Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 2 ta' Diċembru 2024 11:35

Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem: l-elenkar imġedded għal sena oħra

Illum il-Kunsill iddeċieda li jestendi u jaġġorna l-lista ta' individwi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, għal sena oħra sat-8 ta' Diċembru 2025.

Bl-aħħar aġġornamenti, il-miżuri restrittivi bħalissa japplikaw għal 116-il persuna u 33 entità.

Dawk iddeżinjati huma soġġetti għal iffriżar tal-assi u l-persuni u l-entitajiet tal-UE huma pprojbiti milli jagħmlu fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi disponibbli għalihom. Barra minn hekk, għall-persuni fiżiċi elenkati tapplika projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar lejn l-UE.

Id-deċiżjoni tal-lum tikkonferma l-impenn tal-UE li tiddenunzja l-ksur u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem kull fejn iseħħu, bl-użu tal-istrumenti kollha, filwaqt li tafferma mill-ġdid li d-drittijiet tal-bniedem huma universali, indiviżibbli, interdipendenti u interrelatati.

Kuntest

Ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem, stabbilit fis-7 ta' Diċembru 2020, jippermetti lill-UE tqiegħed fil-mira individwi, entitajiet u korpi – fosthom atturi statali u mhux statali – li jkunu responsabbli għal ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, involuti fihom jew assoċjati magħhom, madwar id-dinja kollha.

Fl-4 ta' Diċembru 2023, il-Kunsill estenda l-qafas għal miżuri restrittivi skont ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem għal tliet snin, sat-8 ta' Diċembru 2026. L-elenkar taħt ir-reġim jiskadi u jiġi rieżaminat kull 12-il xahar.

L-UE ssegwi l-iżviluppi f'dan il-qasam mill-qrib u, b'riżultat ta' dan, tiżgura li l-listi jinżammu taħt rieżami kontinwu.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 7 ta' April 2025