Skip to content

Riforma tas-suq tal-elettriku

L-invażjoni tal-Ukrajna fuq skala sħiħa mir-Russja kkawżat żidiet qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija madwar l-UE fl-2022. Biex tevita xokkijiet fil-prezzijiet fil-futur, fl-2024 l-UE għamlet riforma tas-suq tal-elettriku tagħha.

Għaliex l-UE għamlet riforma tas-suq tal-elettriku?

Ir-riforma tas-suq tal-elettriku hija t-tweġiba fit-tul tal-UE għall-kriżi tal-enerġija li esperjenzajna fl-2022.

Minkejja sehem kbir ta' sorsi rinnovabbli fil-ġenerazzjoni tal-enerġija, żidiet qawwija fil-prezzijiet tal-fjuwils fossili (speċjalment il-gass) ikkawżaw żieda qawwija fil-prezzijiet tal-elettriku.

Dan minħabba l-mod kif jaħdem is-suq tal-elettriku tal-UE, fejn il-prezz tal-enerġija huwa bbażat fuq l-ispiża tal-fjuwils fossili użati fil-ġenerazzjoni tal-elettriku. Dan il-mekkaniżmu jissejjaħ il-prinċipju tal-ordni tal-mertu. Meta l-prezzijiet għoljin laqtu lill-konsumaturi fis-sajf tal-2022, il-pajjiżi tal-UE aġixxew immedjatament biex itaffu l-piż fuq iċ-ċittadini b'miżuri bħal għotjiet u s-sospensjoni tal-VAT.

Ir-riforma tiffoka fuq soluzzjonijiet fit-tul sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet simili fil-futur.

L-infografika tispjega minn liema sorsi l-elettriku jiġi prodott fl-UE u kif jiġi stabbilit il-prezz tiegħu.
Kif jiġi prodott u mibjugħ l-elettriku tal-UE? (Infografika)

Kif jiġi prodott u mibjugħ l-elettriku tal-UE? (Infografika)

X'inbidel bir-riforma tas-suq tal-elettriku?

Ir-regoli l-ġodda għamlu l-prezzijiet tal-elettriku inqas dipendenti fuq il-prezz tal-fjuwils fossili. Dan joħloq ilqugħ bejn is-swieq u l-kontijiet tal-elettriku mħallsa mill-konsumaturi.

Objettivi

Protezzjoni aħjar għall-konsumaturi

Aktar stabbiltà għall-kumpaniji

Żieda fl-elettriku ekoloġiku

Protezzjoni aħjar għall-konsumaturi

Iċ-ċittadini issa għandhom aktar għażliet meta jiffirmaw kuntratt tal-elettriku. Dan ifisser:

  • disponibbiltà akbar ta' kuntratti bi prezz fiss u b'terminu fiss
  • flessibbiltà fl-għażla tal-ipprezzar dinamiku, bil-possibbiltà ta' kuntratti multipli jew ikkombinati
  • informazzjoni aktar ċara qabel l-iffirmar

L-aċċess għall-enerġija rinnovabbli sar aktar faċli bis-saħħa tal-kummerċ tal-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli lokalment (pereżempju l-enerġija mill-pannelli solari tista' tinbiegħ lill-ġirien).

Konsumaturi vulnerabbli huma protetti aħjar:

  • il-gvernijiet għandhom jiżguraw li jkun hemm biżżejjed fornituri bħala l-aħħar soluzzjoni sabiex l-ebda konsumatur ma jibqa' mingħajr l-elettriku
  • il-gvernijiet issa jistgħu jirregolaw aħjar il-prezzijiet bl-imnut għad-djar u l-SMEs

Aktar stabbiltà u kompetittività għall-kumpaniji

In-negozji għandhom prezzijiet aktar stabbli bis-saħħa ta' kuntratti fit-tul (bħal ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija li permezz tagħhom min jiġġenera l-enerġija jaqbel li jbigħ l-enerġija direttament lill-konsumaturi tal-enerġija b'ċertu prezz).

Dawk li jipproduċu l-enerġija għandhom dħul aktar stabbli. Investimenti f'faċilitajiet ġodda għall-ġenerazzjoni tal-enerġija bbażati fuq l-enerġija mir-riħ, l-enerġija solari, l-enerġija ġeotermali, l-enerġija idroelettrika (mingħajr riżervi) u l-enerġija nukleari jsiru fil-forma ta' kuntratti bidirezzjonali għad-differenza (CFs). Minn naħa, dan jiżgura redditu minimu fuq investimenti bħal dawn u min-naħa l-oħra, jipprevjeni spejjeż eċċessivi f'każ ta' kriżi oħra.

Kif jaħdem kuntratt bidirezzjonali għad-differenza?

Dak li jiġġenera jbigħ l-elettriku fis-suq iżda mbagħad iħallas id-differenza bejn il-prezz tas-suq u l-prezz tal-eżerċitar miftiehem minn qabel mal-entità pubblika. Kull dħul żejjed jitqassam lill-klijenti finali, b'xi flessibbiltà għall-istati membri.

Rappreżentazzjoni ta' kif jaħdem kuntratt għad-differenza, li turi l-prezzijiet tas-suq u tal-eżerċitar u d-differenza li dawk li jiġġeneraw iħallsu lura jew jirċievu jekk jintlaħqu l-limiti ogħla jew aktar baxxi tal-prezz.

Żieda fl-elettriku ekoloġiku

Regoli ġodda jagħmluha wkoll eħfef biex l-enerġija rinnovabbli tiġi integrata fis-sistema. Barra minn hekk, il-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli hija aktar faċli biex titbassar (permezz ta' obbligi ġodda ta' trasparenza għall-operaturi tas-sistemi u kapaċità mtejba li jiġi mmonitorjat is-suq tal-enerġija).

Dan ser jagħmilha possibbli kemm li l-prezzijiet jiġu kontrollati kif ukoll li jintlaħqu l-miri klimatiċi ambizzjużi li l-UE stabbiliet fil-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%".

Il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli fl-UE mistennija tkompli tikber

Verżjoni testwali

Tabella li turi l-kapaċità kumulattiva f'gigawatts (GW) fl-UE għall-enerġija solari, l-enerġija mir-riħ, il-bijoenerġija u l-enerġija idroelettrika mill-2010 sal-2024, bi tbassir għas-snin 2025-2030.

  • Il-kapaċità tal-enerġija idroelettrika esperjenzat tkabbir limitat biss, minn 143.2 GW fl-2010 għal 152.7 GW fl-2024. Il-kapaċità mistennija tibqa' stabbli u tilħaq 159 GW fl-2030.
  • Il-bijoenerġija tirrappreżenta biss sehem żgħir mill-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli fl-UE. Il-kapaċità tal-bijoenerġija tal-UE kibret minn 25 GW fl-2010 għal 37.2 GW fl-2024 u skont it-tbassir ser tibqa' bejn wieħed u ieħor f'dan il-livell.
  • Il-kapaċità tal-enerġija mir-riħ kibret b'mod kostanti u żdiedet minn 79.2 GW fl-2010 għal 230.8 GW fl-2024. Il-kapaċità mistennija tkompli tikber u tilħaq 368.6 GW fl-2030.
  • L-enerġija solari hija s-sors ta' enerġija rinnovabbli li kiber l-aktar, minn 30 GW fl-2010 għal 332.1 GW fl-2024. L-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE) tbassar li sal-2030, il-kapaċità tal-enerġija solari fl-UE ser tilħaq 690.1 GW.

X'kien ir-rwol tal-Kunsill?

Ir-riforma tas-suq tal-elettriku ġiet ippreżentata għall-ewwel darba mill-Kummissjoni Ewropea f'Marzu 2023. Hija temenda r-regolamenti dwar l-elettriku tal-2019 u d-direttivi dwar l-elettriku ta' bejn l-2018 u l-2019, kif ukoll ir-regolament dwar il-protezzjoni kontra l-manipulazzjoni tas-suq fis-suq tal-enerġija bl-ingrossa (REMIT).

Fis-17 ta' Ottubru 2023, wara diskussjonijiet tekniċi fil-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar l-Enerġija, il-Kunsill qabel dwar approċċ ġenerali għar-riforma tas-suq tal-elettriku (minbarra r-regoli dwar il-manipulazzjoni tas-suq). Il-qbil fost l-istati membri fil-Kunsill witta t-triq għall-bidu ta' negozjati mal-Parlament Ewropew dwar il-forma finali tar-riforma.

Xi wħud mill-elementi ewlenin tal-approċċ ġenerali tal-Kunsill kienu:

  • l-istabbiliment ta' għażla libera tal-fornitur tal-enerġija għall-klijenti
  • il-kuntratti għad-differenza jsiru obbligatorji għal proġetti ffinanzjati minn fondi pubbliċi kemm għall-enerġija rinnovabbli kif ukoll għall-enerġija nukleari b'livell baxx ta' karbonju
  • iż-żieda ta' aktar flessibbiltà għad-distribuzzjoni ta' dħul minn kuntratti għad-differenza lill-konsumaturi
  • it-tisħiħ tar-rwol tal-Kunsill fid-dikjarazzjoni ta' kriżijiet fil-prezzijiet tal-elettriku fl-UE kollha

F'Diċembru 2023, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim politiku proviżorju dwar ir-riforma. Aktar kmieni f'Novembru 2023, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew kienu laħqu ftehim politiku proviżorju dwar ir-regolament REMIT.

Il-Kunsill adotta r-regolament REMIT f'Marzu 2024 u r-riforma tas-suq tal-elettriku f'Mejju 2024.

Ara wkoll

Miter tal-kilowatt fis-siegħa bi vleġġa ħadra tipponta 'l isfel u simboli li jirrappreżentaw metriċi tal-konsum bħall-euro, il-metri kubi, gigawatt-siegħa, u perċentwali.
Kif wieġbet għall-kriżi tal-enerġija tal-2022 l-UE?

Kif wieġbet għall-kriżi tal-enerġija tal-2022 l-UE?

L-infografika tispjega minn liema sorsi l-elettriku jiġi prodott fl-UE u kif jiġi stabbilit il-prezz tiegħu.
Kif jiġi prodott u mibjugħ l-elettriku tal-UE?

Kif jiġi prodott u mibjugħ l-elettriku tal-UE?

Illustrazzjoni ta' żewġ turbini eoliċi moderni quddiem forom astratti.
Kif l-UE qed tekoloġizza l-enerġija

Kif l-UE qed tekoloġizza l-enerġija

L-aħħar reviżjoni: 4 ta' Marzu 2026