"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur

Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (Impjiegi u Politika Soċjali), 2 ta' Diċembru 2024

Riżultati ewlenin

Il-ġlieda kontra t-traineeships inġusti

Il-presidenza Ungeriża fittxet qbil dwar il-pożizzjoni ta' negozjar tal-Kunsill ("approċċ ġenerali") għad-"direttiva dwar it-traineeships", li għandha l-għan li ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol għat-trainees u tipprevjeni lill-impjegaturi milli jaħbu r-relazzjonijiet ta' impjieg bħala traineeships.

Għalkemm għadd ta' stati membri kienu lesti jappoġġaw it-test kif inhu bħalissa, oħrajn ħassew li kien meħtieġ aktar żmien biex jiġu diskussi kwistjonijiet pendenti. B'riżultat ta' dan, il-Kunsill ser ikompli jaħdem fuq il-proposta taħt il-presidenza Pollakka.

Il-presidenza ppreżentat ukoll rapport ta' progress dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar qafas ta' kwalità msaħħaħ għat-traineeships, li jitlob li t-trainees kollha jitħallsu b'mod ġust, ikollhom aċċess għal protezzjoni soċjali adegwata u jingħataw mentor.

Soluzzjonijiet komprensivi għall-isfidi demografiċi

Il-Kunsill kellu dibattitu ta' orjentazzjoni dwar is-suġġett ta' soluzzjonijiet komprensivi għall-isfidi demografiċi. Id-dibattitu kopra żewġ oqsma ta' prijorità ewlenin: l-appoġġ lill-ġenituri fl-isfidi demografiċi urġenti tal-lum, u l-mobilizzazzjoni tal-potenzjal mhux sfruttat tal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ u dawk akbar fl-età.

Il-ministri tkellmu biex jiddiskutu wħud mill-aktar sfidi demografiċi urġenti f'pajjiżhom, bħal popolazzjoni li qed tixjieħ u rata baxxa ta' twelid, u esploraw uħud mill-kawżi ewlenin ta' dawn l-isfidi, b'mod partikolari d-diffikultajiet rigward il-bidu ta' ħajja indipendenti u ta' familja.

Qasmu wkoll eżempji ta' miżuri li ħadu biex jindirizzaw l-isfidi demografiċi, inkluż arranġamenti tax-xogħol flessibbli u miżuri biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-appoġġ finanzjarju u l-ħelsien mit-taxxa għall-ġenituri u għal persuni li jindukraw, tagħlim tul il-ħajja għal persuni akbar fl-età, akkomodazzjoni aktar aċċessibbli u affordabbli, faċilitajiet ta' indukrar tat-tfal ta' kwalità għolja u aktar aċċessibbli, u t-trawwim tas-solidarjetà interġenerazzjonali.

Nuqqas ta' ħaddiema u ħiliet fl-UE

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar in-nuqqas ta' ħaddiema u ħiliet fl-UE, b'enfasi fuq il-mobilizzazzjoni tal-potenzjal tax-xogħol mhux sfruttat. Il-konklużjonijiet huma segwitu tal-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni minn Marzu 2024 u jiffukaw fuq tnejn mill-ħames oqsma għal azzjoni identifikati: l-għajnuna lil persuni sottorappreżentati jaċċessaw is-suq tax-xogħol, u appoġġ għall-ħiliet, it-taħriġ u l-edukazzjoni.

Jeħtieġ li l-UE tindirizza n-nuqqas ta' ħaddiema u ħiliet jekk irridu nibqgħu fuq quddiem nett tal-kompetittività, l-innovazzjoni u t-tkabbir sostenibbli. Il-miżuri proposti fil-konklużjonijiet tal-lum mhux biss ser jgħinu biex jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet, iżda ser jippermettu wkoll li l-gruppi sottorappreżentati jaċċessaw is-suq tax-xogħol u jkollhom aktar awtonomija ekonomika.

Márton Nagy, Ministru tal-Ungerija għall-Ekonomija Nazzjonali

Semestru Ewropew 2025

Fil-kuntest taċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew 2025, il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-prijoritajiet futuri fl-oqsma tal-impjiegi u l-politika soċjali fil-livell tal-UE, inkluż l-iżviluppi reċenti relatati mal-qafas ta' konverġenza soċjali.

Barra minn hekk, il-Kunsill:

  • adotta l-linji gwida għall-politiki tal-istati membri dwar l-impjiegi, ippreżentati mill-Kummissjoni f'Ġunju 2024 bħala parti mill-pakkett tar-rebbiegħa tas-Semestru Ewropew
  • ħa nota tal-preżentazzjoni mill-presidenti tal-Kumitat tal-Impjiegi (EMCO) u tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (KPS) dwar il-valutazzjoni tal-Qafas ta' Konverġenza Soċjali (SCF)
  • approva l-messaġġi ewlenin li jirriżultaw mir-rieżami tal-EMCO tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-2022 dwar il-kontijiet individwali tal-apprendiment

L-inklużjoni soċjali tal-persuni b'diżabilità

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar it-trawwim tal-inklużjoni soċjali tal-persuni b'diżabilità permezz ta' impjieg, akkomodazzjoni raġonevoli u riabilitazzjoni.

Il-konklużjonijiet ikomplu bil-momentum ta' żviluppi reċenti fil-livell tal-UE relatati mad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità, inkluż id-direttivi adottati reċentement dwar il-Kard Ewropea tad-Diżabilità u l-Kard Ewropea għall-Parkeġġ għal persuni b'diżabilità.

Il-Kunsill jenfasizza l-benefiċċji tal-parteċipazzjoni fl-impjieg bħala mod kif tiġi ffaċilitata l-inklużjoni soċjali tal-persuni b'diżabilità.

L-UE għamlet progress konsiderevoli f'dawn l-aħħar ftit snin fir-rigward tal-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità, kif attestat mid-direttivi adottati reċentement dwar il-Kard Ewropea tad-Diżabilità u l-Kard Ewropea għall-Parkeġġ għall-persuni b'diżabilità. Il-konklużjonijiet tal-lum jibnu fuq dak il-momentum, b'enfasi fuq id-dritt tal-persuni b'diżabilità li jaċċessaw l-impjiegi bħala rotta għall-awtonomija ekonomika u l-inklużjoni soċjali.

Ádám Kósa, Ministru tal-Istat tal-Ungerija għad-Diżabilità

Il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali billi jitnaqqsu l-inugwaljanzi territorjali

Il-Kunsill approva l-konklużjonijiet dwar it-titjib tal-aċċess għal servizzi li jippromwovu l-inklużjoni soċjali ta' persuni f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali, inkluż ir-Rom, billi jitnaqqsu l-inugwaljanzi territorjali.

Il-konklużjonijiet iħeġġu lill-pajjiżi tal-UE jiżguraw li ċ-ċittadini kollha, inkluż ir-Rom, ikollhom aċċess ugwali għal servizzi abilitanti ta' kwalità u għas-servizzi tal-impjiegi. Huma jistabbilixxu firxa ta' miżuri potenzjali biex jintlaħaq dan l-għan, bħal pjanijiet ta' azzjoni bbażati fuq il-post, aċċess għat-teknoloġija diġitali, u identifikazzjoni u mmappjar aħjar tat-territorji żvantaġġati.

Is-saħħa mentali tan-nisa u l-bniet

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar it-tisħiħ tas-saħħa mentali tan-nisa u tal-bniet bil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Il-konklużjonijiet ikopru firxa wiesgħa ta' miżuri, bħall-inkorporazzjoni ta' perspettiva tal-ġeneru fit-tfassil tal-politiki tas-saħħa mentali, il-ġlieda kontra l-forom kollha ta' vjolenza u sterjotipi tal-ġeneru, u s-sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tal-implimentazzjoni f'waqtha u korretta tal-leġiżlazzjoni reċenti dwar it-trattament ugwali.

Il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar l-iżgurar tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għall-ġenerazzjonijiet kollha fil-kuntest ta' sfidi demografiċi.

Il-miżuri proposti jinkludu t-tisħiħ tas-servizzi tal-kura formali, l-introduzzjoni ta' arranġamenti tax-xogħol flessibbli, u l-ġlieda kontra l-etaiżmu u l-promozzjoni tas-solidarjetà interġenerazzjonali.

Affarijiet oħra

Is-suġġetti li ġejjin ġew diskussi taħt "affarijiet oħra":

Proposti leġiżlattivi attwali (informazzjoni mill-presidenza):

  • Regolament dwar l-istatistika tas-suq tax-xogħol tal-Unjoni Ewropea dwar in-negozji

Proposti leġiżlattivi attwali (informazzjoni mill-Kummissjoni):

  • Regolament dwar interfaċċa pubblika konnessa mas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern għad-dikjarazzjoni tal-postazzjoni tal-ħaddiema

Avvenimenti tal-presidenza (informazzjoni mill-presidenza):

  • Laqgħa informali tal-ministri għall-impjiegi u l-affarijiet soċjali
  • Laqgħa informali tal-ministri responsabbli mid-demografija
  • Konferenzi ta' livell għoli

Summit soċjali tripartitiku (informazzjoni mill-presidenza u l-Kummissjoni)

Trattament ugwali u diskriminazzjoni intersezzjonali (informazzjoni mill-presidenza)

Rapporti tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġiji għall-ugwaljanza (informazzjoni mill-Kummissjoni)

  • Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Ġlieda kontra r-Razziżmu 2020-2025
  • Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-oqfsa strateġiċi nazzjonali għar-Rom
  • Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija dwar l-ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025

Programm ta' ħidma tal-presidenza li jmiss (informazzjoni mill-Polonja)

Għodod diġitali għall-promozzjoni tal-moviment liberu u ġust tal-ħaddiema fl-UE (informazzjoni mid-Danimarka, appoġġata mill-Belġju, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, il-Kroazja, in-Netherlands u s-Slovenja)

Forum Soċjali ta' Porto 2025 (informazzjoni mill-Portugall)

Stħarriġ tal-UE dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru (informazzjoni mill-Kummissjoni)

Ikla ta' nofsinhar informali

Sar dibattitu informali waqt l-ikla ta' nofsinhar dwar is-suġġett "l-indirizzar tad-diskrepanzi fil-ħiliet għal tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ta' suċċess lejn impjiegi ta' kwalità għolja fis-suq tax-xogħol".


Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr diskussjoni l-punti li jidhru fil-listi ta' punti A leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025