Kif jiġi prodott u mibjugħ l-elettriku tal-UE?
Fil-livell tal-UE, l-enerġija rinnovabbli tikkostitwixxi l-akbar sehem tal-ġenerazzjoni tal-enerġija, segwita mill-fjuwils fossili u l-enerġija nukleari. Il-perċentwal ta' enerġija rinnovabbli u tipi oħra ta' enerġija użati għall-produzzjoni tal-enerġija huwa differenti f'kull pajjiż tal-UE.
L-aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna kellha impatt konsiderevoli fuq il-prezzijiet tal-fjuwils fossili fl-UE – speċjalment il-gass – u, għaldaqstant, fuq il-kontijiet tal-elettriku tal-Ewropej. Dan minħabba l-fatt li l-prezz tal-elettriku fl-UE huwa marbut mal-prezz tal-gass naturali użat għall-ġenerazzjoni tal-enerġija.
Fl-2024, l-UE adottat riforma tas-suq tal-elettriku tal-UE biex tevita xokkijiet fil-prezzijiet fil-futur.
L-UE kif tipproduċi l-elettriku?
Fl-2024, l-UE pproduċiet 2 828 TWh (terawatt-siegħa) ta' elettriku (produzzjoni grossa). Aktar minn 48% tal-elettriku ġie minn sorsi rinnovabbli. Il-fjuwils fossili kienu jammontaw għal 29% u l-elettriku nukleari aktar minn 23%. L-elettriku minn sorsi rinnovabbli ġie l-aktar mill-enerġija mir-riħ (36.2 % tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli), mill-idroenerġija (27.4 %) u mill-enerġija solari (22.8 %). Il-gass kien il-fjuwil fossili ewlieni użat biex jiġġenera l-elettriku (aktar minn 56% tal-elettriku ġġenerat mill-fjuwils fossili), segwit mill-faħam (34.3%).
Ġenerazzjoni netta tal-elettriku fl-UE skont it-tip ta' fjuwil (2024)
Grafika f'forma ta' ċirku maqsum li turi s-sehem ta' tipi differenti ta' fjuwil fil-ġenerazzjoni tal-elettriku netta fl-UE.
Fl-2024, 48% tal-elettriku ġie ġġenerat minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli, inqas minn 30% minn fjuwils fossili u 'l fuq minn 23% mill-enerġija nukleari.
Il-fjuwils fossili fid-dettall:
- Gass: 15.9%
- Faħam: 9.7%
- Żejt: 1.6%
- Oħrajn: 1.1%
L-enerġija rinnovabbli fid-dettall:
- Riħ: 17.5%
- Idro: 13.3%
- Solari: 11%
- Bijomassa u bijokarburanti: 6.4%
- Ġeotermali: 0.2%
Kull sena, l-elettriku fl-UE qed isir dejjem aktar ekoloġiku. Is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-ġenerazzjoni tal-elettriku kważi ttrippla mill-2004 'l hawn. Ser ikompli jikber fis-snin li ġejjin hekk kif l-UE impenjat ruħha li sal-2050 issir newtrali għall-klima.
Is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-ġenerazzjoni tal-elettriku fl-UE (2004-2024)
Grafika lineari li turi kif is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-ġenerazzjoni tal-elettriku fl-UE nbidel bejn l-2004 u l-2024. Fl-2004, is-sehem kien inqas minn 16%. Minn dak iż-żmien 'l hawn, kiber b'mod kostanti biex wasal għal 47.5% fl-2024.
Il-produzzjoni tal-elettriku kif tvarja bejn il-pajjiżi?
It-taħlita tal-elettriku tvarja konsiderevolment bejn l-istati membri tal-UE, u s-sehem tal-elettriku mill-enerġija rinnovabbli jvarja minn 96% għal 15%. Dan minħabba l-kundizzjonijiet ġeografiċi, jekk il-pajjiż ikollux riżorsi naturali (eż. depożiti tal-faħam jew tal-gass), l-istruttura tal-ekonomija tal-pajjiż u l-għażliet politiċi (eż. jekk jiżviluppax il-kapaċità tal-enerġija nukleari jew le).
Produzzjoni grossa tal-elettriku fil-pajjiżi tal-UE (2024)
Grafika b'kolonni li turi s-sehem tal-enerġija rinnovabbli, il-fjuwils fossili u l-enerġija nukleari fil-ġenerazzjoni tal-elettriku f'kull wieħed mis-27 pajjiż tal-UE. Il-grafika turi li s-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-produzzjoni tal-elettriku jvarja minn 96% fil-Lussemburgu għal 15% f'Malta. Tnax-il pajjiż jiġġeneraw parti mill-elettriku tagħhom mill-enerġija nukleari. Dan is-sehem ivarja minn 2.9% għan-Netherlands għal 'il fuq minn 60% fi Franza u s-Slovakkja.
Fl-2024, tnax-il stat membru operaw impjanti tal-enerġija nukleari. Għal tmienja minnhom, l-enerġija nukleari kopriet aktar minn terz tal-ġenerazzjoni tal-elettriku tagħhom.
Kif jiġi stabbilit il-prezz tal-elettriku?
Minħabba l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, l-Ewropej intlaqtu minn żidiet qawwija fil-prezzijiet kemm għall-gass kif ukoll għall-elettriku. Il-prezz tal-gass żdied konsiderevolemt minħabba li l-volumi drastikament iżgħar tal-importazzjonijiet tal-gass Russi kellhom jiġu sostitwiti b'sorsi ta' gass aktar għaljin prinċipalment gass naturali likwifikat (LNG).
Il-prezz tal-elettriku żdied ukoll. Dan huwa dovut għall-fatt li l-prezz tal-elettriku spiss jiġi ddeterminat mill-prezz tal-gass. Ir-raġuni għal dan huwa l-hekk imsejjaħ prinċipju tal-ordni tal-mertu.
Kif taħdem l-ordni tal-mertu
L-elettriku jiġi nnegozjat bħala prodott bażiku, li spiss iseħħ fl-iskambji tal-enerġija. Kull impjant tal-enerġija joffri l-elettriku tiegħu bi prezz individwali, u b'tali mod li l-ispejjeż tiegħu jkunu koperti.
L-irħas elettriku jinbiegħ l-ewwel. Dan normalment ikun elettriku minn enerġija rinnovabbli.
Jekk il-provvista ma tkunx biżżejjed, impjanti oħra tal-enerġija aktar għaljin jistgħu jbigħu l-elettriku tagħhom (faħam u gass).
Madankollu, l-elettriku ma jinbiegħx bil-prezz individwali offrut minn kull impjant tal-enerġija. Il-prezz jiġi stabbilit bil-prezz offrut mill-aħħar u l-aktar impjant tal-enerġija għali.
Matul l-2022, ħafna pajjiżi tal-UE introduċew miżuri biex itaffu l-impatt taż-żidiet qawwija fil-prezzijiet fuq iċ-ċittadini, pereżempju billi jnaqqsu t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq l-enerġija jew billi joffru sussidji lid-djar u lill-kumpaniji.
Il-grupp ta' riflessjoni ta' Bruegel jistma li l-pajjiżi tal-UE nefqu:
F'Mejju 2024, il-Kunsill adotta r-riforma tas-suq tal-enerġija biex jipproteġi lill-Ewropej minn xokkijiet simili fil-prezzijiet fil-futur.
L-aħħar reviżjoni: 27 ta' April 2026