Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ġenerali

Kunsill Affarijiet Ġenerali, 18 ta' Lulju 2025

Riżultati ewlenin

Il-ministri responsabbli għall-affarijiet Ewropej iltaqgħu fi Brussell biex jisimgħu preżentazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-ewwel pakkett ta' proposti tagħha dwar il-baġit fit-tul tal-UE għal wara l-2027 (Qafas Finanzjarju Pluriennali, QFP) u kellhom dibattitu ta' politika. Il-Kunsill iddiskuta wkoll it-talba minn Spanja biex il-Katalan, il-Bask u l-Galizjan jiġu inklużi fost il-lingwi uffiċjali tal-UE.

<p>Marie Bjerre, Ministru għall-Affarijiet Ewropej tad-Danimarka</p>

Ninsab kuntenta ħafna li l-Kummissjoni issa ppreżentat il-proposta tagħha għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, u bl-ewwel diskussjoni impenjattiva llum fil-Kunsill Affarijiet Ġenerali. Il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss irid iwieġeb għall-isfidi li qed niffaċċjaw issa u fis-snin li ġejjin - l-istatus quo mhuwiex opzjoni. Jeħtieġ li nistabbilixxu perkors ambizzjuż u responsabbli għall-Ewropa – UE b'saħħitha, reżiljenti u kompetittiva. Dan jeħtieġ ukoll approċċ ġdid għall-baġit tal-UE. Hemm ħafna x'jiġi diskuss, u huwa importanti li nagħmlu kemm jista' jkun progress jekk irridu nevitaw dewmien u nkunu lesti li nimplimentaw baġit tal-UE ġdid, effettiv u modern mill-2028.

<p>Marie Bjerre, Ministru għall-Affarijiet Ewropej tad-Danimarka</p>

Marie Bjerre, Ministru għall-Affarijiet Ewropej tad-Danimarka

Baġit fit-tul tal-UE għal wara l-2027 (QFP)

Il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill l-ewwel pakkett ewlieni ta' proposti tagħha dwar il-baġit fit-tul (QFP) tal-UE għall-2028–2034 li jammonta għal kważi €2 triljuni u l-ministri kellhom skambju inizjali ta' fehmiet. Il-Kummissjoni enfasizzat li aktar flessibbiltà fil-baġit kollu tippermetti lill-UE taġixxi – u tirreaġixxi – malajr meta ċ-ċirkostanzi jinbidlu b'mod mhux mistenni jew meta jkun jeħtieġ li jiġu indirizzati prijoritajiet ta' politika ġodda. Il-proposta tinkludi wkoll programmi finanzjarji aktar sempliċi, simplifikati u armonizzati, sabiex iċ-ċittadini u l-kumpaniji jkunu jistgħu faċilment isibu u jaċċessaw opportunitajiet ta' finanzjament. Il-baġit propost huwa mfassal għall-ħtiġijiet lokali, bi Pjanijiet ta' Sħubija Nazzjonali u Reġjonali għal impatt immirat fejn ikun l-aktar importanti, għall-investimenti u r-riformi skont l-objettivi tal-UE, u l-iżgurar ta' appoġġ għal aktar koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali madwar l-UE. Barra minn hekk, qed jiġi propost Fond għall-Kompetittività ġdid biex l-Ewropa tiżgura l-ktajjen tal-provvista, iżżid l-innovazzjoni u tmexxi t-tellieqa globali għal teknoloġija nadifa u intelliġenti. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tipproponi pakkett ta' riżorsi proprji ġodda bl-għan li jiġi żgurat dħul adegwat għall-prijoritajiet tal-UE filwaqt li tiġi minimizzata l-pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi nazzjonali.

L-iskambju ta' fehmiet li rriżulta bejn il-ministri mmarka l-bidu tad-diskussjonijiet fil-Kunsill dwar il-QFP il-ġdid. Ser isiru diskussjonijiet regolari fil-Kunsill Affarijiet Ġenerali (KAĠ) matul il-presidenza Daniża bil-ħsieb li jiġi żgurat kemm jista' jkun progress biex jiġu ggwidati aktar negozjati dwar il-proposta. L-intenzjoni tal-presidenza hija għalhekk li terġa' lura għall-KAĠ għat-tieni diskussjoni aktar fil-fond dwar il-QFP il-ġdid f'Ottubru.

Il-Katalan, il-Bask u l-Galizjan

Il-Kunsill iddiskuta t-talba minn Spanja biex il-Katalan, il-Bask u l-Galizjan jiġu inklużi fost il-lingwi uffiċjali tal-UE. Il-ministri kellhom skambju kostruttiv ta' fehmiet u ddeċidew li jkomplu jaħdmu fuq it-talba Spanjola biex jiġi emendat ir-regolament Nru 1/1958, li jirregola r-reġim lingwistiku tal-UE. Il-Kunsill Affarijiet Ġenerali ser jibqa' jsegwi l-kwistjoni.

Affarijiet oħra

Il-Kunsill ħa nota tal-informazzjoni pprovduta mill-Presidenza Daniża dwar kif l-aġenda ta' simplifikazzjoni ser tiġi riflessa fl-aġendi ta' formazzjonijiet differenti tal-Kunsill, b'mod partikolari l-Kunsill Affarijiet Ġenerali, il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji u l-Kunsill Kompetittività.

Punti oħra

Il-Kunsill adotta mingħajr diskussjoni t-18-ilpakkett ta' miżuri ekonomiċi u individwali fir-rigward tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr diskussjoni l-atti leġiżlattivi li ġejjin:

  • emenda għad-Direttiva tal-VAT biex jiġu inċentivati fornituri u pjattaformi ta' pajjiżi terzi biex jużaw il-punt uniku ta' servizz tal-VAT għall-importazzjoni, li jiffaċilita l-ġbir tal-VAT u jtejjeb il-konformità
  • emenda għar-regolament dwar l-obbligi tal-operaturi ekonomiċi rigward politiki ta' diliġenza dovuta tal-batteriji, bħala parti mill-pakkett ta' simplifikazzjoni "Omnibus IV",
  • ir-regolament dwar tnedija progressiva tal-operazzjonijiet tas-sistema ta' ġestjoni diġitali tad-Dħul/Ħruġ mill-fruntieri (EES), u
  • emenda għar-regolament dwar il-ħżin tal-gass biex tiġi ssalvagwardata l-provvista tal-gass tal-UE għax-xitwa

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ġenerali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 7 ta' Jannar 2026