"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Spjegazzjoni tal-laqgħat tal-Kunsill

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa fejn il-ministri mill-gvernijiet nazzjonali tal-istati membri kollha tal-UE jingħaqdu flimkien biex jieħdu d-deċiżjonijiet.

Kunsill wieħed, 10 konfigurazzjonijiet

Il-Kunsill tal-UE huwa entità legali waħda. Madankollu, fil-prattika, il-ministri jiltaqgħu fil-Kunsill fi gruppi tematiċi differenti, magħrufa bħala "konfigurazzjonijiet tal-Kunsill".

L-għaxar konfigurazzjonijiet tal-Kunsill huma organizzati skont l-oqsma ta' politika. Il-ministri nazzjonali li jkollhom il-portafoll fil-livell nazzjonali li jikkorrispondi għal qasam ta' politika ta' konfigurazzjoni tal-Kunsill jingħaqdu flimkien biex jiddiskutu politiki u jadottaw leġiżlazzjoni f'dak il-qasam speċifiku.

Hemm laqgħat tal-Kunsill dwar l-affarijiet ekonomiċi u finanzjarji, l-ambjent, l-enerġija, il-ġustizzja u l-bqija – li kull wieħed minnhom ilaqqa' flimkien il-ministri nazzjonali tal-istati membri tal-UE responsabbli għall-qasam ta' politika inkwistjoni.

Konfigurazzjonijiet tal-Kunsill spjegati

Min jieħu sehem fil-laqgħat tal-Kunsill

Ministri mill-istati membri kollha tal-UE

Għal-laqgħat tal-Kunsill jattendu rappreżentanti fil-livell ministerjali mill-gvern ta' kull stat membru tal-UE. Dawn jistgħu jkunu ministri jew segretarji tal-istat.

Pereżempju, il-ministri għall-ġustizzja jieħdu sehem fil-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni u l-ministri għall-finanzi fil-Kunsill Ekonomija u Affarijiet Finanzjarji.

Bħala rappreżentanti tal-gvernijiet tal-istati membri, huma jistgħu jieħdu impenji f'isem il-gvern tagħhom u jivvutaw fil-laqgħat tal-Kunsill.

Il-ministri mlaqqgħin fil-Kunsill.

Presidenza: presidenza b'rotazzjoni

Il-laqgħat tal-konfigurazzjonijiet tal-Kunsill huma ppreseduti mill-ministru responsabbli tal-istat membru li jkollu l-presidenza b'rotazzjoni tal-Kunsill ta' sitt xhur.

Dan japplika għall-laqgħat kollha tal-Kunsill, ħlief għall-Kunsill Affarijiet Barranin, li għandu president permanenti – ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

Il-presidenza tal-Kunsill tistabbilixxi wkoll il-programm ta' ħidma ġenerali tal-konfigurazzjonijiet u torganizza laqgħat informali tal-ministri fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha.

Kummissarji Ewropej u mistednin oħra

Il-Kummissarji Ewropej responsabbli għall-oqsma ta' politika koperti mill-konfigurazzjonijiet huma mistiedna wkoll għal-laqgħat tal-Kunsill.

Rappreżentanti ta' istituzzjonijiet oħra tal-UE, bħall-Bank Ċentrali Ewropew jew aġenziji, rappreżentanti ta' pajjiżi mhux tal-UE jew ta' organizzazzjonijiet internazzjonali jew mistednin oħra jistgħu jiġu mistiedna jieħdu sehem f'laqgħa tal-Kunsill.

X'jiġri fil-laqgħat tal-Kunsill

Matul il-laqgħat tal-Kunsill, il-ministri nazzjonali minn kull stat membru jinnegozjaw u jadottaw il-liġijiet tal-UE, jikkoordinaw il-politiki, u jiżviluppaw il-politika barranija.

Xogħol il-ministri hu li jippruvaw isibu soluzzjonijiet għal problemi komuni fil-livell tal-UE, filwaqt li jqisu l-interessi partikolari tal-pajjiżi individwali tagħhom. Ħafna drabi dan jirrikjedi flessibbiltà u kompromess.

Deċiżjonijiet fil-Kunsill

Kull laqgħa tal-Kunsill għandha aġenda tal-laqgħat li telenka l-punti li għandhom jiġu diskussi jew deċiżi.

Minħabba li Kunsill huwa entità ġuridika waħda, kwalunkwe waħda mill-għaxar konfigurazzjonijiet tiegħu tista' tadotta att tal-Kunsill li jaqa' fil-kompetenza ta' qasam ta' politika ieħor.

Il-Kunsill jieħu d-deċiżjonijiet permezz ta' vot. L-eżiti tal-laqgħat tal-Kunsill jistgħu jkunu deċiżjonjiet li huma leġiżlattivi, politiċi jew amministrattivi.

Adozzjoni tal-liġijiet tal-UE

Diskussjoni jew vot dwar proposta għal att leġiżlattiv. Dan jinkludi l-hekk imsejjaħ "approċċ ġenerali" (pożizzjoni tal-Kunsill).

Konklużjonijiet u riżoluzzjonijiet

Konklużjonijiet, rakkomandazzjonijiet, dikjarazzjonijiet, riżoluzzjonijiet li jistabbilixxu impenji jew pożizzjonijiet politiċi.

Atti oħrajn

Nomini u ħatriet għal pożizzjonijiet uffiċjali tal-UE, ftehimiet interistituzzjonali.

Tista' ssib ir-riżultati ewlenin tal-laqgħat tal-Kunsill fil-kalendarju tal-laqgħat passati. Ir-riżultati tal-voti tal-Kunsill isiru pubbliċi awtomatikament meta l-Kunsill jaġixxi biex jadotta liġijiet tal-UE.

Segwi laqgħa tal-Kunsill f'xandira diretta: seduti pubbliċi

Is-seduti tal-Kunsill jixxandru pubblikament meta l-Kunsill jiddiskuti jew jivvota dwar proposta għal att leġiżlattiv ("deliberazzjoni leġiżlattiva"). L-ewwel deliberazzjoni dwar proposti importanti mhux leġiżlattivi hija pubblika wkoll.

Barra minn hekk, il-Kunsill jorganizza dibattiti pubbliċi regolarment dwar kwistjonijiet importanti li jaffettwaw l-interessi tal-UE u ċ-ċittadini tagħha. Dawn ukoll jistgħu jiġu segwiti f'xandira diretta online.

Id-dibattitu dwar il-programm ta' 18-il xahar tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali, kif ukoll il-prijoritajiet tal-konfigurazzjonijiet l-oħra tal-Kunsill, u d-dibattitu dwar il-programm ta' ħames snin tal-Kummissjoni, huma dejjem disponibbli għall-pubbliku online.

Meta seduta tkun pubblika tista' tiġi segwita online fuq is-sit web tal-Kunsill.

Kif jitħejjew il-laqgħat tal-Kunsill

Il-laqgħat tal-Kunsill jitħejjew mill-ambaxxaturi għall-UE tal-istati membri kollha fil-Coreper (kumitat ta' rappreżentanti permanenti) u uffiċjali u esperti nazzjonali oħra f'diversi gruppi ta' ħidma u kumitati. F'dawn il-laqgħat, huma jħejju l-bażi għad-deċiżjonijiet kollha tal-Kunsill.

  1. 1

    Gruppi ta' ħidma

    Kull proposta leġiżlattiva jew impenn politiku l-ewwel tiġi eżaminata fil-livell tekniku minn esperti nazzjonali mill-istati membri kollha fi gruppi ta' ħidma speċjalizzati.

  2. 2

    Coreper

    Filwaqt li jaħdmu taħt struzzjonijiet mill-gvern tagħhom, l-ambaxxaturi għall-UE jħarsu lejn l-aġenda tal-laqgħat tal-Kunsill u jfittxu bażi komuni fejn jistgħu jaqblu.

    Dan huwa stadju finali essenzjali li jippermetti l-organizzazzjoni bla xkiel tal-laqgħat tal-Kunsill.

  3. 3

    Kunsill

    Fl-aħħar nett, il-ministri jieħdu deċiżjonijiet fil-laqgħat tal-Kunsill. Għall-kwistjonijiet politiċi l-aktar sensittivi, huma jistgħu jiddiskutu wkoll u jilħqu qbil fil-Kunsill.

Din l-istruttura f'diversi livelli, li tinvolvirappreżentanti ta' kull stat membru tal-UE f'kapaċitajiet differenti, tippermetti d-diskussjoni u l-eżami ta'proposti leġiżlattivi bl-għan aħħari li tgħin lill-Kunsill jadotta leġiżlazzjoni tal-UE u jieħu deċiżjonijiet.

Kif tkun l-aġenda ta' laqgħa tal-Kunsill?

L-aġenda tal-laqgħat tal-Kunsill hija maqsuma f'punti "A" u punti "B". Kull taqsima jista' jkun fiha kemm deliberazzjonijiet leġiżlattivi kif ukoll attivitajiet mhux leġiżlattivi.

Il-punti "A" huma punti li ma jeħtiġux diskussjoni fil-laqgħa tal-Kunsill.

Ġeneralment, madwar żewġ terzi tal-punti fuq l-aġenda tal-Kunsill huma punti "A". Jekk il-Coreper ikun irnexxielu jiffinalizza d-diskussjonijiet dwar proposta, din issir punt "A" fuq l-aġenda tal-Kunsill, li jfisser li jkun mistenni qbil mingħajr dibattitu. Madankollu, id-diskussjonijiet dwar dawn il-punti jistgħu jerġgħu jinfetħu jekk stat membru wieħed jew aktar jitolbu dan.

Punt "A" jista' jiġi adottat minn kwalunkwe konfigurazzjoni tal-Kunsill, irrispettivament mis-suġġett.

Il-punti "B" huma punti li jimplikaw diskussjoni fil-laqgħa tal-Kunsill. Il-punti "B" fuq l-aġenda tal-Kunsill jinkludu punti:

  • li jkun baqa' minn laqgħat preċedenti tal-Kunsill
  • li ma ntlaħaqx qbil dwarhom fil-livell tal-Coreper jew tal-grupp ta' ħidma
  • li jkunu politikament sensittivi wisq biex jissolvew f'livell inferjuri

L-aġendi tal-laqgħat tal-Kunsill jiġu ppubblikati minn qabel u jistgħu jinstabu wkoll fil-kalendarju tal-laqgħat tal-Kunsill.

Meta u fejn isiru l-laqgħat tal-Kunsill

Il-laqgħat tal-Kunsill isiru regolarment. Xi konfigurazzjonijiet tal-Kunsill jiltaqgħu kull xahar, madwar tlieta sa erba' darbiet fis-sena, u xi wħud fuq bażi ad hoc. Kull sena jsiru bejn 70 u 80 laqgħa tal-Kunsill.

Il-biċċa l-kbira tal-laqgħat idumu ġurnata sħiħa, għalkemm xi wħud huma sessjonijiet ta' nofstanhar u xi wħud ta' jumejn.

Il-laqgħat tal-Kunsill isiru fi Brussell, ħlief fix-xhur ta' April, Ġunju u Ottubru, meta jsiru fil-Lussemburgu.

Ara wkoll

Il-bini tal-Kunsill maġenb sett karti u pożakarti.

X'jagħmel il-Kunsill

Il-binjiet tal-Kunsill tal-UE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea, konnessi b'linja.

Ir-rwol tal-Kunsill fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE

Karti qed jitqiegħdu f'kaxxa tal-voti bl-emblema tal-UE fuqha.

Kif jivvota l-Kunsill?