Kronoloġija - Sanzjonijiet kontra l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem
-
2026
30 ta' LuljuĊentri għall-frodi online: sanzjonijiet ġodda minħabba abbużi tad-drittijiet tal-bniedem
Il-Kunsill iddeċieda li jimponi miżuri restrittivi fuq seba' persuni u tliet entitajiet responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom it-traffikar tal-bnedmin, it-tortura, u trattament krudili, inuman u degradanti ieħor, b'rabta mal-operat ta' ċentri għall-frodi online fix-Xlokk tal-Asja.
L-entitajiet sanzjonati jinkludu l-Prince Holding Group u l-Jin Bei Group (it-tnejn li huma bbażati fil-Kambodja), kif ukoll id-Democratic Karen Benevolent Army, grupp armat Burmiż li jikkontrolla t-territorju fl-Istat ta' Karen tal-Myanmar.
-
2026
13 ta' LuljuPriġunieri Ukreni: sanzjoni ġdida b'rispons għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem
Il-Kunsill iddeċieda li jimponi miżuri restrittivi fuq 15-il individwu u entità waħda responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem kontra priġunieri tal-gwerra u detenuti ċivili Ukreni.
Dawk issanzjonati huma responsabbli għal tortura u trattament krudili, inuman u degradanti ieħor ta' priġunieri tal-gwerra u detenuti ċivili Ukreni fit-territorji Ukreni okkupati u fir-Russja, fost oħrajn fil-kolonja penali nru 10 (Udarny) u l-kolonja penali nru 7 (Pakino).
-
2026
28 ta' MejjuL-UE tadotta aktar sanzjonijiet kontra l-abitanti estremisti Iżraeljani tal-insedjamenti
Il-Kunsill adotta sanzjonijiet addizzjonali mmirati lejn tliet abitanti estremisti Iżraeljani tal-insedjamenti u erba' organizzazzjonijiet li jappoġġawhom.
Huma responsabbli għal abbużi serji u sistematiċi tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-Palestinjani fix-Xatt tal-Punent, inkluż l-abbuż tad-dritt ta' kulħadd li jgawdi l-ogħla standard possibbli ta' integrità fiżika u mentali, id-dritt għall-proprjetà, id-dritt għall-ħajja privata u tal-familja, għal-libertà ta' reliġjon jew twemmin u d-dritt għall-edukazzjoni.
-
2025
4 ta' DiċembruIl-Kunsill jestendi s-sanzjonijiet kontra l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem
Il-Kunsill iddeċieda li jestendi u jaġġorna l-lista ta' individwi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem sat-8 ta' Diċembru 2026.
-
2025
5 ta' SettembruSanzjonijiet ġodda minħabba ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-ċentri ta' detenzjoni fil-Krimea
L-UE imponiet sanzjonijiet kontra Vadim Bulgakov u Aleksei Pikin, responsabbli għat-tortura jew għal trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti fiċ-ċentri ta' detenzjoni tal-Krimea. Is-sanzjonijiet jiġu adottati taħt ir-reġim globali relatat mad-drittijiet tal-bniedem.
-
2025
15 ta' LuljuSanzjonijiet ġodda minħabba ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran
Il-Kunsill impona sanzjonijiet fuq tmien persuni u entità waħda taħt ir-reġim globali ta' sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem.
L-elenkar ta' llum jikkonferma t-tħassib tal-UE dwar ir-repressjoni tranżnazzjonali minn korpi statali Iranjani permezz tal-użu ta' aġenti li jaġixxu għalihom, b'mod partikolari bl-involviment ta' kriminali u networks ta' kriminalità organizzata li għandhom fil-mira tagħhom dissidenti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja, inkluż fit-territorju tal-UE.
-
2025
23 ta' ĠunjuSanzjonijiet ġodda minħabba ksur tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja
Il-Kunsill impona sanzjonijiet fuq ħames individwi responsabbli għal ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja, inkluż l-appoġġ għall-użu ta' armi kimiċi taħt ir-reġim ta' al-Assad, u għall-involviment tagħhom fil-vjolenza reċenti fir-reġjuni kostali.
-
2025
28 ta' MejjuSanzjonijiet ġodda wara l-vjolenza fir-reġjun kostali tas-Sirja
L-UE introduċiet sanzjonijiet ġodda mmirati lejn żewġ individwi u tliet entitajiet taħt ir-reġim globali ta' sanzjonijiet b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem, b'reazzjoni għall-mewġa ta' vjolenza li seħħet fir-reġjun kostali tas-Sirja f'Marzu 2025.
-
2025
23 ta' ĠunjuL-UE taħtar rappreżentant speċjali ġdid għad-drittijiet tal-bniedem
Il-Kunsill ħatar lil Kajsa Ollongren bħala r-rappreżentant speċjali tal-UE għad-drittijiet tal-bniedem.
Ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE l-ġdida ser tkompli l-ħidma tal-predeċessuri tagħha biex tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-pożizzjonijiet tal-UE dwar il-promozzjoni tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali u l-appoġġ għall-ġustizzja kriminali internazzjonali.
-
2024
2 ta' DiċembruIl-Kunsill jestendi s-sanzjonijiet kontra l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem
Il-Kunsill iddeċieda li jestendi u jaġġorna l-lista ta' individwi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem sat-8 ta' Diċembru 2025.
-
2024
22 ta' LuljuL-UE tadotta sanzjonijiet ġodda kontra l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem
Il-Kunsill approva sanzjonijiet ġodda kontra individwi u entitajiet responsabbli għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja, fosthom tortura u vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru sistematika u mifruxa. Id-deċiżjoni ttieħdet fil-qafas tar-reġim globali ta' sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem.
L-individwi sanzjonati jinkludu lil:
- Abdel Karim Mohammad Ibrahim, kap kmandant tal-armata Sirjana, u Ali Mahmoud Abbas, eks Ministru għad-Difiża tas-Sirja u viċi kap kmandant tal-armata Sirjana
- Ri Chang Dae, Ministru għas-Sigurtà tal-Istat tar-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea
- Evgeniy Sobolev, il-kap tal-hekk imsejjaħ "servizz penitenzjarju", installat minn Moska fl-oblast temporanjament okkupat ta' Kherson fl-Ukrajna
-
2024
15 ta' LuljuL-UE tadotta sanzjonijiet kontra abitanti estremisti tal-insedjamenti u attivisti vjolenti mill-Iżrael
L-UE adottat sanzjonijiet kontra l-individwi u l-entitajiet responsabbli għal abbużi serji u sistematiċi tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-Palestinjani fix-Xatt tal-Punent, inkluż l-abbużi tad-dritt ta' kulħadd li jgawdi l-ogħla standard possibbli ta' integrità fiżika u mentali, id-dritt għall-proprjetà, id-dritt għall-ħajja privata u tal-familja, għal-libertà ta' reliġjon jew twemmin u d-dritt għall-edukazzjoni.
Is-sanzjonijiet huma mmirati wkoll lejn grupp Iżraeljan ta’ attivisti vjolenti li jimblukkaw trakkijiet tal-provvista li jwasslu għajnuna umanitarja, inkluż ikel, ilma u fjuwil, lil Gaża.
-
2024
19 ta' AprilL-UE tadotta sanzjonijiet kontra abitanti estremisti ta' insedjamenti fix-Xatt tal-Punent okkupat u f'Ġerusalemm tal-Lvant
Il-Kunsill iddeċieda li jimponi sanzjonijiet fuq żewġ entitajiet u erba' individwi, responsabbli għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-Palestinjani, inkluż tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra u għall-ksur indiskriminat tad-dritt għall-proprjetà u għall-ħajja privata u tal-familja tal-Palestinjani fix-Xatt tal-Punent.
L-entitajiet elenkati huma:
- Lehava, grupp suprematist Lhudi tal-lemin radikali
- Hilltop Youth, gupp radikali taż-żgħażagħ li jikkonsisti minn membri magħrufa għal atti vjolenti kontra l-Palestinjani u l-irħula tagħhom fix-Xatt tal-Punent
Din id-deċiżjoni ttieħdet fil-kuntest tar-reġim globali ta' sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem.
-
2024
12 ta' AprilL-UE tadotta sanzjonijiet kontra l-Ħamas u l-Ġiħad Iżlamika tal-Palestina
Il-Kunsill iddeċieda li jelenka tliet entitajiet b’rispons għall-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru mifruxa mwettqa matul l-attakki terroristiċi brutali u indiskriminati li seħħew madwar Iżrael fis-7 ta’ Ottubru 2023:
- il-Brigati Al-Quds, il-fergħa armata tal-organizzazzjoni identifikata mill-UE bħala waħda terroristika, il-Ġiħad Iżlamika tal-Palestina
- il-Forza Nukhba, unità tal-forzi speċjali tal-organizzazzjoni identifikata mill-UE bħala waħda terroristika, il-Ħamas
- il-Brigati Qassam, il-fergħa militari tal-Ħamas
Din id-deċiżjoni ttieħdet fil-kuntest tar-reġim globali ta' sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem.
-
2024
22 ta' MarzuL-UE timponi sanzjonijiet ġodda relatati mal-mewt ta' Alexei Navalny
Il-Kunsill iddeċieda li jimponi miżuri restrittivi kontra 33 persuna u żewġ entitajiet marbuta mal-mewt għall-għarrieda f'kolonja penali stretta tal-politiku tal-oppożizzjoni Russu Alexei Navalny. Din id-deċiżjoni ttieħdet fil-qafas tar-reġim globali ta' sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem.
L-elenkar il-ġdid jinkludi l-kolonji penali fejn Alexei Navalny inżamm minn Ġunju 2022 sa mewtu:
- il-kolonja korrettiva IK-6
- il-kolonja korrettiva ta' sigurtà massima IK-3
Iż-żewġ kolonji huma magħrufa għall-eżerċizzju ta' pressjoni fiżika u psikoloġika, iżolament totali, tortura u vjolenza fuq il-priġunieri. Il-Kap tal-IK-3, Vadim Kalinin, u diversi viċi kapijiet tal-kolonja ġew sanzjonati wkoll.
Barra minn hekk, il-Kunsill iddeċieda li jinkludi membri tal-ġudikatura u uffiċjali ta' livell għoli fis-sistema penitenzjarja u fil-Ministeru għall-Ġustizzja.
-
2024
29 ta' JannarIr-Russja: L-UE timponi sanzjonijiet ġodda b'rabta ma' ksur tad-drittijiet tal-bniedem
Il-Kunsill approva miżuri restrittivi kontra erba' persuni u entità waħda taħt ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-Unjoni Ewropea b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem, fid-dawl tad-deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja.
L-elenkar il-ġdid jinkludi tliet persuni impjegati fis-sistema ġudizzjarja Russa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż arresti u detenzjonijiet arbitrarji, b'mod partikolari b'rabta mal-każ tal-politiku tal-oppożizzjoni, l-attivist tad-demokrazija u l-kritiku li ma jibżax jikkritika lill-Kremlin bla tlaqliq Vladimir Kara-Murza.
L-elenkar jinkludi wkoll is-Safe Internet League Para-governattiva Russa li tgħin lill-gvern Russu fl-infurzar ta' prattiki ta' ċensura, flimkien ma' Ekaterina Mizulina, il-President tas-Safe Internet League, responsabbli għal abbużi serji u sistematiċi tal-libertà ta' opinjoni u espressjoni.
-
2023
7 ta' MarzuVjolenza kontra n-nisa u l-bniet: sanzjonijiet tal-UE kontra 9 individwi u 3 entitajiet
Il-Kunsill iddeċieda li jimponi miżuri restrittivi fuq disa' individwi u tliet entitajiet fid-dawl tar-rwol tagħhom fit-twettiq ta' ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru.
Din l-azzjoni tafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tal-UE li tippromwovi u tħares id-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja. Dawk li ser jiżdiedu mal-lista jinkludu:
- żewġ aġenti ministri tat-Taliban għall-edukazzjoni għolja u għall-propagazzjoni tal-virtù u l-prevenzjoni tal-vizzji, li huma responsabbli għal digrieti li jipprekludu lin-nisa mill-edukazzjoni għolja u għal prattiki ta' segregazzjoni tal-ġeneru fl-ispazji pubbliċi
- uffiċjali tal-Istazzjon tal-Pulizija ta' Moska li huma responsabbli għal arresti u detenzjonijiet arbitrarji, kif ukoll tortura u trattament krudili, inuman u degradanti ieħor fil-kuntest taċ-ċensura u l-oppressjoni mmexxija mill-awtoritajiet Russi. Fil-mira tal-lista hemm ukoll membri ta' kariga għolja fil-forzi armati Russi, li l-unitajiet tagħhom ipparteċipaw b'mod sistematiku f'atti ta' vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru fl-Ukrajna f'Marzu/April 2022, fil-kuntest tal-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna
- uffiċjali tal-gvern fil-kmand tal-milizzji tas-Sudan t'Isfel li huma responsabbli għall-użu mifrux u sistematiku tal-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru bħala tattika tal-gwerra fil-pajjiż
- il-viċi ministru għall-affarijiet interni fil-Myanmar/Burma
- il-ħabs ta' Qarchak fl-Iran, il-gwardja repubblikana Sirjana u l-uffiċċju tal-kap tal-affarijiet tas-sigurtà militari fil-Myanmar/Burma li huma sanzjonati fid-dawl tar-rwoli tagħhom fi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem b'rabta mal-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru
L-individwi u l-entitajiet elenkati issa ser jiġu soġġetti għall-iffriżar tal-assi fl-UE. Barra minn hekk, l-individwi elenkati ser jiġu soġġetti għal projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar lejn l-UE. Barra minn hekk, persuni u entitajiet fl-UE ser jiġu pprojbiti milli jagħmlu fondi disponibbli, direttament jew indirettament, lil dawk li ġew elenkati.
-
2023
25 ta' FrarIl-Grupp Wagner: il-Kunsill iżid 11-il individwu u 7 entitajiet mal-listi ta' sanzjonijiet tal-UE
Il-Kunsill iddeċieda li jimponi aktar miżuri restrittivi kontra individwi u entitajiet marbuta mal-Grupp Wagner fid-dawl tad-dimensjoni internazzjonali u l-gravità tal-attivitajiet tal-grupp, kif ukoll l-impatt destabbilizzanti tiegħu fuq il-pajjiżi fejn huwa attiv.
Il-Grupp Wagner huwa entità militari privata mhux inkorporata bbażata fir-Russja, preżenti f’diversi pajjiżi, inkluż:
- l-Ukrajna
- il-Libja
- ir-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA)
- il-Mali
- is-Sudan
B’mod partikolari, il-Kunsill iddeċieda li jelenka tmien individwi u seba’ entitajiet taħt ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem responsabbli għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Ċentru-Afrikana u fis-Sudan jew involuti fihom, kif ukoll individwu wieħed taħt ir-reġim ta’ sanzjonijiet b'rabta mal-Mali responsabbli għal azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà, jew l-istabbiltà tal-Mali.
Ġew elenkati wkoll żewġ individwi b'rabta ma' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.
-
2023
20 ta' FrarIran: l-UE timponi aktar miżuri restrittivi kontra 32 individwu u 2 entitajiet responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem
Il-Kunsill iddeċieda li jżid 32 individwu u 2 entitajiet mal-lista ta' dawk soġġetti għal miżuri restrittivi fil-kuntest tar-reġim eżistenti ta' sanzjonijiet b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.
Fost il-persuni elenkati hemm:
- il-Ministru Iranjan għall-Kultura u l-Gwida Iżlamika u l-Ministru għall-Edukazzjoni
- il-viċi kmandant u kelliem tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC)
- il-kofundaturi ta' Ravin Academy elenkata mill-UE
- il-membri tal-parlament Iranjan li jappoġġaw ir-repressjoni vjolenti
- il-membri tal-pulizija, il-ġudikatura f'diversi partijiet tal-pajjiż, u l-gwardjani u d-diretturi ta' ħabsijiet
Dawn id-deżinjazzjonijiet huma mmirati wkoll lejn il-Fondazzjoni ta' Kooperazzjoni tal-Forzi tal-Infurzar tal-Liġi (LEF) u l-Istitut tax-Xjenza l-Istudji Soċjali tal-Pulizija.
-
2023
20 ta' FrarIl-Myanmar/Burma: l-UE timponi s-sitt ċiklu ta' sanzjonijiet kontra 9 individwi u 7 entitajiet
Sentejn wara l-kolp ta' stat militari li sar fil-Myanmar/Burma fl-1 ta' Frar 2021, il-Kunsill adotta miżuri restrittivi kontra 9 persuni u 7 entitajiet fid-dawl:
- tal-eskalazzjoni kontinwa tal-vjolenza
- tal-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem
- tat-theddid għall-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà fil-Myanmar/Burma
-
2023
23 ta' JannarIran: l-UE tadotta aktar miżuri restrittivi kontra l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem
Il-Kunsill iddeċieda li jżid 18-il individwu u 19-il entità mal-lista ta' dawk soġġetti għal miżuri restrittivi fil-kuntest tar-reġim eżistenti ta' sanzjonijiet b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.
Dan huwa fid-dawl tar-rwol tagħhom fl-użu mifrux u sproporzjonat tal-forza kontra dimostranti mhux vjolenti wara l-mewt ta' Mahsa Amini.
Fost il-persuni elenkati hemm:
- rappreżentanti tal-gvern u tal-parlament Iranjan (Majles)
- figuri politiċi u tal-media importanti
- membri għolja tal-forzi tas-sigurtà Iranjani, inkluż tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika tal-Iran (IRGC)
-
2022
12 ta' DiċembruIran: EU adopts additional sanctions against perpetrators of serious human rights violations
The Council added 20 individuals and one entity to the list of those subject to restrictive measures in the context of the existing Iran human rights sanctions regime.
This is in view of the role of these individuals in the death of Mahsa Amini and the violent response to the unacceptable repression of the ongoing protests in Iran.
-
2022
14 ta' NovembruIran: l-UE tissanzjona l-awturi ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem
Il-Kunsill żied 29 individwu addizzjonali u tliet entitajiet oħra mal-lista ta' dawk soġġetti għal miżuri restrittivi fil-kuntest tar-reġim eżistenti ta' sanzjonijiet b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran. Il-lista ta' dawk soġġetti għal miżuri restrittivi tal-UE fil-kuntest tar-reġim eżistenti ta' sanzjonijiet b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran issa tinkludi total ta' 126 individwu u 11-il entità.
-
2022
17 ta' OttubruIran: l-UE tissanzjona l-awturi ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem
Il-Kunsill żied ħdax-il individwu u erba' entitajiet mal-lista ta' dawk soġġetti għal miżuri restrittivi fil-kuntest tar-reġim eżistenti ta' sanzjonijiet b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran. Dan huwa fid-dawl tar-rwol tagħhom fil-mewt ta' Mahsa Amini u r-rispons vjolenti għad-dimostrazzjonijiet reċenti fl-Iran.
-
2022
25 ta' SettembruIran: EU defends the right to peaceful protest
Women and men across Iran have exercised their fundamental right to assemble and protest, following the death of Mahsa Amini. Concern has been raised that the response of the Iranian security and police forces has been disproportionate and resulted in the loss of lives as well as a large number of injuries.
For the European Union and its member states, the widespread and disproportionate use of force against nonviolent protestors is unjustifiable and unacceptable. People in Iran, as anywhere else, have the right to peaceful protest. That right must be ensured in all circumstances.
The decision to severely restrict internet access by the relevant Iranian authorities and to block instant messaging platforms blatantly violates freedom of expression.
-
2020
7 ta' OttubruL-UE tadotta reġim ta' sanzjonijiet globali b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem
Il-Kunsill adotta deċiżjoni u regolament li jistabbilixxu reġim ta' sanzjonijiet globali b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem.
L-UE qed tgħammar lilha nnifisha b'qafas li jippermettilha tolqot lil dawk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u abbużi madwar id-dinja, jew li kienu involuti fihom jew assoċjati magħhom, irrispettivament minn fejn seħħew u jekk humiex
- individwi
- entitajiet
- korpi
Tali miżuri restrittivi ser jipprevedu projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar li tapplika għall-individwi, u l-iffriżar ta' fondi li japplika kemm għall-individwi kif ukoll għall-entitajiet.
Barra minn hekk, persuni u entitajiet fl-UE mhux ser jitħallew jqiegħdu fondi għad-dispożizzjoni ta' dawk elenkati, kemm b'mod dirett kif ukoll indirett.
L-aħħar reviżjoni: 30 ta' Lulju 2026