- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 18 ta' Lulju 2025 09:57
Simplifikazzjoni: il-Kunsill jadotta liġi li "twaqqaf l-arloġġ" dwar ir-regoli tad-diliġenza dovuta għall-batteriji
Illum il-Kunsill adotta liġi ġdida biex jiġu ffaċilitati r-regoli tal-UE u b'hekk tingħata spinta lill-kompetittività tal-UE fil-qasam tal-batteriji. L-għan ewlieni huwa li d-data tal-applikazzjoni tal-obbligi rilevanti tad-diliġenza dovuta tiġi posposta b'sentejn, sat-18 ta' Awwissu 2027, biex il-produtturi u l-esportaturi tal-batteriji jingħataw aktar żmien biex iħejju ruħhom.
Ir-regolament il-ġdid huwa parti mill-hekk imsejjaħ pakkett "Omnibus IV". Il-pakketti Omnibus huma parti mill-isforz usa' tal-UE biex tappoġġa l-kompetittività industrijali billi tnaqqas il-kumplessità regolatorja.
Skont ir-regolament tal-UE dwar il-batteriji, adottat fl-2023, il-produtturi tal-batteriji huma obbligati jistabbilixxu politiki ta' diliġenza dovuta, u minn żmien għal żmien jitolbu korp ta' verifika terz biex jivverifikahom u jawditjahom, u jirrapportaw pubblikament dwar il-prattiki ta' diliġenza dovuta tagħhom biex jipprevjenu jew inaqqsu l-impatti negattivi tal-batteriji fuq l-ambjent, inkluż il-ġestjoni tal-iskart tagħhom.
Il-liġi l-ġdida tipprovdi żmien addizzjonali lill-produtturi tal-batteriji u lill-esportaturi biex jikkonformaw ma' dawn ir-regoli l-ġodda dwar id-diliġenza dovuta ambjentali. Il-posponiment ser joffri wkoll aktar żmien biex jitwaqqfu korpi ta' verifika ta' partijiet terzi peress li ġew identifikati diversi problemi bil-proċess ta' awtorizzazzjoni tagħhom.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ser tkun meħtieġa tippubblika l-linji gwida dwar id-diliġenza dovuta sena qabel ma l-obbligi jidħlu fis-seħħ biex tagħti gwida f'waqtha lin-negozji u tgħin biex tiġi żgurata implimentazzjoni aktar faċli tar-regoli l-ġodda.
Il-passi li jmiss
L-att leġiżlattiv ser jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE fil-jiem li ġejjin u ser jidħol fis-seħħ l-għada ta' din il-pubblikazzjoni.
Kuntest
F'Ottubru 2024, il-Kunsill Ewropew appella lill-istituzzjonijiet tal-UE, l-istati membri u l-partijiet ikkonċernati kollha biex jagħtu prijorità lill-progress fil-ħidma, b'mod partikolari b'rispons għall-isfidi identifikati fir-rapporti minn Enrico Letta ("Much more than a market") u Mario Draghi ("The future of European competitiveness"). Id-dikjarazzjoni ta' Budapest tat-8 ta' Novembru 2024 imbagħad appellat biex titnieda "rivoluzzjoni ta' simplifikazzjoni", billi jiġi żgurat qafas regolatorju ċar, sempliċi u intelliġenti għan-negozji u biex il-piżijiet amministrattivi, regolatorji u ta' rappurtar, b'mod partikolari għall-SMEs, jitnaqqsu drastikament.
Fl-20 ta' Marzu 2025 il-mexxejja tal-UE ħeġġew lill-koleġiżlaturi biex b'livell għoli ta' ambizzjoni jagħtu prijorità lill-progress fil-ħidma fuq dawn il-pakketti Omnibus dwar is-simplifikazzjoni, bl-għan li jiffinalizzawhom mill-aktar fis possibbli fl-2025.
Il-pakkett "Omnibus IV" fih ukoll proposti għal direttiva u għal regolament dwar il-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja, simplifikazzjoni ta' ċerti obbligi tal-protezzjoni tad-data għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u kumpaniji żgħar b'kapitalizzazzjoni medja (SMCs), u proposti għal direttiva u regolament dwar id-diġitalizzazzjoni u l-allinjament tal-ispeċifikazzjonijiet komuni li jemendaw 20 att leġiżlattiv tal-UE dwar il-prodotti skont ir-regoli tas-suq uniku.
- Regolament li jemenda r-Regolament (UE) 2023/1542 fir-rigward tal-obbligi tal-operaturi ekonomiċi li jikkonċernaw il-politiki ta' diliġenza dovuta tal-batteriji (Omnibus IV), 18 ta' Lulju 2025
-
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin:
-
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin:
- Regolament fir-rigward tal-obbligi tal-operaturi ekonomiċi li jikkonċernaw il-politiki tad-diliġenza dovuta tal-batteriji, proposta tal-Kummissjoni, 21 ta' Mejju 2025
Lejn katina ta' provvista sostenibbli, ċirkolari u Ewropea għall-batteriji
Kuntatti għall-istampa
-
Dimosthenis Mammonas Press officer
- +32 477 61 20 77
- +32 2 281 2504
- @dimos_mammonas
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 23 ta' Lulju 2025