"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
L-ewwel summit bejn l-UE u l-Eġittu ser isir fi Brussell fit-22 ta' Ottubru
Il-President tal-Kunsill Ewropew, António Costa, flimkien mal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, ser jirrappreżentaw lill-UE fis-summit bejn l-UE u l-Eġittu li ser isir għall-ewwel darba fi Brussell fit-22 ta' Ottubru 2025. Il-President Abdul Fattah al-Sisi ser jirrappreżenta lill-Eġittu.
Is-summit ser jiffoka fuq ir-relazzjonijiet bilaterali u l-approfondiment ulterjuri tas-sħubija politika u ekonomika, kif tinsab fis-Sħubija Strateġika u Komprensiva bejn l-UE u l-Eġittu, bil-għan li jitrawmu l-istabbiltà, il-paċi u l-prosperità kondiviżi tagħhom. Il-mexxejja ser jiddiskutu wkoll l-isfidi dinjija tal-lum, fosthom is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, l-Ukrajna, il-multilateraliżmu, il-kummerċ, il-migrazzjoni u s-sigurtà.
Wara s-summit ser ikun hemm ikla informali li għaliha ser ikunu mistednin il-kapijiet ta' stat jew ta' gvern.
L-Eġittu huwa sieħeb strateġiku għall-Unjoni Ewropea. Ir-rabtiet li ilhom jeżistu bejnietna għandhom l-għeruq tagħhom fi storja, ġeografija u kultura kondiviżi, kif ukoll fir-rabtiet b'saħħithom bejn il-popli tagħna. L-UE verament tapprezza r-rwol stabbilizzanti tal-Eġittu fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u r-rwol tiegħu ta' medjatur fil-kunflitt ta' Gaża. L-ewwel summit bilaterali tagħna ser ikun opportunità eċċellenti biex napprofondixxu s-sħubija tagħna, nikkooperaw biex nindirizzaw l-isfidi komuni tagħna u nisfruttaw il-potenzjal sħiħ tar-relazzjoni tagħna.
António Costa, President tal-Kunsill Ewropew
Informazzjoni ġenerali
F'Marzu 2024, l-UE u l-Eġittu qablu reċiprokament li jgħollu r-relazzjoni tagħhom għal-livell ta' Sħubija Strateġika u Komprensiva, li tkopri sitt pilastri ta' kooperazzjoni u prijoritajiet komuni: ir-relazzjonijiet politiċi, l-istabbiltà ekonomika, il-kummerċ u l-investiment, il-migrazzjoni u l-mobbiltà, is-sigurtà u d-demografija u l-kapital uman. Il-progress f'dawn l-oqsma ser jisfrutta l-potenzjal sħiħ tar-relazzjoni bejn l-UE u l-Eġittu. Imbagħad, bħala parti mill-impenn biex jiġi intensifikat id-djalogu politiku bilaterali, ġie deċiż li darba kull sentejn isir Summit bejn l-UE u l-Eġittu, b'żieda mal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni annwali.
Fl-2024, l-UE kienet l-akbar sieħba kummerċjali tal-Eġittu, responsabbli għal 22% tal-kummerċ totali tal-Eġittu. L-UE kienet ukoll id-destinazzjoni ewlenija għall-esportazzjoni Eġizzjana (26.5% tat-total) u l-akbar sors tal-importazzjoni Eġizzjana (19.9% tat-total). Is-Sħubija Strateġika għandha ttejjeb il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Eġittu biex jiġi implimentat u sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal sħiħ taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni miftiehem fl-2004.