Skip to content
  • Summit Internazzjonali

Summit UE-Eġittu, 22 ta' Ottubru 2025

Riżultati ewlenin

Il-President tal-Kunsill Ewropew, António Costa, u l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, jirrappreżentaw l-UE, iltaqgħu mal-President tal-Eġittu Abdul Fattah El-Sisi fl-ewwel summit li qatt sar bejn l-UE u l-Eġittu.

Dan kien ukoll l-ewwel summit bilaterali ma' kwalunkwe pajjiż fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq.

L-Eġittu huwa sieħeb strateġiku ewlieni minħabba r-rwol essenzjali tiegħu fil-promozzjoni tal-istabbiltà permezz ta' inizjattivi ta' paċi u sforzi għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti fir-reġjun tal-Lvant Nofsani.

Din il-laqgħa timmarka pass sinifikanti fir-relazzjoni tagħna. Turi kemm hija b'saħħitha s-sħubija tagħna.

Il-President Costa

Is-summit kien opportunità biex jiġu approfonditi aktar ir-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u l-Eġittu u s-sħubija politika u ekonomika tagħhom, bl-għan li jitrawmu l-istabbiltà, il-paċi u l-prosperità kondiviżi tal-partijiet.

Il-mexxejja ssottolinjaw l-ambizzjoni kondiviża tagħhom li jikkooperaw fi kwistjonijiet globali u reġjonali komuni, fosthom is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, l-Ukrajna, il-multilateraliżmu, il-kummerċ, il-migrazzjoni u s-sigurtà.

Nenfasizzaw l-ambizzjoni kondiviża tagħna li napprofondixxu aktar ir-rabtiet strateġiċi fit-tul, nikkooperaw fl-indirizzar tal-ħafna sfidi komuni globali u reġjonali tagħna, nippromwovu interessi konġunti u nġeddu l-prijoritajiet tas-sħubija.

Dikjarazzjoni konġunta UE-Eġittu

Il-mexxejja ħarġu dikjarazzjoni konġunta fi tmiem is-summit.

Il-President tal-Kunsill Ewropew, António Costa, il-President Eġizzjan Abdul Fattah El-Sisi u l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, bilwieqfa quddiem il-bnadar tal-UE u tal-Eġittu.
Il-President Costa, il-President El-Sisi u l-President von der Leyen

Kooperazzjoni UE-Eġittu

F'Marzu 2024, l-UE u l-Eġittu ffirmaw Sħubija Strateġika u Komprensiva li tkompli televa r-relazzjoni tagħhom. Is-sħubija tiffoka fuq sitt pilastri:

  • relazzjonijiet politiċi
  • stabbiltà ekonomika
  • kummerċ u investimenti
  • migrazzjoni u mobbiltà
  • sigurtà
  • demografija u kapital uman

Din is-sħubija bejn l-UE u l-Eġittu hija akkumpanjata minn pakkett finanzjarju u ta' investiment ta' €7.4 biljun għall-perjodu 2024-2027.

F'Diċembru 2024, l-UE żborżat l-ewwel €1 biljun f'assistenza makrofinanzjarja fuq perjodu qasir. Il-Memorandum ta' Qbil li jirfed it-tieni pakkett ta' €4 biljun, li jiffoka fuq l-istabbiltà ekonomika u r-reżiljenza, il-kompetittività u t-tranżizzjoni ekoloġika, ġie ffirmat fil-marġini tas-summit.

Ġew iffirmati wkoll ftehimiet oħra:

  • l-assoċjazzjoni tal-Eġittu ma' Orizzont Ewropa
  • dikjarazzjoni konġunta dwar ftehim ta' finanzjament dwar l-iżvilupp soċjoekonomiku

Kummerċ

Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Eġittu ilu fis-seħħ mill-2004. Dan joħloq żona ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Eġittu billi jneħħi t-tariffi fuq il-prodotti industrijali u jiffaċilita l-kummerċ tal-prodotti agrikoli.

Ser inkomplu nimplimentaw b'mod effettiv iż-żona ta' kummerċ ħieles, nesploraw modi kif nimmodernizzaw il-ftehim bil-ħsieb li nadattawh aħjar għall-isfidi tal-lum, u li nagħmlu possibbli ambjenti favorevoli għall-kummerċ u l-investiment.

Dikjarazzjoni konġunta UE-Eġittu

Fl-2024, l-UE kienet l-akbar sieħba kummerċjali tal-Eġittu fir-rigward tal-merkanzija, u kienet responsabbli għal 22% tal-kummerċ totali tal-Eġittu. Il-kummerċ fil-merkanzija bejn l-UE u l-Eġittu kellu valur ta' €32.5 biljun, b'valur ta' €12.6 biljun f'importazzjonijiet u €19.9 biljun f'esportazzjonijiet.

Globu stilizzat b'rettangoli li jirrappreżentaw il-bandiera Eġizzjana fuq ix-xellug u l-bandiera tal-UE fuq il-lemin fl-isfond, biex juri l-kummerċ.
Relazzjonijiet UE-Eġittu: fatti u ċifri

Relazzjonijiet UE-Eġittu: fatti u ċifri

Tranżizzjoni ekoloġika u diġitali

L-UE u l-Eġittu affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jaċċelleraw it-tranżizzjoni ekoloġika globali u jikkooperaw fil-qasam tat-trasformazzjoni diġitali.

Infakkru fl-impenn qawwi tagħna għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Ftehim ta' Pariġi u biex iż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 1.5°C.

Dikjarazzjoni konġunta UE-Eġittu

Permezz tas-sħubija tagħhom, l-UE u l-Eġittu ser ikomplu jippromwovu l-innovazzjoni, it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari effiċjenti fir-riżorsi u prattiki li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.

Dwar l-enerġija, l-UE u l-Eġittu ssottolinjaw l-interess strateġiku komuni tagħhom fit-tranżizzjoni rapida lejn ekonomiji b'emissjonijiet baxxi u reżiljenti għat-tibdil fil-klima, sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal enormi tal-enerġija rinnovabbli, b'mod partikolari dik solari u mir-riħ.

L-UE u l-Eġittu ser jaħdmu wkoll flimkien biex jimmobilizzaw investimenti f'konnettività diġitali u infrastrutturi tad-data affidabbli u siguri, u biex javvanzaw iċ-ċibersigurtà, l-intelliġenza artifiċjali, l-ekonomija tad-data u l-ħiliet diġitali.

Persuni jżommu id xulxin bid-dinja fl-isfond. Stampa.
Azzjoni klimatika globali

Azzjoni klimatika globali

Is-sigurtà reġjonali u globali

Il-mexxejja ddiskutew diversi kwistjonijiet ta' sigurtà reġjonali u globali ewlenin.

Multilateraliżmu

Il-mexxejja affermaw mill-ġdid l-impenn sod tagħhom għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, inkluż ir-rispett għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-pajjiżi, u għall-osservazzjoni tad-dritt internazzjonali, inkluż id-dritt tal-baħar.

L-UE u l-Eġittu jissottolinjaw li l-paċi, is-sigurtà u l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli huma fil-qalba tas-sħubija fit-tul tagħhom.

Dikjarazzjoni konġunta UE-Eġittu

Huma enfasizzaw il-ħtieġa li jissaħħu l-multilateraliżmu effettiv u l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli bin-NU fil-qalba tiegħu, filwaqt li impenjaw ruħhom li jikkollaboraw mill-qrib biex jindirizzaw l-isfidi globali u biex jinstabu riżoluzzjonijiet paċifiċi għall-kunflitti.

Gaża

Il-mexxejja tal-UE u tal-Eġittu laqgħu l-qbil li ntlaħaq dwar l-ewwel fażi tal-Pjan Komprensiv biex jintemm il-kunflitt ta' Gaża ppreżentat mill-President Trump, kif ukoll l-eżitu tas-summit għall-Paċi ta' Sharm El-Sheikh li sar fit-13 ta' Ottubru.

Huma appellaw lin-naħat kollha biex ikomplu jaħdmu fuq l-implimentazzjoni tal-Pjan u faħħru l-isforzi ta' medjazzjoni tal-Eġittu f'dan ir-rigward.

Wara sentejn ta' mewt u qerda, dan ġab tama għall-poplu Palestinjan. Tama li issa jeħtieġ li tinbidel f'paċi dejjiema u rikostruzzjoni.

Il-President Costa

Barra minn hekk, il-mexxejja tal-UE u tal-Eġittu:

  • appellaw għal aċċess umanitarju sikur, rapidu u mingħajr xkiel
  • tennew l-impenn tagħhom għal paċi dejjiema u sostenibbli bbażata fuq is-soluzzjoni ta' żewġ stati.
  • jibqgħu mħassba bis-sitwazzjoni fix-Xatt tal-Punent
  • ser ikomplu jappoġġaw lill-Awtorità Palestinjana u l-aġenda ta' riforma tagħha
  • enfasizzaw l-impenn tagħhom għar-rikostruzzjoni u l-irkupru ta' Gaża
Żewġ ħaddiema umanitarji quddiem kaxxi tal-għajnuna umanitarja.
Appoġġ umanitarju tal-UE għall-Palestinjani

Appoġġ umanitarju tal-UE għall-Palestinjani

L-Ukrajna

L-UE u l-Eġittu ssottolinjaw il-ħtieġa ta' riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti u r-rispett tad-dritt umanitarju internazzjonali, filwaqt li fakkru fl-impenn tagħhom li jżommu responsabbli dawk li jwettqu ksur serju tad-dritt internazzjonali.

L-UE u l-Eġittu enfasizzaw il-ħtieġa li tintlaħaq, malajr kemm jista' jkun, paċi komprensiva, ġusta u dejjiema fl-Ukrajna f'konformità mal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali.

Iż-żewġ naħat affermaw mill-ġdid ukoll l-appoġġ tagħhom għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna.

Id iżżomm ġirasol.
Solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna

Solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna

Il-Qarn tal-Afrika u l-Baħar l-Aħmar

Il-mexxejja enfasizzaw l-importanza ta' impenn internazzjonali kkoordinat biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-instabbiltà fil-Qarn tal-Afrika.

Affermaw mill-ġdid ukoll l-appoġġ tagħhom għall-isforzi ta' rikostruzzjoni u żvilupp wara l-kunflitt fl-Afrika u:

  • appellaw għal waqfien mill-ġlied u riżoluzzjoni paċifika għall-kunflitt fis-Sudan
  • jappoġġaw l-isforzi kontinwi tal-awtoritajiet tar-Repubblika Federali tas-Somalja biex javvanzaw il-bini tal-istat u r-riforma tas-settur tas-sigurtà

Is-sigurtà marittima u l-libertà tan-navigazzjoni jeħtieġ li jiġu protetti fil-Baħar l-Aħmar, għall-benefiċċju tas-sigurtà u l-kummerċ internazzjonali.

Dikjarazzjoni konġunta UE-Eġittu

L-UE u l-Eġittu ser jaħdmu wkoll flimkien biex iżommu r-rotot tal-baħar sikuri u miftuħa għall-kummerċ.

Illustrazzjoni ta' bastiment navali fuq wiċċ il-baħar fuq pipeline taħt l-ilma b'valv tal-kontroll kbir.
Is-sigurtà marittima

Is-sigurtà marittima

Migrazzjoni

Filwaqt li jirrikonoxxu l-kumplessità dejjem akbar tad-dinamika tal-migrazzjoni fir-reġjun u l-isfidi speċifiċi ppreżentati lill-Eġittu, u ggwidati mill-prinċipji tar-responsabbiltà kondiviża u l-kondiviżjoni tal-piżijiet, iż-żewġ naħat jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għal approċċ komprensiv għall-governanza tal-migrazzjoni.

Dikjarazzjoni konġunta UE-Eġittu

L-UE faħħret lill-Eġittu talli ospita miljuni ta' refuġjati u persuni li jfittxu l-ażil.

L-UE u l-Eġittu ser:

  • ikomplu jappoġġaw lill-migranti, lir-refuġjati u lil dawk li jfittxu l-ażil, kif ukoll lill-komunitajiet ospitanti b'rispett sħiħ għad-dritt internazzjonali u f'konformità mal-oqfsa nazzjonali
  • jikkooperaw mill-qrib, bil-ħsieb li jinħolqu mogħdijiet ta' migrazzjoni regolari, strutturata u ġusta
  • jinvolvu ruħhom iktar fl-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari
Il-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-ażil

Il-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-ażil

Kooperazzjoni fis-sigurtà

Il-kooperazzjoni fis-sigurtà hija element ewlieni tas-sħubija bejn l-UE u l-Eġittu. F'dan il-kuntest, il-mexxejja qablu li jkomplu jikkollaboraw biex:

  • jiġġieldu kontra l-kriminalità organizzata, il-kuntrabandu u t-traffikar
  • jiġġieldu kontra t-terroriżmu u jipprevjenu l-estremiżmu vjolenti li jwassal għat-terroriżmu
  • itejbu l-kooperazzjoni fiċ-ċibersigurtà

Għaddejjin ukoll diskussjonijiet preliminari dwar l-istabbiliment ta' djalogu mal-Eġittu dwar is-sigurtà u d-difiża.

Illustrazzjoni stilizzata li tirrappreżenta l-kriminalità organizzata, li turi xibka ta' linji li jaqsmu lil xulxin mmarkati b'karti ta' evidenza nnumerati tax-xena tal-kriminalità, imdawra minn manetti, lenti, u xkora flus fuq sfond blu jgħajjat.
Il-ġlieda tal-UE kontra l-kriminalità organizzata

Il-ġlieda tal-UE kontra l-kriminalità organizzata

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 16 ta' Ġunju 2026