega minn maniġers tal-investiment lil partijiet terzi: dan ser jippermettilhom jisfruttaw aħjar l-aqwa riżorsi mill-ispeċjalisti tas-suq, soġġetti għal superviżjoni msaħħa u l-preservazzjoni tal-integrità tas-suq.

Komponenti ewlenin oħra tal-ftehim jinkludu kondiviżjoni tad-data u kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet, u miżuri ġodda biex jiġu identifikati kostijiet żejda li jistgħu jiġu imposti fuq il-fondi, u b'hekk fuq l-investituri tagħhom, kif ukoll fuq il-prevenzjoni ta' ismijiet qarrieqa possibbli biex l-investituri jiġu protetti aħjar.

Passi li jmiss

Il-ftehim li ntlaħaq illum huwa proviżorju peress li għad irid jiġi kkonfermat mill-Kunsill u l-Parlament qabel ma jkun jista' jiġi adottat formalment.

Informazzjoni ġenerali

Id-direttiva dwar maniġers ta' fondi ta' investiment alternattivi u l-fondi ta' investiment konvenzjonali tal-UE (UCITS, jew impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli) jiffurmaw parti mill-pakkett dwar l-unjoni tas-swieq kapitali li l-Kummissjoni ppreżentat fil-25 ta' Novembru 2021. L-unjoni tas-swieq kapitali hija l-inizjattiva tal-UE biex verament jinħoloq suq uniku għall-kapital fl-UE kollha. Hija għandha l-għan li twassal sabiex ikun hemm fluss ta' investiment u tfaddil madwar l-istati membri kollha għall-benefiċċju taċ-ċittadini, in-negozji u l-investituri.

Il-Kunsill laħaq qbil dwar il-pożizzjoni tiegħu (approċċ ġenerali) rigward il-proposta fis-17 ta' Ġunju 2022. In-negozjati mal-Parlament Ewropew bdew fit-8 ta' Marzu 2023 u ntemmu bil-ftehim proviżorju li ntlaħaq illum.

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 20 ta' Jannar 2025